Mill-Manifest ADPD: (1) Parlament full-time

L-uniku xogħol tal-Membru Parlamentari għandu jkun dak fil-Parlament u konness miegħu. M’għandux ikun possibbli għal Membru Parlamentari li waqt li jkun fil-ħatra jagħmel kwalunkwe xogħol ieħor. Dan jinkludi li Membru Parlamentari ma jkunx jista’ jinħatar fuq Bordijiet ta’ awtoritajiet u kummissjonijiet kemm dawk maħtura fis-settur pubbliku kif ukoll dawk fis-settur privat.

Meta l-Parlament ta’ Malta ivvota favur il-bini fl-ODZ

Voting Rationalisation YESVoting Rationalisation NO

Il-Front Ħarsien ODZ għadu kif talab lill-Membri Parlamentari kollha biex jiddikjaraw il-posizzjoni tagħhom dwar il-bini fl-ODZ.

Tajjeb li niftakru li l-Parlament ta’ Malta nhar l-Erbgħa 26 ta’ Lulju 2006 ivvota favur li artijiet kbar li kienu ODZ isiru tajjeb għall-bini (Rationalisation).

Fil-Parlament Malti illum għad baqa’ 14-il Membru Parlamentari li dakinhar ivvutaw favur li l-ODZ ikun jista’ jinbena. F’ordni alfabetiku dawn huma l-14-il Membru Parlamentari  li nhar is26 ta’ Lulju 2006 ivvotaw favur li artijiet ODZ jingħataw għall-bini :

Agius David, Arrigo Robert, Azzopardi Fredrick, Azzopardi Jason, Cassar Joseph, Debono Giovanna, Fenech Tonio, Galea Ċensu, Galea Mario, Gonzi Michael, Mifsud Bonnici Carmelo, Puli Clyde, Pullicino George u Zammit Dimech Francis.

L-Opposizzjoni Laburista ivvutat kontra. Għax sa dakinnhar il-Labour ma kienx jaqbel li l-ODZ jinbena!

Illum bidlu l-poszzjoni!

Il-listi fil-bidu ta’ dan l-artiklu huma estratt mill-minuti tal-Parlament u juru kif ivvutaw il-Membri Parlamentari kollha fuq il-bini fl-ODZ. Hemm tlett membri tal-Parlament li isimhom ma jidhirx għax dakinnhar ma attendewx Parlament. Dawn huma Chris Cardona, Mario de Marco u Karmenu Vella!

Parlament full-time?

parlament

Il-bieraħ ħadt sehem f’diskussjoni qasira fuq TVam flimkien mal-Psikjatra Joe Cassar (PN) u l-Avukatessa Deborah Schembri (PL).

Id-diskussjoni kienet dwar il-proposta ta’ Alternattiva Demokratika li l-Parlament għandu jaħdem fuq bażi full-time mhux bħal ma jaħdem il-lum, part-time.

Hemm ħafna xogħol li l-Parlament jeħtieġ li jagħmlu u ma jagħmlux għax ħin m’għandux.

Il-ħidma tal-Gvern ftit li xejn issir sorveljanza tagħha fid-dettall mistħoqq. Dak li għaddej fl-Unjoni Ewropeja ma jiġix mgħarbel kif meħtieġ. Dan minkejja li l-Parlament ta’ stat membru illum il-ġurnata bħala riżultat tat-trattat ta’ Liżbona għandu rwol importanti fil-proċess leġislattiv Ewropew.

Il-Parlament u l-Parlamentari għandhom bżonn lil min jassistihom fir-riċerka. Qasam injorat għal snin twal.

Kont sorpriż iżda bl-argument li dwaru qablu Joe Cassar u Deborah Schembri dwar li jista’ jkollok Parlament full-time imma l-Parlamentari mhux bil-fors ikunu full-timers. Jiġifieri dawn iridu sistema li tippermetti li uħud mill-Membri tal-Parlament jagħżlu li jkunu full-timers u lil oħrajn li jagħżlu li ma jkunux u dan minħabba li l-professjoni jew xogħol ieħor tagħhom jokkupalhom iktar ħin. Din hi l-attitudni li tirreżisti l-ħtieġa li kull Membru Parlamentari jagħti l-ħin kollu għall-Parlament għax sfortunatament għad hawn min irid li jibqa’ jkollu sieq waħda fuq naħa u s-sieq l-oħra fuq in-naħa oħra.

