Il-parabboli ta’ Varist

Evarist-Bartolo.irrabjat

It-tradizzjoni politika Ewropeja, li f’kull partit politiku jkun hemm mhux biss min jaħseb b’moħħu imma, iktar minn hekk li jkun hemm min jitkellem ċar fil-pubbliku, għad ma rabbietx l-egħruq fil-fond f’pajjiżna. Kieku dan seħħ, il-ħajja politika f’Malta forsi hi ftit aħjar.

Minflok politiċi li jitkellmu ċar, għandna l-parabboli ta’ Varist li waqt li l-opinjoni pubblika qed tiffoka fuq il-Panama jippreferi jikkritika l-imġieba tal-Professur Bannister inkella  li jitkellem dwar xi stedina għal fenkata f’razzett fin-nofsinnhar tal-pajjiż. Messaġġ għal min irid jifhmu, imma ferm il-bogħod minn dak mistenni minnu.

Jiena nitkellem ma membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra. Wieħed minnhom, min-naħa tal-Gvern, riċentement qalli li Marlene Farrugia għaġġlet meta rriżenjat għax kieku stenniet ftit kienet issib appoġġ mhux żgħir mill-backbench.

Iva, wara l-istorja faċli tgħid x’seta ġara, kieku …………… nitkellmu ċar u mhux bil-parabboli.

 

Imma dan ma ġarax b’kumbinazzjoni għax tajjeb li niftakru li Joseph Muscat ħaseb minn kmieni biex jassigura ruħu li jkun jista’ joħnoq id-dissens fil-grupp parlamentari biex jipprova jevita dak li ġralu Lawrence Gonzi.

Id-daqs kbir tal-Kabinett (l-ikbar fl-istorja) kif ukoll l-inkarigi lil prattikament il-backbench kollu (min Chairman hawn u min konsulent hemm) huma fost il-miżuri intenzjonati minn kmieni biex id-dissens ikun regolat. Pero minkejja dan, il-grupp parlamentari laburista xorta kellu diskussjoni imqanqla dwar il-Panama Papers. Kien hemm min, bil-bibien magħluqin ħass li seta jkun kritiku ta’ kif saru l-affarijiet u diversi talbu r-riżenji ta’ Konrad u Keith. Il-kuraġġ tal-ftit instema imma ma kienx biżżejjed. Kellhom il-kuraġġ imma illimitaw ruħhom għall-kritika interna, li hi neċessarja ukoll.

S’issa d-dissens fil-Partit Laburista hu limitat għall-kritika interna u għall-parabboli ta’ Varist. Żewġ passi l-quddiem imma mhux biżżejjed biex tinkiseb lura l-kredibilità.

 

Il-Grupp Parlamentari Laburista u l-iskandlu tal-Panama

Joseph Muscat +

Id-dimostrazzjoni tal-Partit Laburista li saret fuq Kastilja nhar il-Ħadd l-1 ta’ Mejju ma kienitx dwar l-iskandlu tal-Panama. Bħal kull attività politika pubblika tingħata t-tifsira li jkun l-aktar jaqbel. Għalhekk naturali, u nifhem li l-Partit Laburista, taħt assedju tul dawn l-aħħar tmien ġimgħat, jinterpreta d-daqs tal-folla fuq Kastilja bħala waħda li tagħtih appoġġ f’dan il-mument diffiċli.

Peró, fir-realtà, x’appoġġ qed tagħti l-folla lill-partit f’dan il-mument kritiku?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu mhuwiex ċert. Ġie ikkwota jgħid li jekk il-każ Panama huwiex magħluq jew le, iridu jkunu in-nies li jiddeċiedu. Ma kienx qed jirreferi biss għal dawk li kellu quddiemu. Muscat hu konxju li kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri l-Kasco għamlu gaffe kbir. Imma Konrad u Keith ħadmu miegħu mill-qrib u hu ovvju li jħossu obbligat mhux ftit lejhom. Għalhekk dam biex iddeċieda u meta iddeċieda iċċaqlaq mill-inqas u effettivament ma ddeċieda xejn.

Ittieħdu żewġ miżuri : Konrad ma baqax direttament responsabbli għall-enerġija imma tħalla membru tal-Kabinett bħala Ministru bla portafoll. Kien ġest simboliku li bih Joseph Muscat qed jirrikonoxxi li sar żball imma mhux qiegħed jaċċetta li l-iżball hu gravi biżżejjed li jimmerita tkeċċija. L-iskuża fjakka li qed iġib Muscat hi li ħadd ma qiegħed jallega llegalità. Li mhux qiegħed jgħid Muscat hu li dwar allegazzjonijiet ta’ illegalità ma hemmx ħtieġa ta’ intervent tiegħu għax jeżistu mekkaniżmi legali li jipprovdu għal dan l-intervent min-naħa tal-awtoritajiet. L-issue reali, a bażi ta’ dak li hu magħruf s’issa pubblikament hi waħda ta’ imġieba u ta’ serjetà fit-tmexxija [good governance].

