L-arresti f’Malta u fl-Italja, il-bieraħ, juru kemm pajjiżna, bħal kull pajjiż ieħor wara kollox, huwa taħt theddida.
L-istituzzjonijiet huma taħt theddida mill-kriminalità organizzata. Parti kbira mit-theddida hi l-presenza ta’ persuni bħall-Mulej fl-istituzzjonijiet. Dawn inawwru l-istituzzjonijiet minn ġewwa, tant li meta tfittex, tispiċċa biex ma ssib kważi xejn.
Huma sitta l-kumpaniji konnessi mal-logħob tal-azzard f’Malta li issemmew (bil-pulit gaming industry). Dawn is-sitt kumpaniji f’Malta kellhom il-liċenzji tagħhom sospiżi u l-assi tagħhom sekwestrati. Sitt ċittadini Taljani ġew arrestati u ser ikunu estraditi fil-kuntest ta’ investigazzjoni iktar wiesa’ konnessa mal-Indraghetta, l-organizzazzjoni kriminali ibbażata fil-pajjiż ġar tagħna l-Italia, preċiżment fil-Calabria.
Iktar kmieni, Taljan ieħor ġie arrestat hekk kif kien għadu kif wasal bil-katamaran f’Pozzallo Sqallija direttament minn Malta.
M’hiex sitwazzjoni faċli. Imma issir iktar ikkumplikata meta jkun hemm dubju dwar l-istituzzjonijiet.
Ftit iktar minn xahar ilu il-gazzetti lokali kienu taw pubbliċita lill-fatt li Spettur tal-Pulizija fl-Economic Crimes Unit kellu interessi ta’ negozju fl-industrija tal-logħob tal-azzard. Dan l-istess Spettur tal-Pulizija kien ukoll ġie misluf Ferrari minn ħabib tiegħu fl-industrija.
Huma affarijiet li diffiċli tifhem kif jistgħu jsiru, dejjem sakemm ma tirrealizzawx li meta l-Mulej ikun miegħek, bi tbissima, tista’ tagħmel kważi kollox.
Għax għalkemm dawn l-affarijiet qed joħorġu fid-dawl tax-xemx illum, ilhom jinħmew. Rabbew egħruq fil-fond tul is-snin. B’mod partikolari meta l-Mulej kien imexxi l-Korp tal-Pulizija dawn l-egħruq issaħħu.
M’għandniex wisq biex nistagħġbu b’dak li ġara. Anzi iktar hemm għax ninkwetaw li ma nafux b’iktar. Għax min jaf x’sar u x’hemm għaddej li ma nafux bih.
Ngħiduha kif inhi: jekk il-Mulej ikun miegħek, min jista’ jeħodha kontrik?