Għad għadna Membri Parlamentari li jippreferu jagħtu l-attenzjoni prinċipali tagħhom lill-professjoni. Jeħtieġ li issir għażla għax il-prattika tal-professjoni u l-ħidma parlamentari huma żewġ responsabbiltajiet li faċilment jikkonfliġġu u jistgħu joħolqu konflitt ta’ interess.

Nifhem l-attitudni, għax din ġejja minn persuni li uħud minnhom għadhom m’humiex konvinti l-anqas dwar il-ħtieġa li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari  għandhom jieqfu mill-prattika tal-professjoni tagħhom.

Ir-rappreżentanti tal-PN u l-PL donnu li jridu jħallu f’idejn il-Membri Parlamentari individwali biex jiddeċiedu huma dwar jekk ikunux membri full-time jew part-time. Iridu li jkollna kemm Membri Parlamentari tal-ewwel diviżjoni (full-time) kif ukoll dawk tat-tieni diviżjoni (part-time). Fi ftit kliem iridu jibqgħu jipprattikaw il-professjoni u fl-istess ħin jippruvaw jaqdu r-responsabbiltajiet Parlamentari.

L-esperjenza sal-lum uriet li Parlament part-time hu Parlament dgħajjef. Parlament part-time hu Parlament li jabdika r-responsabbiltajiet tiegħu f’idejn il-Gvern tal-ġurnata.

Huwa billi jkollna Parlament li jagħmel xogħolu kollu li l-pajjiż jista’ jimxi l-quddiem. L-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma tistax tibqa’ tiffunzjona fuq bażi part-time.

Dan hu l-pass li jmiss għall-Parlament. Parlament iktar b’saħħtu jfisser demokrazija iktar b’saħħitha.

Il-pedamenti tar-Repubblika

 

JPO qed jiżbalja meta qed jipprova jqabbel iċ-ċirkustanzi tal-vot tiegħu dwar RCC fil-Parlament ma dak li ġara fl-istess Parlament meta twaqqfet ir-Repubblika fl-1974. Preċiżament meta 6 membri tal-Grupp Parlamentari tal-PN immexxija minn George Borg Olivier ivvutaw kontra l-emendi kostituzzjonali filwaqt li l-bqija ivvutaw favur.

Li ġara dakinnhar kien mhux ftit differenti minn dak li qed jgħid JPO.

Għax ftit ikbar minnu fl-eta kif ukoll għax kont attiv fil-PN mill-1976 niftakar iktar dak li ġara, b’mod partikolari minn dak li qalu fil-presenza tiegħi l-protagonisti fl-avvenimenti tat-twaqqif tar-Repubblika.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN fil-maġġoranza kbira tiegħu qabel mal-pakkett finali tal-emendi kostituzjonali. Kienu sitta biss li kienu kontra : George Borg Olivier, Joseph Cassar Galea, Alexander Cachia Zammit, Albert Borg Olivier de Puget, Alfred Bonnici u Pawlu Borg Olivier.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN biex jevita li l-Kap tiegħu ikun imbarazzat kien insista ma’ George Borg Olivier biex ikun hemm free vote. Il-free vote fir-realta’ kien jippermetti lill-George Borg Olivier u l-ħames membri parlamentari l-oħra biex jivvutaw kontra l-posizzjoni deċiża tal-Grupp Parlamentari.

Kien fil-fatt qam fil-Parlament Ċensu Tabone, dakinnhar Viċi Kap tal-PN u fil-Parlament spjega l-vot tal-Opposizzjoni.

Apparti s-sinifikat pożittiv tal-vot fih innifsu dak il-vot kellu sinifikat kbir kostituzzjonali u kien in parti qed jirrifletti l-pariri li l-Grupp Parlamentari tal-PN kien ħa minn għand il-kostituzzjonalista Ingliż  O. Hood Philips.