Konrad irriżenja [jew ġie mitlub jirriżenja] minn Deputy Leader tal-Partit ftit ġimgħat wara li inħatar f’elezzjoni fejn kien jidher li kien il-magħżul u tellaq waħdu.

Il-mistoqsija inevitabbli hi : għalfejn ma rriżenjax minn kollox? Dak li għamel [li għandu kumpanija fil-Panama] għandu jkun tal-mistħija għalih, għall-partit u għall-pajjiż. Dwar l-istess ħaġa irriżenja l-Prim Ministru tal-Iżlanda kif ukoll Ministru Spanjol. Imma Konrad le, għax skond Joseph, fil-waqt li l-affarijiet setgħu saru aħjar, ma sar xejn ħażin.

Din hi l-qalba tal-problema. Li Joseph Muscat hu amorali. L-etika għalih hi irrelevanti. Jgħodd x’inhu legali jew illegali imma mhux x’inhu tajjeb jew ħażin.

Fortunatament bosta membri tal-grupp parlamentari jaħsbuha differenti minn hekk. Hemm min tkellem fil-pubbliku bħalma għamlu Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia. Hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Issemmew l-ismijiet tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech u tal-Ministri Leo Brincat, Edward Scicluna u George Vella. Hemm ukoll id-dikjarazzjoni ċara ta’ Alfred Sant. Naf li hemm oħrajn. Kollha talbu r-riżenja ta’ Konrad Mizzi.

Il-grupp parlamentari laburista m’huwiex kuntent bis-sitwazzjoni. Huwa konxju li s-skiet tal-Partit Laburista quddiem it-taħwid tal-Gvernijiet tas-snin 70 u 80 kienet raġuni ewlenija li kkundannat lill-partit għal 25 sena fl-Opposizzjoni. Illum jirrealizzzaw li hu kmieni wisq, wara biss tlett snin, biex il-partit laburista jsib ruħu f’dan it-taħwid kollu. Il-ftit li għamel Joseph dwar il-kaz (anke jekk kosmetiku) għamlu biex jipprova jissodisfa lill-grupp parlamentari tiegħu. Imma xorta ħadd ma hu sodisfatt. Dan kien jidher anke nhar il-Ħadd mill-body language ta’ Joseph x’ħin kien qed jindirizza l-folla fuq Kastilja.

Iċ-ċavetta qegħda f’idejn il-grupp parlamentari laburista biex dan iwassal lill-partit forsi jiġi f’sensieh. Is-soċjetà ċivili ukoll għandha responsabbiltà kbira li tibqa’ ssemma’ leħinha biex tkompli tagħmel il-kuraġġ lil dawk li fil-Partit Laburista qed jinsistu li Konrad (u Keith) għandhom jirriżenjaw. L-intellettwali tal-pajjiż hemm bżonn ukoll li joħorġu mill-friża u jiftħu ħalqhom flok ma jillimitaw ruħhom għat-tfesfis fil-widnejn.

Għax il-folol preżenti għad-dimostrazzjonijiet m’humiex biżżejjed biex tirbaħ l-elezzjonijiet. Hemm bżonn ferm iktar minn hekk. L-imġieba tajba tal-Gvern hi element essenzjali. U dan il-Gvern, bħal ta’ qablu qiegħed iġib ruħu ħażin.

Il-karrotti tal-leader

carrots

 

Il-Grupp Parlamentari Laburista qiegħed f’posizzjoni diffiċli. Il-parti l-kbira tal-membri tal-grupp huma persuni ta’ serjetà u integrità. Mhux biss dawk li issemmew mill-gazzetti bħala li kienu fuq quddiem fl-insistenza li Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco  iwarrbu jew jitwarrbu. Naf b’diversi oħrajn li huma ta’ l-istess fehma.

Imma hemm problema. Anzi tnejn.

Għalkemm ma tissemmiex, dejjem hemm il-biża’ mill-elementi vjolenti li għandhom interess fl-istatus quo inkella li qegħdin hemm fid-dell jistennew li jkunu mikrija. Elementi li ilhom ma jidhru imma li f’ċirkustanzi bħal dawn għandhom ħabta jitfaċċaw.

Joseph Muscat investa fil-Membri Parlamentari Laburisti tal-backbench biex ikollhom biex jgħaddu ż-żmien u dan billi assigura ruħu li kollha (jew kważi) għandhom xi jmaxtru. Dan bir-riżultat li fis-siegħa tal-prova l-karrotti tal-leader jassumu sinifikat kbir.

