Bħan-nagħaġ ta’ Bendu

naghag-ta-bendu

Il-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista dwar il-politika fMalta tipprova tittratta lill-votanti bħan-nagħaġ ta Bendu. Għax il-ħarsien tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, skond il-PN u s-segwaċi fidili tiegħu, huma assigurati biss permezz tal-Partit Nazzjonalista u għaldaqstant it-taqbida t-tajba tista issir biss permezz tiegħu u taħt it-tmexxija tiegħu.

Għal uħud, il-pluraliżmu hu tajjeb biss għaċċikkulata u, forsi, ftit għax-xandir!

Matul ix-xhur li ġejjin, bħalma jiġri kważi qabel kull elezzjoni ġenerali, bla dubju qed tikber l-għajta tal-Partit Nazzjonalista u ta dawk li jinċensawh dwar il-ħtieġa ta koalizzjoni kontra Joseph Muscat u l-Partit Laburista u dak kollu li dawn jirrappreżentaw.

Il-politika ta Simon Busuttil tidher differenti minn dik tal-predeċessur tiegħu. Lawrence Gonzi kien esprima lilu innifsu diversi drabi kontra anke l-idea innifisha ta koalizzjoni li ġieli ddeskriviha bħala kalċI avvelenat li jippreferi li ma jmissx.

Imma fir-realtá, għalkemm Simon Busuttil qed jipprietka ħafna dwar koalizzjoni kontra l-korruzzjoni, fil-prattika qed imexxi l-quddiem process ta assimilizzazzjoni ta kull min jaħseb li jista jikkompeti lill-Partit Nazzjonalista għall-voti, anke bl-iżjed mod remot. Beda bSalvu Mallia li illum hu parti mill-Partit Nazzjonalista u presentement għaddej bil-proċess tal-assimilazzjoni tal-partit ta Marlene Farrugia. Milli qed jingħad jidher li dan il-proċess wasal fit-tmiem tiegħu.

Koalizzjoni ma issirx billi nimxu bħan-nagħaġ ta Bendu wara l-Partit Nazzjonalista. Imma issir bejn partiti politiċi differenti wara li dawn jaqblu fuq programm politiku komuni kif ukoll dwar il-mod kif dan għandu jitwettaq. Għandi dubju kemm il-Partit Nazzjonalista qatt jista jasal li mhux biss jagħmel xi forma ta kompromess fuq il-proposti li jrid ipoġġi quddiem l-elettorat, imma iktar minn hekk dwar kemm hu lest li jaċċetta li jikkampanja ukoll favur ideat u idejali ta partiti politiċI oħra. Għax jekk ser nitkellmu fuq koalizzjoni pre-elettorali jfisser li jrid ikun ifformulat programm politiku aċċettabbli għall-elementi kollha ta din il-koalizzjoni.

Programm politiku ta koalizzjoni pre-elettorali jinvolvi ferm iktar minn ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tat-tmexxija tajba fl-istrutturi tal-istat. Jinkludi firxa sħiħa ta oqsma li dwarhom partiti politiċi differenti għandhom fehmiet differenti. Xi drabi differenzi żgħar imma xi minn daqqiet differenzi sostanzjali. Dan ma jgħoddx biss għall-politika ambjentali, imma jgħodd ukoll għall-edukazzjoni, għall-politika soċjali kif ukoll għall-politika fiskali, dik ekonomika u dik kulturali, fost oħajn.

Koalizzjoni politika teħtieġ li tkun mibnija fuq dan il-pedament bażiku, jiġifieri ftehim programmatiku, inkella ma jkollix direzzjoni jew skop ċar għajr li tiġbor lil kulħadd fmerħla waħda l-uniku skop reali li jidher li għandu bħalissa l-Partit Nazzjonalista.

Koalizzjoni li issir bxi mod ieħor tkun biss ezerċizzju li jittratta lill-Maltin bħan-nagħaġ ta Bendu.

ippubblikat fuq Illum : 12 ta’ Frar 2017

 

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (1) Mhux biss iċ-ċikkulata

53.16% tal-Maltin bid-dritt tal-vot ivvutaw favur l-introduzzjoni tad-divorzju. Ċifra li ssorprendiet avolja l-IVA kienet kważi dejjem ftit fuq quddiem fis-sondaġġi li saru. Id-distakk fil-fatt kien ikbar milli kien mistenni.

In-nies ivvutat favur is-solidarjeta ma min għandu żwieġ li ma rnexxiex. Ivvutat kontra l-imposizzjoni ta’ valuri tradizjonali fuq kulħadd. Fuq kollox in-nies minkejja t-theddid ivvutat favur il-pluraliżmu tal-ideat u tal-valuri. Mhux kulħadd jaqbel ma dan. L-establishment insista li nibqgħu kif aħna. In-nies irrifjutat.

L-adulti għandhom id-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Ma tiddeċidix għalihom la l-Knisja u l-anqas l-istat. Għax il-pluraliżmu mhux biss għax-xandir. Id-dritt tal-għażla mhux biss għaċ-ċikkulata jew it-toothpaste.