Dan li niftakar jiena minn dak li qalu quddiemi l-protagonisti. Nistgħu ma naqblux fuq bosta affarijiet imma m’hu fl-interess ta’ ħadd li ngħidu l-affarijiet differenti milli fil-fatt huma.

Issa x’imiss li jiġri ?

Il-bieraħ il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li tlieta mill-Membri Parlamentari tiegħu: JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette ma jkunux kandidati tiegħu u f’ismu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fuq tnejn minnhom (JPO u Jesmond) ġja kien hemm dikjarazzjoni mill-kandidati infushom li ma riedux jerġgħu jkunu kandidati.  It-tielet wieħed, Franco, qal lill-media u riedna nemmnu li hekk kien, li Lawrence Gonzi riedu jerġa’ jkun kandidat. Ħalliha li Gonzi ċaħad dan.

Din tal-kandidaturi m’hi xejn. Kulħadd kien jistenniha għax kienet ovvja. Bħalma kienet ovvja li Austin Gatt kien ser ikun wieħed mill-iżjed li ser jopponi l-kandidatura ta’ Franco, kif l-istess Franco informa lill-media! X’tistenna? Wara l-kritika ħarxa lilu u lill-assistent tiegħu Manwel Delia (avolja kienet ġustifikata) fuq il-froġa tal-Arriva dan kien mistenni. Forsi Franco jirrealizza issa li l-astensjoni fil-vot ta’ sfiduċja dwar Austin Gatt kien żball da parti tiegħu. Għax il-konsegwenza loġika tal-argumenti tiegħu kellha tkun li Austin Gatt kellu jwarrab minn Ministru. Imma għal xi raġuni li s’issa għadni ma fhimtx Franco iddeċieda mod ieħor!

Fl-isfond ta’ dan kollu  Lawrence Gonzi irid li jtemm il-leġislatura sħiħa. Jiġifieri li l-Gvern immexxi minnu jibqa’ jiffunzjona sas-sena d-dieħla. Il-Parlament jista’ jibqa’ jiltaqa’ sad-9 ta’ Mejju 2013 u jekk jagħmel hekk l-iktar tard li tissejjah elezzjoni jista’ jkun is-Sibt ta’ qabel id-9 t’Awissu 2013. Dak il-massimu. Probabilment li Gonzi għandu f’moħħu li jġebbed sa Marzu 2013.

Imma l-mistoqsija hi : ser iwassal s’hemm?

L-aġenda parlamentari li hemm imħejjija għal wara l-vaganzi tas-sajf kif ukoll il-proġetti li jimmaturaw lejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tad-dieħla jindikaw li Gonzi u l-PN ser jagħmlu sforz biex iġebbdu kif jistgħu. Imma dan ma jiddependix minnhom biss.

L-ewwel punt li jista’ jeffettwa hu x’ser jiġri mill-fattur RCC. Diġa jidher li JPO ser ikollu d-diffikultajiet. Il-Kummissarju tal-Pulizija, ġustament, qal li m’għandux ikollu x’jaqsam f’materja purament politika. Gordon Pisani hu ostili għal JPO u m’hu ser jgħid jew jagħmel xejn li jista’ jkun ta’ l-iċken ħsara għal Gonzi. Karmenu Vella diġa kixef idejh, u dak li qal jiddependi fuq il-kelma tiegħu kontra l-kelma ta’ RCC. Jibqa’ biss ix-xhieda ta’ Joe Mizzi u John Dalli!

Jiena m’hux qed nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’xi kundanna għal RCC meta jidher ċar li l-argument prinċipali  ser ikun dwar il-kuntatti bejn RCC u uffiċjali tal-Gvern ta’ Alfred Sant dwar l-iskorta li kellu RCC minħabba l-attentat kważi fatali li kien seħħ fuq ħajtu fl-Imdina. Dan ta’ l-inqas joħrog minn dak li qal Joe Mizzi tal-Labour u f’dan il-kuntest hi relevanti x-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija.  Il-kuntatti li qed jurtaw lil JPO probabilment żviluppaw minħabba li l-Gvern ta’ Sant irtira l-iskorta u RCC ħass (ġustament) li din kienet meħtieġa.