Dawn huma l-problemi li għandu quddiemu l-Grupp Parlamentari Laburista. Huma problemi li jieħdu ż-żmien biex jissolvew, sakemm iktar Membri Parlamentari jirrealizzaw li l-lealtà tagħom m’għandiex tkun lejn il-leader jew lejn il-karrotti tiegħu imma favur is-serjetà, favur it-tmexxija nadifa, favur it-trasparenza u favur il-kontabilità.

Is-serjetà fil-politika titlob ħaġa waħda: li min żbalja jħallas billi jwarrab jew jitwarrab.

Dan ma jgħoddx biss għal Konrad u Keith il-Kasco. Issa jgħodd ukoll għal Joseph Muscat. Għax id-difiża tiegħu ta’ Konrad u Keith il-Kasco qed tifni lill-pajjiż. U l-ħsara jista’ jkollha konsegwenzi kbar li jieħdu snin kbar biex jittaffew.

Il-Grupp Parlamentari Laburista ………..beda jistenbaħ

 muscat_j_signing_election_1st_billboard

Kienet aħbar tajba fl-Independent il-bieraħ li l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista kienet waħda imqanqla. Issemmew diversi ismijiet li insistew għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi. Issemmew l-ismijiet ta’ tlett Ministri li qablu li Konrad Mizzi għandu jirriżenja. [Varist Bartolo, Louis Grech u Leo Brincat – dal-għodu l-Malta Today semmew ukoll lil George Vella]

Bla dubju hemm oħrajn li s’issa għad ma kellhomx il-kuraġġ li jsemmgħu leħinhom. Fil-Parlament il-bieraħ beda jiċċaqlaq ukoll Edward Scicluna l-Ministru tal-Finanzi.

Konrad (u miegħu Keith Mizzi) żbalja li mar il-Panama, anke jekk il-kumpanija tiegħu ma laħqitx bdiet topera. Il-fatt biss li mar hemm hu ġustifikazzjoni biex jirriżenja.

Hi issue ta’ imġieba ħażina ta’ Konrad (u Keith).

Qegħdin nitkellmu dwar responsabbiltà politika li Konrad (u Keith) għandu jerfa’ talli fetaħ il-kumpanija fil-Panama.

Fl-aħħar, huwa ta’ inkuraġġiment li anke fil-Grupp Parlamentari Laburista hemm min jaħsibha b’dan il-mod. Fl-aħħar fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista hemm min stenbaħ u beda jaħseb b’moħħu. Avolja daqsxejn tard.

Il-ħsara li saret lill-pajjiż hi issa irreparabbli.

 

Gonzi fir-rokna

Lawrence Gonzi qiegħed fir-rokna. Ilu jilgħab logħba perikoluża. Imma issa qiegħed joqrob lejn l-aħħar.

It-tmexxija tiegħu tal-Partit Nazzjonalista u tal-Gvern imxiet mill-ħażin għall-agħar.

L-ewwel linja ta’ difiża tiegħu kienet li m’hux hu kien responsabbli. Imma t-team li wiret. Għalhekk RCC u Joe Saliba ħarġu bil-brand ta’ gonzipn.

Gonzipn fissret il-konvinzjoni ta’ Gonzi u dawk ta’ madwaru (RCC, Joe Saliba u Austin Gatt) li l-Grupp Parlamentari u l-Kabinett ma jiswew għalxejn. Hu kollox. Qabel l-elezzjoni fil-fatt lil Molly Bordonaro Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti qalila li ma kellux minfejn jagħżel Kabinett sura. Għalhekk wara l-elezzjoni lil uħud infurmhom b’SMS li s-servizzi tagħhom ma kellux aktar ħtieġa tagħhom.

Dak li qed jiġri llum fil-Parlament hu l-konsegwenza ta’ dak li Gonzi u Saliba ħawlu snin ilu. Fil-fatt li tiżra’ taħsad.

Fil-Parlament smajna lil diversi jkunu kritiċi ta’ dak li kien qed jagħmel kif ukoll ta’ dak li ma kienx qed jagħmel il-Gvern: gonzipn. U ġaladarba l-istrateġisti għoġobhom jidentifikaw il-Gvern ma persuna waħda (l-brand Gonzi) jridu joqgħodu għall-konsegwenzi : li l-istess persuna terfa’ r-responsabbilta ta’ kull ma ġara.

Ma hemm xejn ħażin li diversi membri parlamentari ħasssew il-ħtieġa li jitkellmu fil-pubbliku dwar dak li kien miexi ħażin. Dan hu rifless ta’ l-integrita’ tagħhom li quddiem triq li qed twassal għal diżastru u kollass komplet tal-PN huma għażlu t-triq tal-irġulija. Bil-bibien magħluqin setgħu faċilment imxew mal-kurrent. Bi grupp parlamentari li jippreferixxi l-inċens, bi tmexxija li tippreferi lil min jilgħaq hu pożittiv li diversi fetħu ħalqhom u qalu lil Gonzi u lir-reqdin ta’ madwaru li dak li qalu ma kienx jikkorrispondi ma dak li għamlu.

