

Wara żmien twil bi ftit li xejn informazzjoni dwar l-isptar ta’ San Filep, matul din il-ġimgħa kellna indiġistjoni. L-informazzjoni iżda ħarġet bit-tabuxù għax il-Gvern jagħtiha biċċa biċċa. Kif u meta jaqbillu. Qatt biex jinforma.
Is-serjeta’ kienet titlob mod ieħor. Imma s-serjeta’ m’hiex kwalita’ tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi.
Kif anke deher waqt id-dibattitu ta’ nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament hemm ħafna affarijiet li m’humiex ċari u għaldaqstant huwa meħtieġ analiżi twila u dettaljata tal-konsiderazzjonijiet kollha li wasslu għall-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija ta’ Frank Portelli l-Good Shepherd Group Limited, is-sid tal-isptar.
L-ewwel ħsieb imur fuq is-sit innifsu. Għaliex l-Isptar San Filep?
It-tweġiba m’hiex waħda sempliċi. Id-diskussjonijiet kienu ilhom sejrin minn ftit wara l-elezzjoni tal-2008. Ħadd ma qal xejn għal żmien twil. Dak li kien qed jiġri rriżulta minn sentenza mogħtija mit-Tribunal għat-Talbiet Żgħar nhar l-4 t’Ottubru 2012 fil-każ bejn Icon Studios Ltd u Good Shepherd Group Limited. Fil-paragrafu 7 tal-konsiderazzjonijiet tat-Tribunal jingħad li Dr Frank Portelli nhar l-1 ta’ Marzu 2010 semma n-negozjati li huwa kellu mal-Gvern u li kienu ilhom għaddejjin għal 18-il xahar. Il-każ quddiem it-Tribunal kien dwar ħlas konness mad-disinn ta’ website tal-Isptar San Filep mill-kumpanija ta’ Dr Ġeġe Gatt, iben Austin Gatt.
Issa 18-il xahar qabel l-1 ta’ Marzu 2010 jfisser Settembru 2008! Dan ifisser li n-negozjati ilhom sejrin 4 snin. Bdew ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008.
In-negozjaturi ghan-nom tal-Gvern kellhom jikkunsidraw jekk il-pjanijiet tal-Gvern għal sptar ta’ Riabilitazzjoni ta’ madwar 280 sodda setgħux jitwettqu f’dan is-sit ta’ 75 kamra b’110 sodda. Il-ħtieġa li l-kapaċita tal-Isptar tiżdied għal iktar minn darbtejn u nofs tista’ tikkunsidraha billi l-ewwel tħares lejn il-potenzjal tas-sit u wara tara mal-MEPA jekk din il-possibilita tistax titwettaq.
Meta tkellem fil-Parlament il-Ministru Tonio Fenech ma ta’ l-ebda assigurazzjoni dwar jekk il-MEPA tistax toħroġ permess ta’ din ix-xorta. Għamel sewwa, għax jiena naħseb li hu diffiċli ħafna għall-MEPA li toħroġ permess bħal dan. L-issue tal-parking diġa issemmiet fil-Parlament mill-Kap tal-Opposizzjoni: li żżid il-parking b’iżjed mid-doppju m’huwiex faċli f’sit li hu ristrett. Ma dan trid taħseb biex iżżid il-faċilitajiet kollha biex il-kapaċita’ tagħhom tkun addattata għad-daqs ġdid tal-isptar. Jiena naħseb li dan ser ikun diffiċli ħafna. Naħseb li l-anqas jekk l-isptar jitwaqqa’ u jsir disinn mill-ġdid ma jista’ jinħoloq disinn aċċettabbli minħabba li is-sit hu wieħed ristrett!
Meta tqabbel din id-diffikulta’ mal-flessibilita’ sostanzjali li joffri l-Isptar San Luqa, t-team tan-negozjaturi u l-konsultenti tagħhom mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għandhom ħafna x’jisjegaw. Għax jekk diġa jidher ċar x’diffikultajiet hemm għalfejn tibda l-mixja f‘dak l-isqaq ? Sqaq li fi żmien tlett snin jista’ jfisser li l-proċess ikollu jerġa’ jibda mill-ġdid b’ħela ta’ ħafna żmien u fondi pubbliċi.
It-tieni punt li rrid nagħmel hu dwar il-fatt li meta l-Gvern għażel li jikkonsidra l-Isptar San Filep immedjatament eskluda l-alternattivi l-oħra kollha li seta kien hemm.
Eskluda l-iSptar San Luqa li dwaru jidher li sar studju dettaljat, skond ma qal il-Ministru Cassar. Dan l-studju identifika li għall-isptar kollu l-ispiża ta’ refurbishment kienet ser tigi tiswa’ ftit inqas minn €40 miljun. Issa biex jinħoloq Sptar ta’ Riabilitazzjoni ta’ 280 sodda m’hemmx bżonn tal-Isptar San Luqa kollu iżda biss parti minnu. Meta tqis id-dewmien ta’ 4 snin negozjati mill-2008 lil hawn (u min jaf kemm ser indumu iktar) hu ċar li kieku ittieħdet id-deċiżjoni favur l-Isptar San Luqa mill-ewwel fl-2008, l-isptar ta’ riabilitazzjoni ilu lest u jiffunzjona għal tlett snin. B’deċiżjoni bħal din favur l-iSptar San Luqa l-pazjenti kieku ilhom li emigraw għal faċilitajiet aħjar mill-kurituri tal-isptar Mater Dei.
Waqt id-dibattitu Parlamentari ta’ nhar it-Tnejn issemmiet ukoll il-possibilita li hemm sidien ta’ lukandi li kienu interessati li jipproponu illi l-lukanda tagħhom tkun konvertita għall-użu ta’ sptar ta’ riabilitazzjoni. Jiena naħseb li proposta ta’ din ix-xorta toffri diffikultajiet daqs is-sit tal-isptar San Filep kemm għall-parkeġġ kif ukoll biex tipprovdi l-faċilitajiet kollha meħtieġa. Pero’ qabel ma tara l-proposta u tkun konxju ta’ dak li qed ikun offrut ma tistax tifforma opinjoni definittiva.
Meta nqis kollox naħseb li l-unika proposta sura hi li jintuża l-Isptar San Luqa.
Il-problema ma ħoloqiex Frank Portelli li iddiskuta ma min kien interessat li jixtri l-isptar tiegħu. Ħoloqha l-Gvern li mexa ħażin mingħajr ma qies sewwa u bir-reqqa l-ftit riżorsi li suppost qiegħed jamministra.
Fid-dawl ta’ dan kollu jagħmel sens li min ħa d-deċiżjonijiet jiġi mgħarbel sewwa qabel ma jkun iffirmat il-kuntratt. Għalhekk hu meħtieġ li l-Parlament jiċċaqlaq.
published in Illum, Sunday 21st October 2012