Fid-dawl ta’ dan jiena nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’eloġju għal RCC u kundanna oħra għal JPO. Dan ikun ifisser li tiħrax il-kampanja pubblika ta’ JPO kontra l-PN u magħquda mar-reazzjonijiet ta’ Franco Debono ifisser li l-ewwel seduti tal-Parlament f’Ottubru jistgħu jkunu determinanti.

Fid-dawl ta’ dan Gonzi jista’ jikkunsidra li jxolji immedjatament biex jevita konfront ieħor. Bosta qed jgħidulu biex jagħmel hekk, imma jidher daqstant ieħor ċar li ser jibqa’ jirresisti sakemm ma jkollux triq oħra. Sakemm ikun inevitabbli li jwarrab.

Sakemm jibqa’ imqar l-iċken tama li jista’ jibqa’ għaddej fil-Parlament naħseb li ser jibqa’ mkaħħal mas-siġġu f’Kastilja.

Il-backbenchers tal-PN u l-botta dijabolika ta’ JPO

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija :  Kif tanalizza dak li seħħ fil-Parlament f’ dawn l-aħħar seba’ xhur?

Tweġiba : Il-mod kif aġixxew it-tlett membri parlamentari tal-PN (JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette)  naħseb li  kien wieħed żbaljat. Setgħu kienu kritiċi b’mod konsistenti tul il-leġislatura fis-sens li ressqu proposti konkreti u bil-vot tagħhom ġielgħu l-Gvern jieħu azzjon speċifika jew oħra.

Li għamlu hekk fil-fehma tiegħi kienu jkunu mhux biss iktar effettivi imma setgħu jagħtu rwol pożittiv lill-backbench fuq in-naħa tal-Gvern. Li l-backbench ikun kapaċi jieqaf lill-Gvern hu minnu innifsu fatt pożittiv imma huwa meħtieġ li l-enerġija tkun ikkanalizzata f’direzzjoni li tħares il-quddiem. Ma dawn it-tlett deputati hemm oħrajn li kienu kritiċi imma sfortunatament ma kien hemm l-ebda attentat li jikkordina l-inizzjattivi diversi tal-backbench nazzjonalista bħal per eżempju in-1922 Committee tal-Konservattivi Ingliżi. Dan in-nuqqas serva biex jirbaħ l-individwaliżmu fuq l-azzjoni favur il-ġid komuni. Ħsibt f’hekk meta smajt il-botta dijabolika ta’ JPO waqt id-dibattitu fuq il-mozzjoni RCC meta qal li kien hemm ta’ l-inqas 10 deputati oħra li xtaqu jagħtu l-appoġġ. F’dak il-mument JPO jidher li irrealizza li kien hemm il-potenzjal ta’ appoġġ li iżda ma ġiex ikkultivat.

Meta allura nqiesu lil dawn it-tlett deputati d-diffikulta hi li kif anke’ diġa ntqal minn bosta oħrajn il-motiv ta’  tnejn minnhom  jidher li kien prinċipalment wieħed negattiv.  Fil-każ tat-tielet wieħed ma tantx kien jidher konvint mill-ispjegazzjoni li huwa ta għal astjensjoni.

Naħseb li l-vot ta’ sfiduċja f’Carm Mifsud Bonnici bħala Ministru tal-Intern ma kienx ġustifikat. Dan deher iktar ċar mill-kummenti li ġew attribwiti lil Franco Debono immedjatament wara l-vot li jfisser biss illi dak il-vot kien riżultat ta’ animosita’ personali.

Lawrence Gonzi għandu tort strateġiku dwar dak li ġara dwar Carm Mifsud Bonnici. Kellu quddiemu żewġ mozzjonjiet: il-mozzjoni ta’ sfiduċja imressqa mill-Opposizzjoni u l-mozzjoni ta’ policy imressqa minn Franco Debono iktar minn xahar qabel. Meta Gonzi għażel u ta’ priorita’ lill-mozzjoni tal-Opposizzjoni fuq dik ta’ Franco Debono kien qed jisfida f’mument delikat ħafna u naħseb li sa ċertu punt ġieb l-sfiduċja b’idejh. Carm m’hux biss huwa vittma tal-attitudni ta’ Franco Debono iżda hu fuq kollox vittma tal-istrateġija żbaljata ta’ Lawrence Gonzi.

