Nibnu l-pontijiet ………. imma fuq pedamenti addattati

 

Kif ħabbar il-Malta Today dal-għodu, l-Partit Nazzjonalista talab biex jiltaqa ma’ Alternattiva Demokratika bl-iskop li jkun identifikat jekk hux possibli li jkun hemm xi forma ta kooperazzjoni bejn iżżewġ partiti, u dan fid-dawl tal-qagħda politika preżenti.

Qatt mhu ħażin li titkellem, anke jekk ma daqqa tgħajn jidhru li hemm differenzi mhux żgħar.

Kif anke ġie kkwotat Mario de Marco mill-Malta Today, il-kooperazzjoni li jrid il-PN hi dwar il-lista elettorali! Il-PN diġa kważi wasal għal ftehim mal-Partit Demokratiku ta Marlene Farrugia biex possibilment il-kandidati ta dak il-partit jdhru fil-lista elettorali taħt l-isem tal-Partit Nazzjonalista. Il-PN u l-PD, dan l-eżerċizzju qed isejħulu koalizzjoni.

Fil-fehma tiegħi dan hu kollox barra koalizzjoni.

Alternattiva Demokratika sejra għal-laqgħa mal-PN bmoħħ miftuħ, bla preġudizzji imma bideat ċari kif diġa kelli l-opportunita li nispjega fuq dan il-blog matul il-ġimgħat li għaddew.

Il-bierah, tard fil-għaxija, fdiskussjoni fuq  it-telefon li kelli ma Karol Aquilina, President tal-Kunsill Amministrattv, Mario de Marco Viċi Kap tal-PN u Simon Busuttil innifsu, ftehmna li l-laqgħa esploratorja bejn l-AD u l-PN issir nhar il-Ġimgħa li ġejja.

Ta Alternattiva Demokratika sejrin għal din il-laqgħa brieda tajba, lesti li nagħtu l-kontribut tagħna biex jinbnew il-pontijiet. Imma l-ewwel irridu naċċertaw ruħna li l-pedamenti huma addattati.

Il-kapitulazzjoni ta’ l-Oranġo

Xi ġimgħat ilu, l-aħħar li tkellimt ma Marlene, kienet qaltli li l-laqgħat mal-Partit Nazzjonalista kienu għadhom fil-bidu. Ma setawx jimxu l-quddiem, qaltli, għax il-PN ried jassorbihom u huma (ta Marlene) ma riedux. Ta l-inqas hekk qaltli, sakemm ma kienitx qed tipprova tgħaddini biżżmien.

Jidher li issa ċediet. Filwaqt li l-paroli ma jonqosx, il-kapitulazzjoni hi kompleta. Il-Partit Demokratiku issa ser jisparixxi.

Issa Marlene tibda tgħix l-illużjoni li tista tibdel il-PN minn ġewwa. Hemm min qed jgħid li din hi l-unika triq għall-partiti żżgħar. It-tweġiba tiegħi hi waħda, ċara u sempliċi: Alternattiva Demokratika mhux interessata fdin it-triq.

Il-koalizzjoni: x’jifhem biha l-PN

 

Hawn ħafna qed ipeċilqu bħalissa dwar il-ħtieġa li tkun iffurmata koalizzjoni bejn il-PN u l-AD u l-PD.

Fl-artiklu tiegħi ippubblikat fl-Independent on Sunday, intitolat Basics for Coalition Building jiena spjegajt b’mod ċar x’tifhem Alternattiva Demokratika meta tuża l-kelma koalizzjoni. X’jifhem il-PN nafu minn dak li jgħidulna dawk li iltaqgħu magħhom dwar is-suġġett.

Issa kien hemm wieħed li kiteb eżatt dak li għaddej minn moħħhom. Geoff Pisani Bencini kiteb kumment żgħir dwar intervista ta’ Michael Briguglio u qalilna x’qiegħed jintqal fiċ-ċrieki ta’ ġewwa tal-PN. Mhux diffiċli biex tifhem minn fejn ġew dawn il-ħsibijiet profondi. Huma in-negazzjoni kompleta ta’ xi tfisser koalizzjoni.

Hawn taħt qed nirriproduċi dak li kiteb bla kummenti. Forsi min qed jgħix fis-sħab iniżżel ftit saqajh mal-art u jifhem x’passata qed jgħadduh tal-PN:

Trid koalizzjoni?

 

Fintervista dal-għodu, ippubblikata fuq Illum, Michael Briguglio qalilna li Alternattiva Demokratika għandha tikkonsidra koalizzjoni mal-PN u mal-PD.

Huwa importanti li Briguglio ma jkunx interpretat ħażin. Ma qalx li għandu jkun hemm koalizzjoni. Imma li din għandha tkun ikkunsidrata.

Il-ħsieb ta Michael Briguglio hu wieħed ġenwin. Qed jżviluppa l-argument li s-saħħa tan-numri wieħed mgħandux jinjorha.

Imma hemm ħafna konsiderazzjonijiet oħra li għandhom isiru.

L-ewwel nett għandu jingħad li koalizzjoni ma tistax u mgħandiex issir a kwalunkwe kost.

Fiċċirkustanzi preżenti, ma jagħmilx sens li Alternattiva Demokratika tiċċappas mal-PN. Tal-inqas hemm il-ħtieġa li jkun ikkjarifikat it-taħwid li qed jirriżulta dwar il-finanzjament tal-PN minn Silvio Debono, u possibilment minn oħrajn ukoll.  Dan apparti ħafna inkonsistenzi oħra kemm dwar l-imġieba ta uħud fil-PN kif ukoll (inkonsistenzi) fil-politika tiegħu.

