M’hemmx bżonn ta’ kuċċarina

Franco Debono qed jagħti l-messaġġi bl-imgħarfa biex ikun ċar li dak li jgħid jinftiehem kif intenzjonat.

Jiena da parti tiegħi kont iktar ċar minn hekk ftit inqas minn ħames snin ilu. Xi wħud forsi insew.

F’ittra li kont ippreżentajt lil Joe Saliba, Segretarju Ġenerali tal-PN ta’ dak iż-żmien kont tajt raġunijiet dettaljati għala kont qiegħed nirreżenja minn membru tal-PN wara iktar minn tletin sena imsieħeb.

Dak li għidt dakinnhar jibqa’ validu anke illum. Anzi jassumi sinifikat addizzjonali.

Fost oħrajn kont għidtlu li “Meta sseħibt fil-Partit Nazzjonalista kont nidentifika ruħi bla diffikulta miegħu. Iżda illum ilni żmien nagħmel sforz nistaqsi lili nnifsi jekk il-PN għadux l-istess Partit li jiena sseħibt fih fis-snin 70. Qiegħed nasal għall-konkluzjoni illi kieku kelli nagħmel l-għażla illum ma kontx nagħżel li nissieħeb.”

Illum hemm bosta oħrajn li qed jgħidu l-istess. Li l-PN inbidel. Il-bidla hi għall-agħar. Tajjeb li waslu għall-istess konklużjoni, avolja 5 snin tard.

Il-bażi ta’ dan kollu, kont għidt f’Jannar 2008 hi nuqqas ta’ kontabilita’ vera tal-Gvern lejn il-Parlament. Għax il-Parlament hu bla snien u ser jibqa’ bla snien sakemm jibqa’ kompost biss minn żewġ partiti. Għalhekk hemm bżonn li dawk kollha ta’ rieda tajba jsaħħu t-tielet partit.

Illum il-ġurnata jiena imsieħeb f’dan it-tielet partit li hu Alternattiva Demokratika. Dan għamiltu għax filwaqt li dehrli li kelli nerġa’ nibda ninvolvi ruħi fil-politika l-Partit Laburista rajtu fjakk fl-2008 u huwa iktar fjakk illum. F’ħafna aspetti ma jingħarafx mill-PN u huwa prattikament konservattiv daqsu.

Dak li seħħ matul dawn l-aħħar xhur inissel fija dispjaċir wieħed: li fil-PN u fil-grupp parlamentari tiegħu hemm bosta persuni validi li huma kritiċi tat-tmexxija attwali imma sabuha diffiċli ħafna li jikkordinaw bejniehom reazzjoni komuni. Saru diversi kummenti validi iżda sfortunatament kulħadd spara għal rasu u għaldaqstant ftit kien hemm ċans li jkun hemm suċċess għat-twettieq ta’ dak li kien qiegħed jintqal.

Min irid jifhem jifhem. M’hemmx bżonn ta’ kuċċarina!

( Nota: l-ittra ta’ riżenja tiegħi hi riprodotta fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 4 f’intervista li kont tajt lil Andrew Azzopardi u li issibha hawn)