Il-kredibilità tal-PN dwar l-ambjent

credibility

Illum ġiet fi tmiemha l-konvenzjoni tal-PN dwar l-ambjent.

Ma nafx kif uħud bħal George Pullicino ma stħawx ikunu hemm. Bosta minn dawk li bħal Pullicino kienu l-kawża tal-ħsara ambjentali, sfortunatament   għadhom mas-saqajn.

Kif rappurtat fl-istampa, naħseb li l-iktar kumment bis-sens f’din il-konvenzjoni kien dak ta’ Antoine Vella li emfasizza li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun lest li jitlef il-voti jekk inhu konvint li jeħtieġ li jieħu posizzjoni ta’ prinċipju favur l-ambjent.

M’għandix dubju, imma, li l-PN għandu idea differenti minn din: minkejja dak li għamel  fil-passat bi ħsara ambjentali, jaħseb li jista’ jibqa’ jlablab, u qiesu ma ġara xejn.

Il-PN, għall-konvenjenza tkellem kontra l-iżvilupp li l-Gvern qed jipproponi fiż-Żonqor, imma fl-istess ħin hu favur li tinbena l-korsa tat-tlielaq tal-karozzi li ser tibla iktar minn miljun metru kwadru ta’ art ODZ.

Il-konsistenza qatt ma kienet xi karatteristika tal-Partit Nazzjonalista. Għalhekk m’għandux kredibiltà dwar l-ambjent.

Advertisements

Godfrey Grima u l-Kabinett Nazzjonalista li jmiss

Godfrey Grima

 

Il-Konvenzjoni li l-Partit Nazzjonalista organizza f’dawn il-jiem kien eżerċizzju tajjeb biex il-PN jisma’ ftit.

F’din il-konvenzjoni instemgħu diversi ilħna. Kien hemm l-inċens ta’ nies bħal David Griscti dwar kemm hu iffurtunat il-PN li għandu lil Simon Busuttil. Kien hemm diversi interventi analitiċi bħal dawk tal-Kunsillier ta’ Alternattiva Demokratika fuq Tas-Sliema Michael Briguglio inkella tal-ġurnalista James Debono.

Imma kien hemm ukoll ilħna kritiċi bħal dak ta’ Godfrey Grima.

Minn dak li qrajt, dawk preżenti għall-konvenzjoni ma kellhomx is-sabar li jogħmodu dak li qal Grima. Il-kritika ta’ Godfrey Grima kienet waħda li irreferiet għat-tmexxija ħażina tal-amministrazzjoni immexxija minn Lawrence Gonzi. Jidher li anke Oliver Friggieri irrefera għall-awto-goals tal-amministrazzjoni Gonzi.

Skond l-Orizzont tal-bieraħ, il-kritika ta’ Godfrey Grima nisslet reazzjoni ħażina fost dawk li kienu qed jisimgħu tant li Grima, dejjem skond L-Orizzont, wieġeb hekk: “jiena telliftkom 36,000 vot? Jew min kien qed imexxi tellef lill-PN? Tibqgħux in denial.”

Din iċ-ċaħda li t-tmexxija tal-PN kienet il-kawża ewlenija tat-telfa tal-2013 bl-iżbalji kbar u oxxeni li għamlet, prinċipalment matul id-9 snin ta’ tmexxija ta’ Lawrence Gonzi (2004-2013) insibuha ukoll tidwi fil-blog ta’ Norman Vella li wara li jinsulta lil Grima billi jgħid li kulma hu tajjeb hu biex iservi t-te’ jesklama (b’referenza għal Godfrey Grima u oħrajn) li: “Illum ilkoll nafu kif dawn in-nies daħħlu lill-Gvern Nazzjonalista fil-ħajt.”

Jekk il-Partit Nazzjonalista fi hsiebu jħejji ruħu fuq din il-profondita’ ta’ ħsieb, fil-fehma tiegħi l-Ministri fil-Gvern Nazzjonalista li jmiss għadhom ma tweldux.