Fir-ritratt ta’ hawn fuq li hu meħud minn Il-Bajja No.2 ta’ April 2003 jidher George Pullicino, dakinnhar Segretarju Parlamentari, jippoża mal-kumitat inkarigat mill-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa wara waħda mil-laqgħat fejn min seraq l-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa ingħata l-appoġġ mill-politiċi li huma eletti fil-Parlament.
Id-dibattitu fil-pajjiż dwar il-kmamar tal-Aħrax tal-Mellieħa kif ukoll (ftit inqas) dwar dawk fil-Bajja ta’ San Tumas ilu għaddej. Min hu kontra, min hu favur u min jiġi jaqa’ u jqum.
Il-każ huwa wieħed li jattakka s-soċjeta demokratika fl-egħruq tagħha. Għax il-messaġġ ċar li ilu jidwi hu li quddiem il-liġi m’aħniex kollha xorta. Fl-Aħrax tal-Mellieħa (L-Armier, Little Armier, it-Torri l-Abjad) u fil-Bajja ta’ San Tumas il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt (r-Rule of Law) idub u jisparixxi.
Min seraq l-art, bniha bla permess u anke seraq l-elettriku ser ikun ippremjat.
Alternattiva Demokratika biss tkellmet ċar kontra dan l-abbuż. Ftehemu kemm mal-Partit Laburista kif ukoll mal-Partit Nazzjonalista. Fil-Gvern għal 25 sena l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jerfa’ subgħajh biex iġib sens ta’ ordni. Ipprova darba l-Perit Michael Falzon meta kien Ministru tal-Ippjanar u l-Kabinett bagħtu jixxejjer! Falzon riċentement kiteb fil-gazzetti li dakinnhar tgħallem li l-voti huma iktar importanti mill-prinċipji!
Waqt li l-Perit Michael Falzon ried iwaqqa’ dak li kien illegali, Ministri oħrajn ftehmu ma min b’mod sfaċċat u fid-dawl tax-xemx sfida l-liġi. Dawn dejjem irraġunaw li bl-appoġġ tal-PN u l-PL ħadd ma jista’ għalihom! Fl-aħħar jidher li ser jirnexxilhom.
Il-PN irnexxilu jipproteġihom għal 25 sena sħaħ. Fil-futur qarib il-Labour fil-Gvern jidher li ser jissiġilla din l-sfida kbira għall-liġi u l-ordni fil-pajjiż.
Messaġġ ċar li l-Labour Party ta’ Malta qed jagħti (bl-appoġġ tal-PN). Il-Labour fil-Gvern jiggarantilek li tgawdi dak li sraqt.
Il-lejla fuq Times Talk niddiskuti dan is-suġġett mal-preżentaturi Mark Micallef u Herman Grech u mistednin mill-partiti politiċi l-oħra.
Il-lista ta’ hawn fuq hi estratt minn Il-Bajja Nru 30 ta’ April 2010 u turi l-lokalitajiet fejn joqgħodu dawk li għandhom il-boathouses f’idejhom.