Il-mozzjoni dwar RCC kienet logħba ċess mill-Opposizzjoni li waqt li kulħadd kien iffukat fuq x’ser jagħmel Franco Debono fehmet kmieni dak li kien għaddej minn moħħ JPO u tagħtu l-għodda biex iwettqu. Jekk kienx hemm kompliċita’ jew le ma nafx imma hu ċar li kienet mossa maħsuba u kkalkulata bi preċiżjoni. L-argumenti fil-mozzjoni, li kieku huma minnhom, ma jirriflettux fuq l-imġieba ta’ RCC iżda fuq il-Gvern.

Sfortunatament JPO biss semma’ r-raġunijiet reali li immotivaw appoġġ għall-mozzjoni liema raġunijiet kienu primarjament ta’ natura personali u irrelevanti għall-mozzjoni.

Dan iġibni għal punt ieħor:  kemm hu għaqli li l-Gvern jagħmel ħatriet politiċi f’postijiet daqshekk sensittivi mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament? Għidt diversi drabi li RCC ma nqiesux li kien uffiċjal pubbliku. Tiegħu kienet ħatra politika. Baqa’ attiv politikament fil-PN u fl-istess ħin kien inkarigat mir-rappresentanza ta’ Malta fi Brussels. Dawn it-tip ta’ ħatriet, fil-fehma tiegħi, għandhom jiksbu l-approvazzjoni tal-Parlament permezz ta’ public hearing kif jagħmel is-Senat Amerikan dwar l-ambaxxaturi Amerikani.  Il-persuna li tkun ser tinħatar għandha tkun mgħarbla fil-pubbliku. Il-Parlament permezz ta’ wieħed mill-kumitati tiegħu għandu jesprimi opinjoni li jekk ma tkunx favorevoli għandha twassal biex il-ħatra ma ssirx.

Qed ifakkruni f’Bobby Fisher

Il-ħidma tal-membri parlamentari JPO u Franco Debono kemm dik parlamentari kif ukoll dik extra-parlamentari qed issir tixbah iktar lil logħba chess milli ħidma fi ħdan partit li xi darba kien jissejjaħ demokristjan.

Mhux qed nirreferi għal logħba chess kwalunkwe iżda lill-logħba għaċ-Championship tad-Dinja li kienet intlagħbet f’Reykjavik l-Iżlanda bejn l-Amerikan Bobby Fisher u ċ-Champion tad-Dinja taċ-Ċess ta’ dakinnhar Boris Spasky fl-1972!

Iktar mill-logħba innifisha dakinnhar kienu interessanti l-manuvri u t-teatrin ta’ Fisher intenzjonat biex jikkundizzjona psikoloġikament lil Spasky.

L-intervisti u l-kummenti ta’ JPO u RCC f’dawn il-jiem jiena nħares lejhom f’dan is-sens.

M’għandix dubju li saru elf manuvra fil-PN biex jipposizzjona ruħu aħjar waqt il-kampanja elettorali tal-2008. Uħud minn dak li sar u intqal nafuh. Imma għad hemm ħafna iktar li għadu mistur, u probabilment jibqa’.

Li RCC hu strateġista ħadd m’hu ser jiċħdu. Avolja kien hemm drabi li għamel żbalji goffi ukoll. Imma huwa għandu l-vantaġġ li “sempliċiment” jagħti l-pariri. Id-deċiżjonijiet jeħodhom ħaddieħor!

L-uniku diskors “onest” fil-Parlament dwar il-mozzjoni biex ikun ċċensurat RCC sar minn JPO. Dan għandu jkun rikonoxxut. Hu biss ma qagħadx jistaħba wara subgħajh biex jgħid ir-raġunijiet veri għala RCC kellu jwarrab. Il-Labour ipprovda l-mezz, JPO għamel użu minnu. Probabilment li l-Labour kien jaf eżattament x’inhu jagħmel. Kienet mossa kkalkulata bi preċiżjoni u bl-intenzjoni speċifika li taċċellera d-diżintegrazzjoni tal-PN. Mhux għax JPO ser ikollu xi appoġġ intern, għax naħseb li mhux ser ikollu appoġġ l-anqas minn dawk li jaħsbuha bħalu dwar RCC. Jekk dawn humiex 10 jew iktar ma nafx. Imma diffiċli nemmen li kien hemm xi ħadd daqshekk baħnan li wiegħed appoġġ lil JPO b’SMS! Is-suwiċidju politiku ma tantx hawn min jieħu pjaċir jipprattikah!

