
Il-PN qed jipprova jiġbor ġieħu. Qed jitkellem u jipprova jagħti l-impressjoni li l-għandu l-ambjent għal qalbu.
Qed ixerred id-dmugħ tal-kukkudrilli dwar l-ODZ. Il-PN ma jaqbilx mal-bini barra miż-żona tal-iżvilupp (fl-ODZ) tgħidilna l-kelliema tal-PN dwar l-ambjent Marthese Portelli bi kważi d-dmugħ f’għajnejha.
Sadanittant imma l-PN jibqa l-partit li fiż-żmien li għamel fil-Gvern għamilha possibli biex isir bosta bini barra miż-żona tal-iżvilupp.
Fl-artiklu tal-bieraħ fuq dan il-blog semmejt iż-żewġ miljun metru kwadru ta’ art ODZ li saru tajbin għal bini bil-barka tal-PN fil-Gvern.
Imma hemm bosta iktar eżempji.
Tiftakru meta twaqqgħet il-Lukanda Solemar fil-Marfa u l-binja li telgħet flokha kienet ferm ikbar milli kien indikat fil-permess? Dakinnhar l-iżviluppatur kien bena bla permess fuq art pubblika, ukoll barra miż-żona tal-iżvilupp. Il-Gvern immexxi mill-PN (direttament jew permezz tal-MEPA) flok ma applika l-liġi u waqqa’ l-bini bla permess, sab “soluzzjoni” billi wara ħruġ ta’ “sejħa għall-offerti” irranġa kollox. Anke dakinnhar l-arroganza rebħet billi l-Gvern baxxa rasu quddiem min ħataf l-art u abbuża. Dakinnhar ukoll art ODZ inbniet u l-Gvern immexxi mill-PN ma tniffisx ħlief biex jikkoopera ma min seraq l-art pubblika.
Smajtu f’dawn il-ġranet dwar il-bini tad-diversi friegħi tal-Lidl, b’mod partikolari dawk ta’ Ħal-Safi u Ħal-Luqa li t-tnejn inbnew f’żoni ODZ ukoll fi żmien Gvern immexxi mill-PN. Fl-2008 Alternattiva Demokratika kienet semmgħet leħinha dwar il-każ. Ara hawn dak li ktibt dakinnhar.
Nista’ nibqa’ sejjer, u ma nispiċċa qatt.
Dawn huma kollha dnubiet ambjentali li ma nħafrux u l-anqas ma ntesew bħala riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Għax għadna nbatu l-konsegwenzi bħala pajjiż. Ser nibqgħu nbatu l-konsegwenzi, u l-PN li kien il-kawża ta’ dan kollu frisk bħal ħassa, jidhirlu li l-Passat għadda u mar.
Mhux jien, jgħid Simon Busuttil. Mhux jien tgħid Marthese Portelli.
Imma sadanittant lil dak li kien responsabbli biex idderiġa din il-ħerba, lil George Pullicino, ħbewħ u issa tawħ l-inkarigu ta’ kelliemi tal-Opposizzjoni għal Kindergarten.
Il-passat ambjentali tal-PN ma nistgħux ninsewh. Għax mhux biss ħarbat il-preżent iżda għamel il-futur ta’ dan il-pajjiż iktar diffiċli.
Meta tqis dan kollu, d-dmugħ tal-kukkudrilli tal-PN dwar l-ambjent hu kollu bluff. Il-passat tagħhom hu mera tal-futur. Kważi ħamsa u għoxrin sena huma iktar minn biżżejjed biex juruna dak li fil-fatt jemmnu.
Il-Labour huma agħar minn hekk, kif qed naraw u ilna naraw ġimgħa wara l-oħra minn Marzu 2013 sal-lum.
Fi ftit kliem, m’hemmx x’tagħżel bejniethom!