Bejn biċċa deputat u biċċa ambaxxatur

Fil-Parlament bħalissa għaddej il-proċess ta’ RCC. L-eċċellenza tiegħu hu l-ambaxxatur ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.

Fil-waqt li hemm ħafna x’tikkritika fl-imġieba ta’ RCC, prinċipalment li jippretendi li hu superjuri u li jħares lejn kulħadd qiesu dubbien, naħseb li l-kritika tal-Opposizzjoni hi żbaljata.

Anke jekk għas-saħħa tal-argument wieħed kellu jaċċetta li RCC ta’ parir li l-Gvern jaqbeż il-Parlament huwa u jimplimenta l-politika tiegħu dwar il-Partnership for Peace il-kritika għandha tkun indirizzata lejn Lawrence Gonzi bħala Kap tal-Gvern u mhux lejn biċċa ambaxxatur. Għax l-ambaxxatur, kemm jekk biċċa kif ukoll jekk sħiħ qiegħed hemm biex jimplimenta dak li jiddeċiedi l-Gvern. Issa jista’ jkun li Richard jippretendi li minbarra li hu biċċa ambaxxatur hu ukoll biċċa Prim Ministru. Jista’ jkun li f’xi kuritur ftaħar li hu kien wara l-idea kollha tal-PfP. Imma jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni ma jeħodiex hu. Għax hu kulma hu biċċa ambaxxatur.

Sfortunatament għal RCC id-deċiżjoni li ser tittieħed tiddependi biss minn dak li ser jagħmel il-biċċa deputat Franco Debono.