Michael Falzon u l-Awditur Ġenerali

Michael Falzon 6

L-Awditur Ġenerali jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu dwar l-amministrazzjoni pubblika. Jiġifieri dwar is-settur pubbliku u dwar il-Gvern tal-ġurnata, prinċipalment. Imma jinvestiga ukoll dwar il-Gvern tal-bieraħ, jekk iħoss il-ħtieġa jew jekk ikun mitlub.

Nifhem li mhux bil-fors ikun hemm qbil mal-konklużjonijiet li jasal għalihom l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Min jagħmel l-investigazzjoni jista’ jiżbalja ukoll. Sakemm l-iżbalji jkunu żbalji umani, wieħed jifhem, avolja xorta ħadd ma hu ser jieħu pjaċir b’dawn it-tip ta’ żbalji! Huwa għalhekk li l-kritika li għamel Michael Falzon lill-uffiċju tal-Awditur Ġenerali, għalkemm kienet tinħass esaġerata, huwa xieraq li tkun eżaminata iktar milli fil-fatt jidher li ġiet eżaminata.

L-Awditur Ġenerali f’ittra lill-Ispeaker jispjega li l-impjegat fl-uffiċċju tiegħu li fuq il-media soċjali dehru ritratti tiegħu waqt partita futbol flimkien mal-ex Ministru Jason Azzopardi ma kienx involut fl-investigazzjoni li minna ilmenta Michael Falzon. Din l-ispjega tindirizza biss parti mill-ilment imma ma titfa l-ebda dawl (ta’ l-inqas publikament) dwar kemm hu ta’ ħsara li uffiċjali investigaturi mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jidhru viċin wisq tal-politiċi.

Inċidenti ta’ din ix-xorta jitfgħu dell bla bżonn fuq l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Itappnu l-kontribut kbir li l-uffiċċju dejjem ta lill-pajjiż. F’ċirkustanzi bħal dawn l-Awditur Ġenerali għandu jkun ċar u iebes. Sfortunatment ma kienx.

Huwa ovvju li l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dejjem ser ikun kritiku tal-Gvern. Gvern għaqli jagħti każ ta’ din il-kritika, anke fejn mhux bil-fors jaqbel magħha. Imma l-Awditur Ġenerali għandu l-obbligu li jassigura ruħu li dawk li jgawdu l-fiduċja tiegħu iġibu ruħhom sewwa. Dejjem, mhux biss waqt il-ħin tax-xogħol. Inkella għandu l-obbligu li jdabbrilhom rashom malajr.

Toni Abela fir-raba’ sular

Toni Abela. EU hearing 160316

Id-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kontroll tal-Budget setgħet kienet antiċipata. Toni Abela hu persuna li qatt ma ħarab il-kontroversja, u l-istess kontroversja bla dubju baqgħet tiġri warajh.

Bħal ħafna oħrajn jiena kont sorpriż meta l-Gvern iddeċieda li jinnomina lil Toni Abela għall-Qorti tal-Awdituri, prinċipalment minħabba li m’għandu l-ebda esperjenza ta’ amministrazzjoni pubblika. Qatt ma miss direttament b’idejh id-deċiżjonijiet politiċi dwar l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi u l-infieq tagħhom. Esperjenza f’dan il-qasam ma kellu xejn.  L-esperjenza bħala Viċi Sindku tal-Ħamrun 24 sena ilu, fil-fehma tiegħi ma tfisser assolutament xejn.

Ma dan trid iżżid il-kontroversja dwar id-droga fil-Każin Laburista ta’ Ħal-Safi li dwarha, l-ispjegazzjoni li ta Toni Abela, anke jekk probabilment hi korretta, qatt ma kienet sodisfaċenti. Hi spjegazzjoni li ma kkonvinċiet lil ħadd. Hi kontroversja li wasslet ċar il-messaġġ li l-Partit Laburista ipproteġa l-kriminalità fil-każini tiegħu.

Dan kollu, trid tarah ukoll fid-dawl tad-dibattitu kurrenti dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-kaz John Dalli ta lil Malta isem ħażin fuq l-livell Ewropew. Dan hu salib li bħala pajjiż irridu inġorru għal snin kbar u minħabba fih kulħadd ser jeżamina kull ma nagħmlu u nipproponu bil-lenti.

Hemm min qed jgħid li dan kollu hu riżultat ta’ kampanja negattiva mill-membri parlamentari tal-PN fil-Parlament Ewropew. Issa jiena ma nafx dawn x’għamlu, imma naf li illum il-ġurnata, sempliċi search fuq l-internet, f’tebqa’ t’għajn tagħtik l-informazzjoni kollha li tkun trid jew teħtieġ, mhux biss dwar Malta iżda ukoll dwar Toni Abela.

