Garanzija biex min seraq, igawdi dak li seraq

Bajja 2.2003 GPullicino jiltaqa' mal-Assocjazzjoni

Fir-ritratt ta’ hawn fuq li hu meħud minn Il-Bajja No.2 ta’ April 2003 jidher George Pullicino, dakinnhar Segretarju Parlamentari, jippoża mal-kumitat inkarigat mill-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa wara waħda mil-laqgħat fejn min seraq l-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa ingħata l-appoġġ mill-politiċi li huma eletti fil-Parlament.

Id-dibattitu fil-pajjiż dwar il-kmamar tal-Aħrax tal-Mellieħa kif ukoll (ftit inqas) dwar dawk fil-Bajja ta’ San Tumas ilu għaddej. Min hu kontra, min hu favur u min jiġi jaqa’ u jqum.

Il-każ huwa wieħed li jattakka s-soċjeta demokratika fl-egħruq tagħha. Għax il-messaġġ ċar li ilu jidwi hu li quddiem il-liġi m’aħniex kollha xorta. Fl-Aħrax tal-Mellieħa (L-Armier, Little Armier, it-Torri l-Abjad) u fil-Bajja ta’ San Tumas il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt (r-Rule of Law) idub u jisparixxi.

Min seraq l-art, bniha bla permess u anke seraq l-elettriku ser ikun ippremjat.

Alternattiva Demokratika biss tkellmet ċar kontra dan l-abbuż. Ftehemu kemm mal-Partit Laburista kif ukoll mal-Partit Nazzjonalista. Fil-Gvern għal 25 sena l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jerfa’ subgħajh biex iġib sens ta’ ordni. Ipprova darba l-Perit Michael Falzon meta kien Ministru tal-Ippjanar u l-Kabinett bagħtu jixxejjer! Falzon riċentement kiteb fil-gazzetti li dakinnhar tgħallem li l-voti huma iktar importanti mill-prinċipji!

Waqt li l-Perit Michael Falzon ried iwaqqa’ dak li kien illegali, Ministri oħrajn ftehmu ma min b’mod sfaċċat u fid-dawl tax-xemx sfida l-liġi. Dawn dejjem irraġunaw li bl-appoġġ tal-PN u l-PL ħadd ma jista’ għalihom! Fl-aħħar jidher li ser jirnexxilhom.

Il-PN irnexxilu jipproteġihom għal 25 sena sħaħ. Fil-futur qarib il-Labour fil-Gvern jidher li ser jissiġilla din l-sfida kbira għall-liġi u l-ordni fil-pajjiż.

Messaġġ ċar li l-Labour Party ta’ Malta qed jagħti (bl-appoġġ tal-PN). Il-Labour fil-Gvern jiggarantilek li tgawdi dak li sraqt.

Il-lejla fuq Times Talk niddiskuti dan is-suġġett mal-preżentaturi Mark Micallef u Herman Grech u mistednin mill-partiti politiċi l-oħra.

lokalitajiet minn fejn joriginaw dawk li ghandhom il-boathouses f'idejhom 2010

Il-lista ta’ hawn fuq hi estratt minn Il-Bajja Nru 30 ta’ April 2010 u turi l-lokalitajiet fejn joqgħodu dawk li għandhom il-boathouses f’idejhom.

F’Tal-Mirakli : theddid u twissija

rape

(ritratt ta’ Newsbook.com.mt)

 

Dalgħodu Alternattiva Demokratika indirizzat konferenza stampa dwar il-bini li beda fl-area tal-Mirakli ġewwa Ħ’Attard fuq art li sal-2006 kienet barra miż-żona tal-iżvilupp.

Il-krew tal-PBS x’ħin kienu fi triqithom għal din il-konferenza kienu mhedda minn persuni li kienu qed jaħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni li dwaru saret il-konferenza stampa. Ara r-rapport tal-PBS hawn.

L-istqarrija maħruġa minn Alternattiva Demokratika wara l-konferenza stampa intqal kif ġej :

Il-proprjeta’ vojta: sinjal ta’ twissija

L-ammont ta’ proprjetajiet residenzjali vojta hu sinjal ta’ twissija. Bi 72,150 unit residenzjali vojt ma nistgħux nibqgħu nibnu iżjed art li sa ftit ilu kienet barra miż-żona ta’ żvilupp. Hekk qal Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson u kelliemi ta’ Alternattiva Demokratika għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Intern, fl-inħawi Tal-Mirakli f’Ħ’Attard huwa u jindirizza konferenza stampa dwar il-pjani lokali u r-razzjonalizzazzjoni tal-iskemi ta’ żvilupp.