Dwar il-Partit Demokratiku ta Marlene Farrugia dawn kienu bdew jiddiskutu koalizzjoni mal-PN. Marlene tkellmet fdimostrazzjoni tal-PN u tat il-messaġġ li diġa qegħda fl-ixkora. Tant li fil-gazzetti kienu ġiebu l-aħbar li n-negozjati kienu avvanzati. Imma riċentment qalu li dawn in-negozjati bil-kemm bdew!  Ovvjament hemm min qed jistħi issa.

Koalizzjoni tirrikjedi ftehim fuq programm ta ħidma programm elettorali. Kif tista AD, fiċċirkustanzi preżenti tftiehem ma PN li hu imħawwad waħda sew?

Koalizzjoni, jekk issir bis-serjetá tieħu ħafna ħin u mhux ser issir fi ftit ħin lejliet l-elezzjoni. Hi process li jinbena ftit ftit u biċċa biċċa.

Trid koalizzjoni? It-tweġiba, ta l-inqas għalissa, hi, le grazzi. Jekk ikun għad baqa ħin naraw iktar tard meta jiċċaraw l-affarijiet.

Marlene u l-maduma

 marlene-farrugia-simon-busuttil

Rajt l-intervista ippubblikata illum ma Marlene Farrugia fuq l-Independent online.

Sfortunatament, Marlene tparla wisq u ħafna drabi tparla qabel ma tkun ħasbet biżżejjed. Dan iservi biex tkisser l-intenzjonijiet tajba kollha li jkun hemm, tagħha u ta’ dawk kollha madwarha. Għax tispiċċa tikkomettihom mingħajr ma jkunu għadhom fetħu ħalqhom.

Għandha kull dritt li tiddeċiedi li tikkontesta l-elezzjoni taħt l-umbrella tal-PN – jew kif ġiet rappurtata li “ma teskludix” li tikkontesta l-elezzjoni taħt il-maduma. Imma jkun ħafna interessanti kieku jkun magħruf jekk din hiex deċiżjoni tagħha inkella jekk hiex deċiżjoni tal-partit “tagħha”. 

Fil-passat riċenti Marlene kienet saħqet (ġustament) li l-ewwel kien meħtieġ li jkunu stabiliti l-parametri programmatiċi u kien biss wara dan il-pass li seta  jkun ikkunsidrat l-livell ta’ kooperazzjoni possibli. L-għaġġla li biha qed ikunu ikkomunikati d-deċiżjonijiet jindikaw li l-politika ewlenija tal-Partit Demokratiku hi l-impulsivitá. Din hi ħasra għax fil-bidu kien hemm il-potenzjal.

L-impulsivitá tfisser li l-muskoli tal-ħalq jgħaġġlu iktar mill-moħħ. It-tlablib isir bla ma jkun hemm il-ħsieb neċessarju. Dan inevitabilment iwassal għal żbalji tattiċi madornali li l-impatti tagħhom mhux la kemm tqum minnhom. 

Il-partit ta’ Marlene Farrugia

Marlene Farrugia5

Beda l-proċess biex jitwaqqaf il-partit ta’ Marlene Farrugia li issa nafu li ser ikun jismu l-Partit Demokratiku. Hi deċiżjoni mistennija għal dawn l-aħħar ġimgħat.

Id-deċiżjoni, bla dubju, hi riflessjoni tal-ħsieb tal-promuturi (dawk li Marlene issejħilhom il-core group) u kif dawn qed jinterpretaw ix-xenarju politiku tal-lum. Ovvjament mhux kulħadd jiżen il-fatti bl-istess mod u għalhekk li setgħu jittieħdu deċiżjonijiet differenti.

Matul Marzu u April li għadda, xi drabi flimkien ma uffiċjali oħra ta’ Alternattiva Demokratika, iltqajt ma Marlene u uħud mit-team ta’ madwarha. In vista tal-fatt li hemm similarità fl-ideat [osservazzjoni li tirriżulta minn uħud mis-suġġetti li qed tmexxi l-quddiem Marlene u li huma viċin ħafna dak li titkellem dwaru Alternattiva Demokratika] tkellimna dwar il-possibilità li flok ma twaqqaf partit ġdid, Marlene Farrugia setgħet faċilment tmexxi l-proġett politiku tagħha minn ħdan Alternattiva Demokratika. Imma din l-idea kien hemm resistenza għaliha u b’mod indirett konna mistiedna biex minnflok inxolju lill-Alternattiva Demokratika u ningħaqdu aħna ukoll fil-partit ġdid li kellu jitwaqqaf. Proposta li ma kienx hemm qbil magħha.

Il-partit, qalulna, kellu jkun ġdid, b’nies ġodda. Ovvjament mhux il-partit kollu  ser ikun ġdid, għax l-anqas Marlene nnifisha m’hi ġdida, b’esperjenzi diversi, uħud posittivi imma anke oħrajn li possibilment m’humiex.

Tul il-ġimgħat li ġejjin bla dubju insiru nafu iktar, in partikolari dwar kif jaħsibha u kif ser ikun organizzat il-partit il-ġdid, il-Partit Demokratiku.

Marlene, bla dubju hi persuna valida li għad tista’ tagħti kontribut lill-politika Maltija. Imma jekk il-ħolqien tal-Partit Demokratiku huwiex pass tajjeb jew le għad irridu naraw. It-tweġiba jagħtihielna ż-żmien.

Sadanittant nibqgħu għaddejjin b’ħidmitna bit-tama li nsibu mod kif nistgħu nikkooperaw.