Fid-dawl ta’ dan kollu Toni Abela seta faċilment antiċipa r-riżultat tal-bieraħ. Żbalja bil-kbir meta aċċetta n-nomina.

Għadni ma nistax nifhem kif l-istrateġisti tar-raba’ sular dan kollu ma fehmuhx.

Lil Michael Falzon qabżitlu ċ-ċinga

Michael Falzon-Resignation-200116

Wara li ħadet il-ġurament tal-ħatra, Deborah Schembri, Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċess Amministrattiv bdiet fuq nota tajba. Qalet li m’għandniex niżirgħu dubji dwar ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali. Għandna l-obbligu li nitgħallmu minnhom. Huwa kumment f’waqtu u jpatti ftit għall-ħsara istituzzjonali bil-kummenti goffi ta’ Michael Falzon nhar l-Erbgħa hekk kif irriżenja minn Segretarju Parlamentari.

Falzon, li kien ilu jaqla’ ġo fih xhur sħaħ, żbroffa l-bieraħ meta xebbaħ partijiet mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-esproprijazzjoni ta’ 36 Triq iz-Zekka l-Qadima l-Belt Valletta ma’ diskors tal-Kap tal-Opposizzjoni. Falzon soltu jkun meqjus fi kliemu, iżda l-bieraħ qabżitlu ċ-ċinga.

Huwa tajjeb li l-istituzzjonijiet nirrispettawhom. Meta naqblu mal-konklużjonijiet tagħhom ma hemm l-ebda diffikulta biex nuru dan ir-rispett. Ir-rispett reali nuruh meta l-konklużjonijiet ikun iebsa u jesponu d-difetti fit-tħaddim tal-amminstrazzjoni pubblika.

Huwa tajjeb li nifhmu lkoll li din hi l-funzjoni tal-Awditur Ġenerali : li jgħarbel il-ħidma u l-infieq tal-amministrazzjoni pubblika biex jassigura li flusna qed jiġu użati kif inhu xieraq. Il-ħidma tal-Awditur Ġenerali dejjem ser tkun ta’ kontroversja. Ġieli ftit u ġieli ħafna. Bil-fors irid ipoġġi subgħajh fuq il-feriti u d-dnubiet tal-amministrazzjoni pubblika. Jekk ma jagħmilx dan ikun qiegħed hemm għalxejn.

Ikun xieraq li napprezzaw il-ħidma tiegħu għax, kif ngħidu, hi dejjem ħidma għat-telgħa. Għalhekk il-kumment ta’ Deborah Schembri l-bieraħ kif floku. Huwa tajjeb li jkun hemm min jisma’ aħjar x’għandu xi jgħid l-Awditur Ġenerali. Huwa b’hekk li jista’ jkollna amministrazzjoni pubblika li tagħti servizz aħjar, lil kulħadd.

Stennejt xi ħaġa aħjar minn Simon Busuttil

 

good_governance

Fid-diskors tal-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil bi tweġiba għall-baġit issemmew qraba ta’ politiċi u dan in konnessjoni ma ħatriet f’Bordijiet fis-settur pubbliku.

Dak li ser ngħid m’huwiex rifless la fuq l-integrità tal-politiku u l-anqas tal-qarib jew qariba.

Huwa ħażin, fl-opinjoni tiegħi, li argument validu favur tmexxija tajba (good governance) jiddawwar f’battibek li jipprova jagħti l-impressjoni ta’ nuqqas ta’ integrità, b’mod partikolari meta ma hemm xejn li jagħti l-iċken indikazzjoni ta’ dan.  Għalhekk naħseb li l-Kap tal-Opposizzjoni qiegħed il-kliem b’mod żbaljat u b’hekk il-kontribut tiegħu għal diskussjoni serja dwar din il-materja kien wieħed kompletament inkorrett. Stennejt xi ħaġa aħjar minn Simon Busuttil.

Din mhiex l-ewwel darba li qraba ta’ politiċi kienu taħt l-ispotlight. Hi issue li tista’ tinqala’ minn żmien għal żmien kważi taħt kull amministrazzjoni.  Il-mistoqsija ta’ dejjem hi dwar fejn għandha tinqata’ linja.

Il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri, per eżempju, fir-regola 23 tiegħu jinsisti li safejn hu possibli l-Ministri (u allura anke s-Segretarji Parlamentari) għandhom jevitaw li jappuntaw qraba bħala membri tas-segretarjat privat tagħhom.