Il-konferenza stampa saret quddiem medda art li saret skedata għall-bini bħala riżultat tal-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni li l-Gvern immexxi mill-PN wettaq fl-2006. Din l-art sa dakinnhar kienet parti minn “green belt” . Fuq din l-art fit-18 ta’ Lulju 2013 il-MEPA ħarġet permess biex jinbnew 24 garage u store fil-basement u 19 il-unit residenzjali fil-ħames sulari l-oħra (6 maisonettes, 9 flats u 4 penthouses).

Cacopardo żied jgħid li “dan kollu qed isir minkejja li preżentement f’Malta hawn 72,150 unit residenzjali vojt. Żieda sostanzjali fuq it-53,136 proprjeta’ vojta fl-2005 u l-35,723 fl-1995.”

“Alternattiva Demokratika,” kompla jgħid Cacopardo “ma taqbilx li dawn l-artijiet jinbnew. Pajjiżna ma jistax jibqa’ jissagrifika iktar art biex fuqha jinbnew iktar residenzi meta fiċ-ċensiment ta’ sentejn ilu kienu identifikati 72,150 post residenzjali vojt. M’għandniex bżonn nibnu fuq skala kbira għal ħafna snin. Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-pjani lokali Alternattiva Demokratika jidhrilha li għad baqa’ cans żgħir biex nirrimedjaw. Dan jista’jsir billi l-iskema tar-razzjonalizzazzjoni tispiċċa u l-art li kienet hekk identifikata ma tibqax tajba ghall-bini. Huwa importanti ukoll li nifhmu li ma jagħmilx sens li jkollna iktar proġetti massiċċi ta’ żvilupp residenzjali. Il-kwantita’ ta’ propjeta’ residenzjali vakanti għandha tkun fattur ewlieni u l-bażi ta’pjani lokali ġodda.”

Ralph Cassar, Segretarju Generali ta’ Alternattiva Demokratika u Kunsillier fil-Lokalita ta’ Ħ’Attard qal li “l-bini bla rażan li għaddej kif ukoll il-fatt illi hawn numru kbir ta’ proprjetajiet vojta qed joħloq pressjoni żejda fuq l-infrastruttura tal-lokalitajiet. Ħ’Attard mhux eċċezzjoni għal dan. Il-flejjes li ser ikunu meħtiega għall-izvilupp u ż-żamma f’kundizzjoni tajba tal-infrastruttura li taqdi dawn it-72,150 post residenzjali vojt setgħu faċilment intużaw biex titjieb l-infrastruttura eżistenti. Iż-żieda fin-numru ta’ propjetajiet residenzjali vojta,” ikkonkluda Cassar, “barra milli toħloq impatti ambjentali inaċċettabbli, hi ukoll ħela ta’ fondi pubbliċi.”

Ic-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, il-Prof  Arnold Cassola, ikkonkluda  billi qal: “Bil-konċessjoni ta’ żieda ta’ żewg sulari lil-lukandi, bit-tiġdid awtomatiku sa Marzu 2014 tal-permessi ta’ żvilupp li l-MEPA ħarget minn Awwissu 2006 lil hawn, kif ukoll bil-ħrug ta’ diversi permessi għal żvilupp insostenibbli bħal dak ta’ Sqaq Żbibu f’San Gwann, il-MEPA għan-nom tal-gvern qed turi bil-fatti li ma jimpurtahiex mid-drittijiet tar-residenti. Jidher li issa huwa ż-żmien tal-ħlas lura ta’ dak dovut lill-industrija tal-bini talli għenet lill-partit illum fil-gvern qabel l-elezzjoni.”

Biex leħen l-Alternattiva Demokratika jinstema fuq NET u ONE

Broadcasting Authority-Malta

Alternattiva Demokratika talbet lill-Awtorita’ tax-Xandir biex tassigura li leħen AD jinstema fuq ix-xandir pubbliku viżiv matul il-kampanja elettorali li ser tibda għada. Dwar dan qed nistennew risposta mingħand l-Awtorita’ tax-Xandir forsi ma jibqax ikollna programmi bħal Xarabank li jagħti 50 minuta lill-PN, 50 minuta lill-PL u lill-AD l-mizerja ta’ 8 minuti. Forsi ma nibqgħux bi programmi bħal Dissett li jistieden biss lill-PN u lill-PL u mingħandna jieħu kumment qasir rrekordjat. Jew program bħal Bondi+ li jidhirlu li ġeneralment għandu jinjorana.

