Il-kumpens ta’ Chris Said

Chris Said et

 

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qalilna li l-PN irid kumpens għall-każini politiċi propjeta’ tal-Gvern li l-Labour għandu iktar mill-PN. Iħoss li l-PN ġie diskriminat.

Ġdida din! Waħda isbaħ mill-oħra!

Liċċittadin li jħallas it-taxxi, Chris Said is-Segretarju Ġenerali tal-PN, irid jagħtih daqqa doppja. L-ewwel daqqa billi ittieħdet propjeta’ pubblika għall-każini meta dan ma kellux isir. Issa jrid illi jsir bilanċ tal-abbuż!

Dan jaf x’inhu jgħid jew?

Naħseb li kien ikun aħjar kieku Chris Said u l-PN jgħiduna x’kumpens ser iħallsu huma lill-poplu Malti talli għal 25 sena sħaħ il-PN baqa’ iċċassata quddiem il-boathouses (li qatt ma raw dgħajjes) ġol-Aħrax tal-Mellieħa.

Għal 25 sena sħaħ il-Partit Nazzjonalista kien kompliċi ma dawk li ħadu l-art u bnew bla permess bil-konsegwenza li ċaħħdu lill-eluf ta’ Maltin kull sena milli jgawdu parti mill-kosta.

Dan hu l-kumpens li Chris Said is-Segretarju Ġenerali tal-PN messu jitkellem dwaru!

Il-Partit Laburista, l-Australia Hall u propjeta’ oħra

Australia Hall interiorAustralia Hall

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said, il-bieraħ, tkellem dwar il-partiti politiċi (fil-Parlament) u kif tul is-snin dawn użaw u abbużaw mir-riżorsi tal-istat. Bħala wieħed mill-eżempji Chris Said isemmi l-Australia Hall f’Pembroke.

Issa huwa faċli u komdu tgħid li l-Australia Hall jiswa’ €10 miljuni. Imma irid jingħad ukoll li l-Australia Hall ġiet għand il-Partit Laburista fl-1979 bħala parti minn kumpens għall-Headquarters li l-Partit Laburista kellu l-Marsa fejn illum hemm il-Marsa Shipbuilding u li fil-futur qrib jista’ jkun żviluppat f’hub ta’ servizzi marittimi.

Issa meta l-Partit Laburista akkwista l-Australia Hall fl-1979 ma naħsibx li ħa ħafna ġost bih. Fil-fatt għal snin kbar ħadd ma sema’ bih. Probabbilment li kieku l-Partit Laburista kellu għażla ma kienx jaċċetta l-Australia Hall u kien jipprova jinnegozja kumpens differenti. Imma dak il-kumpens kien ġie impost fuq il-Partit Laburista mill-Perit Mintoff fi żmien meta jitkellem Mintoff il-Partit kien jigdem xufftejħ u jagħlaq ħalqu.

Fl-2009 beda argument legali bejn il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar in-nuqqas ta’ żamma f’kundizzjoni tajba ta’ manutenzjoni tal-Australia Hall. Infetħu żewġ kawżi, l-Gvern ried l-Australia Hall lura u l-Partit Laburista b’risposta ried il-Marsa Shipbuilding lura. Wara l-elezzjoni tal-2013 b’id waħda l-Partit Laburista irtira l-kawża tal-Gvern u bl-oħra irtira l-kawża tal-Partit. B’hekk ġieb fi tmiem ftit tejatrin li kien beda 4 snin qabel. Ir-realta hi li l-Partit Laburista kellu l-obbligu li jikkura l-Australia Hall, liema obbligu ma onorax. Imma min-naħa l-oħra kien ikun inġust li jittieħed lura l-Australia Hall meta dan kien parti minn kumpens għat-teħid tal-HQ  li l-PL kellu l-Marsa. Din kienet waħda mill-gimmicks ta’ Jason Azzopardi. Kieku mexa bl-istess mod ma’ tal-boathouses tal-Armier il-problema ilha snin li spiċċat!

Sadanittant il-Partit Laburista biegħ l-Australia Hall skond konvenju li qal li kellu ta’ ħafna snin qabel.

 

Dan hu wieħed mill-eżempji ta’ kif il-Partit Laburista amministra propjeta’ pubblika. Ma dan trid iżżid il-propjeta’ b’requisition order mill-Housing li spiċċat każini tal-Partit Laburista, bħall-Każin ta’ Santa Venera. Inkella uffiċini ta’ Dipartimenti tal-Gvern li spiċċaw każini tal-Partit Laburista, bħall-Każin tar-Rabat Għawdex li kien l-uffiċċju tad-Dipartiment tal Agrikultura f’Għawdex.

Chris Said qed jgħid li l-PN jrid jirristawra l-bilanċ mal-Partit Laburista billi anke hu (il-PN) jbill subgħajh.

Tajba din. Naħseb li kien ikun aktar kredibbli kieku Chris Said qal li l-Partit Laburista għandu jirritorna l-propjeta li ħa f’idejh b’mod abbużiv. Il-każini tar-Rabat Għawdex u Santa Venera  huma żewġ eżempji.

Dan mhux il-mod li tiżviluppa diskussjoni serja dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.