Simon Busuttil u l-konkos ta’ Mater Dei

mater_dei

Dal-għodu, il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil, ġo B’Kara, ikkummenta dwar il-Bord tal-Inkjesta li saret dwar Mater Dei.

Ikkummenta fuq il-fatt li wieħed mill-membri tal-Bord tal-Inkjesta kien Karl Cini, l-istess persuna li f’isem in-Nexia BT kien qed jieħu ħsieb it-twaqqif tal-kumpaniji fil-Panama għal Konrad Mizzi, Keith Schembri l-Kasco u oħrajn mhux magħrufa, preżentement fl-aħbarijiet.

Bla dubju l-presenza ta’ Karl Cini fuq dak il-Bord tal-Inkjesta jitfa’ dell fuq il-proċess kollu ta’ investigazzjoni dwar l-isptar Mater Dei, ħlief għall-istat tal-konkos. Għax l-istat tal-konkos huwa riżultat ta’ eżami xjentifiku fil-laboratorji mid-ditta Arup u fil-fatt Karl Cini ma kellu xejn x’jaqsam biex ġie stabilit li l-konkos kien dgħajjef.

Tajjeb li l-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil jiftakar f’dak li qal kważi sena ilu meta insista li dawk responsabbli għall-konkos dgħajjef għandhom iwieġbu għal għemilhom. Dakinnhar kien staqsa lil min kien qed jiddefendi l-Gvern ta’ Joseph Muscat. Jiġifieri mhux kontestat li l-konkos hu dgħajjef. Pero għadu mhux stabilit ċar min hu direttament responsabbli għal dan.

Tajjeb li niftakru li reċentement in-Nexia BT li f’isimha aġixxa Karl Cini, riċentment ingħataw inkarigu addattat ħafna mill-Gvern. Il-Ministru tat-Turiżmu inkarighom biex jirrappurtaw dwar il-latrini pubbliċi ta’ Malta u Għawdex. Materja li mid-dehra jifhmu sewwa fiha.

Fuq dan il-blog ara ukoll hawn.

Advertisements

Il-latrini pubbliċi fil-Parlament

public convenience

Il-ħin allokat għall-mistoqsijiet parlamentari tal-bieraħ ġie użat kollu dwar il-latrini pubbliċi.

Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis mhux sodisfatt bil-kwalità ta’ servizz fil-latrini pubbliċi. Irid itejjeb il-kwalità tal-prodott tat-turiżmu. Ġustament iħares lejn is-servizz fil-latrini pubbliċi bħala wieħed importanti. Sa hawn Zammit Lewis m’hu jgħid xejn ħażin. Avolja jekk irid jgħid kollox għandu jgħid li, f’ħafna każi, s-servizz hu ferm aħjar milli kien fil-passat. Dan minkejja li l-Kunsilli m’għandhomx biżżejjed flus biex jimpjegaw latrine attendant kontinwu ma kull latrina pubblika, kemm għat-tindif meħtieġ kif ukoll għas-sorveljanza kontra l-ħela tal-ilma u l-vandaliżmu.

Meta bdew jagħafsuh biex ikun ftit iktar ċar Zammit Lewis qal li għad ma hemmx deċiżjonijiet. Imma qed ikun ikkunsidrat kif ikun involut is-settur privat f’dak li jissejjaħ PPP (private-public-partnership). Kif? Zammit Lewis qal li għadu qed jara l-options kollha. S’issa imma għad m’hemmx deċiżjonijiet. Imma l-Kunsilli Lokali ser ikunu involuti, qal il-Ministru. L-ewwel effettwati, skond il-Ministru Zammit Lewis ser ikunu dawk fiċ-ċentru tal-pajjiż.

Il-problema tal-latrini pubbliċi hi li l-Kunsilli Lokali huma mistennija li jagħtu servizz imma m’għandhomx il-flus biex jagħtu dan is-servizz. Hemm ukoll il-problema tal-vandaliżmu. Il-pagi huma l-ispiża l-kbira fil-każ tal-latrini pubbliċi, f’xi kazi (b’mod partikolari fis-sajf) hu meħtieġ il-presenza ta’ persuna (attendent) għal sittax-il siegħa kuljum jew iktar, jiġifieri tnejn min-nies għal sebgħat ijiem fil-ġimgħa ma’ kull latrina pubblika. Fil-prattika dan biss ifisser paga ta’ 4 persuni fis-sena full time ma kull latrina pubblika. Dan qabel ma biss tibda tikkunsidra spejjes oħra.

Li l-Gvern joħroġ b’inizjattiva ħalli jtejjeb il-kwalità tas-servizz ikun pass tajjeb dejjem sakemm ma jitfax iktar piz finanzjarju fuq il-Kunsilli Lokali.

Il-proposti tal-Gvern s’issa għadhom mhux magħrufa. Għax Zammit Lewis qagħad attent li ma jgħid xejn f’dan is-sens. Allura irridu nistennew u naraw.

Awrinar li jaħdem bla ilma

 

Fi żmien ta’ nuqqas ta’ ilma kullimkien fid-dinja, hi f’waqtha l-invenzjoni tal-kumpanija Svizzera Urimat li topera f’Feldbach ħdejn Lake Zurich. L-invenzjoni hi awrinar (urinal) li jaħdem bla ilma ! Immaġinaw ftit kemm-il biljun litru ta’ ilma jista’ jiġi ffrankat !

 

Rapport fuq l-Swissinfo.ch tal-lum jgħid illi dan l-awrinar qed jiġi ppruvat f’dawn il-ġranet waqt il-kampjonat Euro 2008 fl-istadju Sankt Jakob ta’ Basel.

 

Fil-link ta’ hawn fuq għandkom spjegazzjoni kif jaħdem dan l-awrinar ta’ bla ilma li l-anqas ma jiġġenera irwejjaħ !

 

 

Meta kulħadd jaf kemm jiswa’ l-ilma biex nipproducuh, naħseb li aħjar Tonio Fenech jieħu ħsieb ftit jara li ssir ordni ta’ malajr għal-latrini f’Malta. Dan ifisser anqas ħela ta’ ilma  kif ukoll anqas irwejjaħ !

 

Opportunita tajba għall-Kunsilli Lokali ukoll, li kif tafu għandhom responsabbilta’ għall-latrini !