Żmien ilu Alternattiva Demokratika kienet għamlet l-istess talba fil-konfront tal-istazzjonijiet l-oħra  tat-TV. L-Awtorita tax-Xandir dakinnhar kienet ħarġet direttiva dwar dak li għandhom jagħmlu l-istazzjonijiet tat-TV inkluż dawk politiċi.

Fil-fatt nhar is-6 ta’ Frar 2012 l-Awtorita’ tax-Xandir kienet iddeċidiet dwar ilment imressaq minn Alternattiva Demokratika billi :

  1. Ikkonkludiet li waqt kampanja elettorali, wara li jkun ħareġ ir-writ,  ta’ l-inqas darba fil-ġimgħa fuq NET TV u ONE TV  fi programmi ta’ diskussjoni li fihom ikun hemm rappreżentanti ta’ partiti oħra għandu jkun mistieden rappreżentant ta’ AD u
  2. L-istazzjonijiet l-oħra kollha għandhom jistiednu rappreżentant ta’ AD kull meta jiddiskutu temi ta’ natura politika jew public policy waqt kampanja elettorali.

Nistennew ħalli naraw kif l-Awtorita’ tax-Xandir ser timplimenta din id-direttiva tagħha fuq in-NET u l-ONE.

Il-PBS u l-Labour Party: xi smajt għand tal-grocer

 

green onions

Sewwa qal Simon li in-nies għandha tiftaħ ħalqha għand tal-grocer. Ara xi smajt:

” Smajtu d-diskors ta’ Gonzi?

Iva, anke ta’ Debono smajt. Imma veru m’għaddiex imma l-budget?

Mela inti m’hux tgħix f’dinja jew? Ma tafx li Franco ivvota mal-Opposizzjoni u l-budget ma għaddiex?

Iva. Naf. Imma ma nistax nifhem x’inhu jiġri għax il-PBS għadu qed ixandar ir-reklami dwar il-budget. Għadda jew m’għaddiex?

Dak taf għaliex għadhom għaddejjin bir-riklami? Għax issa meta jitilgħu il-Labour mhux l-istess budget ser jagħmel il-Professur Scicluna? Isib ix-xogħol lest!”

Il-PBS tirtira applikazzjoni : prosit.

Il-PBS irtirat l-applikazzjoni biex jitwaqqa’ l-bini li għandha fi Gwardamangia. Dan ġara wara direttiva li ġiet mogħtija mill-Prim Ministru. Tajjeb ħafna.

Imma ma kienx ikun aħjar li kieku l-Gvern jappunta nies fuq il-bordijiet tiegħu li jkunu sensittivi għall-wirt storiku tagħna ? F’dan il-każ kien possibli li l-Prim Ministru jintervjeni, u għamel tajjeb. Imma m’hux dejjem ikun possibli li dan isir. Għax mhux dejjem ikun jaf.

B’bordijiet iktar sensittivi għall-wirt storiku (kif ukoll għal dak naturali) setgħu jiġu evitati ħafna problemi li nqalgħu fis-snin li għaddew.

 

L-istqarrija sħih tad-DOI li ħabbret din l-aħbar hi s-segwenti : 

 

IL-PBS TIRTIRA L-APPLIKAZZJONI BIEX TWAQQA’ L-BINI FIL-GWARDAMANGIA 
 

Il-Public Broadcasting Services (PBS), irtirat l-applikazzjoni li kienet għamlet mal-MEPA biex jitwaqqa l-bini li għandha fi G’Mangia. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, Dolores Cristina, li hi wkoll responsabbli għall-PBS, wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru, tat direttiva liċ-Chairman tal-PBS biex immedjatament jirtira l-applikazzjoni li l-kumpanija għamlet mal-MEPA, biex jitwaqqa l-bini eżistenti li l-kumpanija għandha fil-Gwardamangia. 

Il-Ministru tat din id-direttiva wara li kien kunsidrat li dan il-bini hu meqjus bħala eżempju ta’ arkitettura moderna ta’ kwalita’ kif ukoll bħala punt ta’ riferenza għall-bidu tax-xandir f’Malta. 

Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru Cristina talbet lill-Bord tad-Diretturi biex ifittex soluzzjonijiet alternattivi biex ikunu żviluppati l-faċilitajiet tal-PBS. 
 

By carmelcacopardo Posted in PBS Tagged