Nhar it-Tnejn 12 t’Ottubru fis-2.30pm ser jiltaqa’ il-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Fuq l-aġenda għandu item wieħed:
Rapport dwar Investigazzjoni mill Kummissarju għall Istandards (Każ K/022).
Daqshekk biss tgħid l-aġenda.
Il-każ K/022 tressaq minni għall-attenzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards. Fil-fatt nhar it-28 ta’ Jannar 2020 kont ktibt lil Dr George Hyzler u wara li rreferejtu ghall-kuntratt ta’ konsulenza li l-Awtorita tat-Turizmu tat lil Onorevoli Konrad Mizzi wara li spicca minn Ministru, li dakinhar stess il-Ministru Julia Farrugia ħabbret li gie annullat, talbtu biex jinvestiga l-ghoti ta’ dan il-kuntratt u dan bl-iskop li tkun ezaminata l-imgieba ta’ Joseph Muscat (Prim Ministru), Konrad Mizzi (ex-Ministru u Membru Parlamentari), Gavin Gulia (Chairman tal-Awtorita tat-Turizmu) u Johann Buttigieg (Chief Executive Officer tal-Awtorita tat-Turizmu).
Nhar it-Tnejn jiena ġejt infurmat mill-uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika li l-investigazzjoni li jiena, għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika, kont tlabt f’Jannar li għadda kienet konkluża u li r-rapport finali kien ġie sottomess lill-kumitat permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fuq talba tiegħi jiena ltqajt ma’ Dr George Hyzler Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn tlabtu kopja tar-Rapport. Dr Hyzler infurmani li ma setax jagħtini kopja għax huwa l-Ispeaker biss li jista’ jagħmel dan skond il-liġi.
Jiena naf, anke minn informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika stess li rapport dwar investigazzjoni fejn jirriżulta nuqqas ta’ xi ħadd li jkun ġie investigat qatt ma jkun rilaxxjat mill-kummissarju. Għalhekk, fil-fehma tiegħi jidher li l-Kummissarju sab li hemm nuqqas gravi u miexi strettament ma’ dak li tgħid il-liġi, bħal meta ikkonkluda li Joseph Muscat kien naqas meta aċċetta l-inbid Petrus.
Hu fl-interess tat-transparenza li l-Ispeaker għandu jippubblika dan ir-rapport immedjatament.
Il-bieraħ kellimt lill-Ispeaker Anglu Farrugia u tlabtu kopja tar-rapport. Huwa assigurani li hekk kif ikollu l-awtorizzazzjoni tal-Kumitat tal-Kamra jippubblika r-rapport.
Nistenna li nhar il-Tnejn il-Kumitat Parlamentari jaqbel bla diffikulta li r-rapport kollu jara d-dawl tax-xemx.