X’toffri AD

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija : X’ tista’ toffri l-AD ghal-landscape politiku lokali?

Tweġiba : F’ Malta qabel ma twaqqfet Alternattiva Demokratika kien ilna snin twal ma jkollna it-tielet partit politiku attiv fuq skala nazzjonali. Imma iktar minn hekk meta kien hemm multiplikazzjoni tal-partiti politiċi fis-snin 50 u 60, bl-eċċezzjoni tal-Partit Kostituzzjonali Progressiv (il-partit ta’ Mabel Strickland) dawn  kienu splinter groups:  il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (il-partit ta’ Herbert Ganado) kien splinter group tal-PN u l-Partit tal-Ħaddiema Nsara (il-partit ta’ Toni Pellegrini) kien splinter group tal-Partit Laburista.  Il-ħolqien ta’ AD fl-1989 bdiet bħala refuġju għal Wenzu Mintoff u Toni Abela meta dawn tkeċċew mill-Partit Laburista. Imma minn dak in-nhar żviluppat f’Partit bi ħsieb politiku distint mill-PN u l-PL. L-assoċjazzjoni ta’ AD mal-Ħodor Ewropej (EGP – European Green Party) għin biex AD issaħħaħ din l-identita’ distinta tagħha.

Il-filosofija politika ħadra hi kristallizzata b’mod ġenerali fid-dikjarazzjoni ta’ Canberra tal-Global Greens liema dikjarazzjoni kienet approvata fl-2001 u tiġbor il-ħsieb politiku aħdar f’sitt oqsma u ċjoe:  ir-rispett lejn l-eko-sistema li niffurmaw parti minnha, l-integrazzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ġustizzja ambjentali, demokrazija parteċipattiva, in-non-vjolenza u kultura ta’ paċi bejn il-ġnus, is-sostenibilita w ir-rispett għad-diversita’ .

Il-politika ta’ AD li hi l-implimentazzjoni ta’ dan f’kuntest lokali tikkuntrasta ma dik offruta mill-PN u l-PL. Hi politika li tagħti sens ta’ valur lill-komunita’ u lill-kwalita tal-ħajja bħala oġġettiv primarju tal-politika ambjentali. Politika li żżewweġ flimkien il-politika ambjentali u dik soċjali fi sforz biex hi u tnaqqas il-konsum żejjed tassigura li r-riżorsi limitati jistgħu  jintużaw ukoll mill-fqir li għandu dritt għal għixien diċenti.