Din hi l-qagħda illum. Tal-biki. Kellu raġun Lawrence Gonzi jgħid li l-esperjenza fil-Parlament tat-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra kienet waħda tal-biża’. Jiena nżid li ħdejn dak li jidher fuq ix-xefaq, dak li ġara fil-Parlament hu biss taħmil id-dras.

Jiddispjaċini ħafna nara lill-PN jaqa’ f’dan il-livell.

Il-PN hu wara kollox il-partit politiku li jiena u ħafna oħrajn iddedikajna żgħożitna biex nimmilitaw fih. M’għandi l-ebda dispjaċir li għamilt hekk għax fiż-żmien li jiena kont attiv fil-PN dan kien l-unika tarka għad-demokrazija fil-pajjiż. Sfortunatament taħt l-Avukat Lawrence Gonzi illum il-PN sar jirrappreżenta affarijiet oħra. Flok tarka għad-demokrazija sar staffa għall-poter akkost ta’ kollox. Għax kieku ma kienx hekk l-elezzjoni ġenerali ilha li issejħet.

X’ser jiġri iktar ma nafx. Jidher biss li jiem il-PN u jiem Lawrence Gonzi huma magħduda. It-tmiem hu fil-qrib.  U ma jistax ikun hemm tmiem agħar minn dak li jidher fuq ix-xefaq. Kollass intern. Partit mibni fuq prinċipji sodi jiżviluppa f’tarka tal-inkompetenza u l-opportuniżmu. Dan kollu qed iseħħ għax il-PN għażel li jinjora l-egħruq tiegħu.

Il-Partit Laburista ilu li għamel l-istess ħaġa. Il-logħba ċess li l-Labour qed jilagħab b’JPO, Franco u Jesmond hi rebħa tat-tattika fuq il-prinċipji. Għal mument il-Labour qed isikket il-prinċipji u qed jitmexxa minn strateġija politika ibbażata fuq il-gwadann immedjat. Għad jiddispjaċih għax fi ħdanu l-Labour fl-eżerċizzju li għaddej minnu li jaċċetta lil kulħadd tefa’ iż-żerriegħa għal repetizzjoni ta’ dak li qed jiġri illum f’data mhux il-bogħod .

Fid-dawl ta’ dan kollu hu ċar li l-PN ta’ Gonzi ma tistax tafdah. Il-Labour ta’ Muscat ma joffrix alternattivi. Hu partit bla prinċipji li nesa’ l-egħruq tiegħu.

Jibqa’ biss Alternattiva Demokratika li b’wiċċha minn quddiem tgħid lil kulħadd li magħha kulħadd jaf fejn hu qiegħed. Għalina ta’ AD kemm il-PN kif ukoll il-Labour huma żbaljati għax kontinwament qed jirriduċu l-politika f’logħba ċess fejn l-iktar importanti għalihom hu min ikollu l-poter f’idejh.

Il-pajjiż jixraqlu aħjar.

RCC kien uffiċjal politiku

 

Naħseb li r-raġunijiet li ġiebet l-Opposizzjoni biex tiġġustifika l-mozzjoni tagħha kontra RCC kienu ftit inġebbda, u jekk xejn iktar kienu jiġġustifikaw mozzjoni ta’ sfiduċja f’Gonzi innifsu. Għax ngħiduha kif inhi: RCC ma ħa l-ebda deċiżjoni li jinqabeż il-Parlament. Jekk kien hemm din it-tip ta’ deċiżjoni, din ittieħdet mill-Gvern u r-responsabbilta’ għal dan hi ta’ Lawrence Gonzi biss u ta’ ħadd iktar.