Safejn naf jiena dik hi l-unika limitazzjoni bil-kitba li hemm dwar ħatriet ta’ qraba ta’ politiċi f’Malta. Ma jfissirx imma li ħatriet oħra jistgħu jsiru, iżda jfisser li jekk ikunu ikkunsidrati għal xi ħatra oħra għandu jkun hemm attenzjoni kbira. Bil-fatt li l-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri kważi jeskludi l-ħatriet tal-qraba mis-segretarjat privat tal-Ministru (u tas-Segretarju Parlamentari) qed jingħata messaġġ ċar li l-politiku m’għandux jaħtar lill-qraba tiegħu bħala l-għajnejn u l-widnejn tiegħu fid-dikasteru li għalih huwa responsabbli. Ir-raġuni għal dan hi ċara: id-demm qatt ma jsir semm. Il-lealtà familjari, fil-ħajja pubblika, hi ostaklu għal tmexxija tajba.

Meta qraba ta’ politiċi li jkollhom is-setgħa eżekuttiva jinħatru f’Bordijiet fl-istess Ministeru tal-politiku qarib tagħhom, jinħoloq konflitt ta’ interess reali bejn il-lealtà familjari u l-lealtà lejn id-dover pubbliku. Tipprova kemm tipprova tegħleb dan il-kunflitt, dan dejjem ser jibqa’ hemm. Huwa kunflitt reali li jitfa’ dell bla bżonn fuq il-ħidma tal-persuna li tinħatar. Għalhekk biss, kapaċi kemm ikun jew kemm tkun, dawn il-ħatriet m’għandhomx isiru u dan fl-interess tal-amministrazzjoni pubblika korretta.

Qiegħed nillimita ruħi għal ħatriet li jkunu fl-istess qasam ta’ responsabbiltà tal-politiku għax ħatriet f’oqsma oħra, anke ta’ qraba ta’ politiċi, m’għandhomx ikunu imwarrba sempliċiment għax huma qraba. Pajjiżna hu żgħir wisq u ma jistax jeskludi wisq nies minn ħatriet ta’ din ix-xorta.

Il-qarib tal-politiku li jingħata ħatra fl-istess Ministeru tal-qarib tiegħu jew tagħha qatt ma jista’ jkun gwardjan effettiv tal-interess pubbliku. Id-demm qatt ma sar semm. U mhux ser jibda illum.

Il-lingwa tas-sinjali

sign_language

Meta l-Ministru tal-Finanzi kien qiegħed jaqra d-diskors tal-Budget il-ġimgħa l-oħra d-diskors tiegħu kien maqlub għal-lingwa tas-sinjali (bil-malti). L-istess id-diskors tal-Kap tal-Opposizzjoni l-bieraħ u iktar tard matul il-ġimgħa l-istess ser jiġri bit-tweġiba tal-Prim Ministru.

Tajjeb. Anzi tajjeb ħafna.

Huwa neċessarju li nifhmu li dan m’huwiex xi kapriċċ iżda neċessita. Hu pass pożittiv. Iżda huwa meħtieġ li dan ikun estiż għall-oqsma kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Bħala minimu naħseb li hu neċessarju li jkun hemm aċċess għal-lingwa tas-sinjali f’dawk l-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika li huma f’kuntatt dirett mal-pubbliku.

Hu neċessarju li l-Korp tal-Pulizija jkollu membri tiegħu imħarrġa biex jikkomunikaw bil-lingwa tas-sinjali għax il-pulizija f’kull ħin ikunu in kuntatt ma kull settur tal-popolazzjoni u huwa neċessarju li jkun possibli li l-pulizija tkun f’posizzjoni li tikkomunika ma kulħadd. L-istess jgħodd għad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili, għad-dipartment tal-edukazzjoni, għad-dipartiment tas-servizzi soċjali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali.

Mhux faċli li tħarreġ in-nies mil-lum għal għada. Dan nifhmu. Bħalma nifhem l-impenn li s-soċjetá tagħna tkun dejjem iktar inklussiva: tagħti spazju lil kulħadd, tisma’ lil kulħadd u tagħti l-opportunitá lil kulħadd biex isemma’ leħnu. Huwa proċess li jieħu ż-żmien. Imma huwa proċess li bħalma ġie emfasizzat fil-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika fl-aħħar elezzjoni ġenerali, jeħtieġ li jwassal biex il-lingwa tas-sinjali tkun rikonoxxuta ukoll bħala lingwa uffiċjali tal-pajjiż.

B’hekk inkunu dejjem iktar pajjiż li jinkludi lil kulħadd: jisma’ lil kulħadd u jħalli lil kulħadd isemma’ leħnu b’dik il-lingwa li jifhem u li hu kapaċi juża.

Ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 12 ta’ Novembru 2013

sign language 2