Gonzi ipprova jixtri lill-kritiċi. Ħoloq u ħatar numru ta’ Assistenti Parlamentari. Kariga immudellata fuq il-Parliamentary Private Secretary fil-House of Commons bid-differenza li fil-House of Commons hu unur li tinħatar. F’Malta titħallas biex forsi tinxtara u tagħlaq ħalqek.

Il-kritiċi parlamentari nazzjonalisti ta’ Gonzi għamlu żball wieħed. Ma kkordinawx il-ħidma bejniethom. Li għamlu hekk kienu jkunu effettivament qed iwaqqfu kurrent b’mod formali u kienu jġibu lil Gonzi f’postu żmien twil ilu.  Kienu jġibuh għarkuptejh u possibilment kienu jiffrankaw lill-pajjiż numru ta’ deċiżjonijiet żbaljati.

Iktar ma jgħaddi żmien imma Gonzi qed jitfixkel f’saqajh. Flok ma joqgħod attent għal dak li jagħmel (hu u ta’ madwaru) qiegħed ta’ kuljum iwassal messaġġ li l-arroganza hi element essenzjali tal-għodda ta’ tmexxija li hu għażel.

Mhux l-ewwel wieħed mill-mexxejja politiċi ta’ dan il-pajjiż li sab ruħu f’din il-posizzjoni. Hu dak li tagħmel meta tkun fir-rokna.

M’hemmx bżonn ta’ kuċċarina

Franco Debono qed jagħti l-messaġġi bl-imgħarfa biex ikun ċar li dak li jgħid jinftiehem kif intenzjonat.

Jiena da parti tiegħi kont iktar ċar minn hekk ftit inqas minn ħames snin ilu. Xi wħud forsi insew.

F’ittra li kont ippreżentajt lil Joe Saliba, Segretarju Ġenerali tal-PN ta’ dak iż-żmien kont tajt raġunijiet dettaljati għala kont qiegħed nirreżenja minn membru tal-PN wara iktar minn tletin sena imsieħeb.

Dak li għidt dakinnhar jibqa’ validu anke illum. Anzi jassumi sinifikat addizzjonali.

Fost oħrajn kont għidtlu li “Meta sseħibt fil-Partit Nazzjonalista kont nidentifika ruħi bla diffikulta miegħu. Iżda illum ilni żmien nagħmel sforz nistaqsi lili nnifsi jekk il-PN għadux l-istess Partit li jiena sseħibt fih fis-snin 70. Qiegħed nasal għall-konkluzjoni illi kieku kelli nagħmel l-għażla illum ma kontx nagħżel li nissieħeb.”

Illum hemm bosta oħrajn li qed jgħidu l-istess. Li l-PN inbidel. Il-bidla hi għall-agħar. Tajjeb li waslu għall-istess konklużjoni, avolja 5 snin tard.

Il-bażi ta’ dan kollu, kont għidt f’Jannar 2008 hi nuqqas ta’ kontabilita’ vera tal-Gvern lejn il-Parlament. Għax il-Parlament hu bla snien u ser jibqa’ bla snien sakemm jibqa’ kompost biss minn żewġ partiti. Għalhekk hemm bżonn li dawk kollha ta’ rieda tajba jsaħħu t-tielet partit.

Illum il-ġurnata jiena imsieħeb f’dan it-tielet partit li hu Alternattiva Demokratika. Dan għamiltu għax filwaqt li dehrli li kelli nerġa’ nibda ninvolvi ruħi fil-politika l-Partit Laburista rajtu fjakk fl-2008 u huwa iktar fjakk illum. F’ħafna aspetti ma jingħarafx mill-PN u huwa prattikament konservattiv daqsu.

Dak li seħħ matul dawn l-aħħar xhur inissel fija dispjaċir wieħed: li fil-PN u fil-grupp parlamentari tiegħu hemm bosta persuni validi li huma kritiċi tat-tmexxija attwali imma sabuha diffiċli ħafna li jikkordinaw bejniehom reazzjoni komuni. Saru diversi kummenti validi iżda sfortunatament kulħadd spara għal rasu u għaldaqstant ftit kien hemm ċans li jkun hemm suċċess għat-twettieq ta’ dak li kien qiegħed jintqal.

Min irid jifhem jifhem. M’hemmx bżonn ta’ kuċċarina!

( Nota: l-ittra ta’ riżenja tiegħi hi riprodotta fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 4 f’intervista li kont tajt lil Andrew Azzopardi u li issibha hawn)