Iktar kienu jagħmlu sens ir-raġunijiet li ġieb Jeffrey Pullicino Orlando, li minkejja dak li qal, kien hemm element qawwi ta’ tpattija personali fl-argumentazzjoni tiegħu.  Jeffrey ġieb argumenti li kienu jikkuntrastaw ma dak li qalet l-Opposizzjoni u fi kwalunkwe pajjiż demokratiku kienu jwasslu għal riżenja ferm kmieni ta’ RCC, kif wara kollox jidher li hu stess kien lest li jagħmel hekk kif tressqet il-mozzjoni tal-Partit Laburista.

Kien hemm  min argumenta li m’huwiex korrett li iċ-ċivil (jew aħjar uffiċjali pubbliċi – għax RCC kien uffiċjal pubbliku) jkunu mitluba jagħtu kont ta’ egħmilhom lill-Parlament. It-tweġiba tiegħi hi waħda: min jokkupa ħatra politika għandu jagħti rendikont politiku.

RCC kien uffiċjal pubbliku b’differenza: il-ħatra tiegħu kienet waħda determinata biss minn kriterji politiċi. Aġixxa bħala politiku billi ipparteċipa fil-laqgħat tal-Kabinett. Kien ukoll attiv politikament fl-Eżekuttiv tal-PN. Kien jeżerċita poter politiku – kważi bla limitu. Allura huwa xieraq li kien meħtieġ li jagħti kont politiku.

Fil-Parlament ma’ Franco Debono

 

Illum wara nofsinnhar jiena, Michael Briguglio u Ralph Cassar għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika ħadt sehem f’diskussjoni  dwar l-abbozz ta’ Liġi li Franco Debono stess ippreżenta fil-Parlament dwar il-finanzjament tal-Partiti Politiċi.

Iltqajna mal-Kumitat Magħżul tal-Parlament immexxi minn Franco Debono u magħmul ukoll mill-Onor. Francis Zammit Dimech u l-Onor Jose’ Herrera. Kienu preżenti ukoll rappreżentanti tal-PN u rappreżentanti tal-PL  u xi mistednin oħra.

L-inizzjattiva hi flokha. Id-diskussjoni tal-lum kienet waħda ta’ natura ġenerali kif jixhdu ir-rapporti fil-media li irrappurtaw id-diskussjoni (Times, Malta Today u Di-ve).

Fil-prinċipju irrid ngħid li Alternattiva Demokratika taqbel mal-proposta ta’ Franco. Irrid imma ngħid li hemm numru ta’ dettalji importanti li jeħtieġu diskussjoni fit-tul u possibilment li l-proposti in kwistjoni jkunu ikkunsidrati mill-ġdid.

Ta’ importanza kbira hi ir-rwol propost għall-Kummissjoni Elettorali biex tirreġistra l-Partiti Politiċi kif ukoll biex tkun ir-regulatur finanzjarju tal-Partiti Politiċi.

Id-diffikulta toħroġ mill-fatt li l-Kummissjoni Elettorali hi maħtura esklussivament miż-żewġ partiti politiċi l-kbar (il-PN u l-PL).  Żewġ partiti li kontinwament jużaw il-proċess elettorali biex jeskludu partiti oħra kif jixhdu l-emendi elettorali li saru tul is-snin liema emendi huma marbutin ma’ Parlament b’żewġ partiti politiċi.

F’laqgħat oħra  ser nidħlu iktar fil-fond fuq id-dettalji tal-abbozz bit-tama li nsibu linja komuni fejn dak li naqblu dwaru insbu kliem addattat li jesprimih.

Wara l-laqgħa Alternattiva Demokratika għaddiet lil Franco Debono bħala Chairman ta’ dan il-Kumitat Magħżul tal-Kamra tad-Deputati proposti għal tibdil fil-Kostituzzjoni dwar l-elezzjoni ġenerali. Imma dwar dan ngħidilkom darba oħra.

Flat tire

Wara s-seduta tal-bieraħ tal-Parlament il-Gvern m’għandux iktar slow puncture.

Issa r-rota niżlet.

Jekk fuq flat tire ma timxix wisq, b’rota mniżżla ħsara biss tagħmel.