Trasparenza u kontabilità : pajjiżna jixraqlu aħjar

transparency

L-imġieba korretta tal-persuni fil-ħajja pubblika mhux biss hi essenzjali: hi mera tal-għeruq tal-etika fil-ħajja ta’ kuljum tal-pajjiż.

Dawk li jokkupaw uffiċċju politiku, ta’ kull sena hu mistenni li jippreżentaw dikjarazzjoni dwar dak li jippossjedu. Dan isir mhux biex naqtgħu l-kurżità jew inkella biex ikollna fuq xiex inzekzku. Isir biex ikun jista’ jiġi imkejjel b’dak li jippossjedu, jekk, abbużawx mill-posizzjoni tagħhom. Jekk id-dikjarazzjoni li issir tkun tirrifletti dak li jippossjedu wieħed jista’ jqabbel dikjarazzjoni ta’ sena ma dik ta’ sena oħra u b’dan il-mod ikun jista’ jifforma opinjoni jekk dak li jkunu qed jakkumulaw huwiex ġej mill-ħidma leġittima tagħhom inkella minn x’imkien ieħor.

Huwa għalhekk inkwetanti ħafna meta min jokkupa uffiċċju politiku jagħżel li jinvesti ġidu f’postijiet fejn hemm segretezza sħiħa. Għax min jeħtieġlu li kontinwament jagħti kont ta’ egħmilu ma jistax u m’għandux jaġixxi b’dan il-mod.

Meta l-persuni fil-ħajja pubblika jaħbu ġidhom ikunu qed jagħtu messaġġ żbaljat. Għax ikunu qed jgħidu li jiġu jaqgħu u jqumu mit-trasparenza u l-kontabilità, anke jekk fl-istess ħin ma jieqfux jipprietkaw dwarhom. Għax jekk ġidek ikun moħbi ma tistax tkun kontabbli: ma tistax tagħti kont ta’ egħmilek. Anke jekk kull ma tippossjedi jkun ġie akkwistat bl-iktar mod regolari.

Kif tista’ tagħti kont ta’ egħmilek jekk ġidek taħbieh f’kumpanija sigrieta f’ġurisdizzjoni li ma tagħti sodisfazzjon lil ħadd?

Dan hu l-iżball tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri l-Kasco. Qed jiżbalja ukoll il-Prim Ministru li qiegħed jagħtihom l-appoġġ sħiħ tiegħu dwar il-kumpaniji fil-Panama.

Hu tal-biki li l-Partit Laburista qiegħed jaġixxi qiesu xejn m’hu xejn. Kieku intagħżlet it-triq tal-irġulija u Konrad Mizzi u Keith Schembri irreżenjaw mill-ewwel il-kaz ilu żmien magħluq. Imma billi webbsu rashom qed jagħtu l-messaġġ li għandhom x’jaħbu, anke jekk m’għandhomx. Dan kollu qed ikollu rifless fuq il-kredibilità tal-Gvern, tal-pajjiż u tal-Partit Laburista nnifsu.

Uħud minnkom, bħali, l-ġimgħa l-oħra smajtu lill-Avukat Toni Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri Parlamentari Ewropej. Smajtu bħali l-emfasi fuq il-korruzzjoni f’uħud mill-mistoqsijiet li sarulu. Minħabba l-attitudi tal-Gvern pajjiżna qed jagħti l-messaġġ li l-korruzzjoni hi xi ħaġa aċċettabbli. Għax dak hu li jiġri meta l-Gvern jipprietka t-trasparenza u l-kontabilità imma fl-istess nifs jinkoraġixxi s-segretezza u jagħti appoġġ lill-imġieba ħażina.

Sfortunatament il-Gvern ta’ Joseph Muscat iktar moħħu fid-daqs tas-swimming pool ta’ Beppe Fenech Adami milli fl-imġieba ta’ dawk li qed iħaddmu l-makkinarju tal-istat. Dawn huma l-konsegwenzi ta’ Gvern li hu amorali, jiġifieri Gvern li għalih, xejn m’hu xejn, kollox jgħaddi.

Pajjiżna jixraqlu aħjar. Jixraqlu fuq kollox li l-Gvern ikollu l-prijoritajiet tiegħu f’posthom. Għax it-trasparenza u l-kontabilità jiġu qabel is-swimming pool ta’ Beppe.

Is-swimming pool ta’ Beppe

Beppe Fenech Adami-Gharghur

Il-Ministru Chris Cardona u n-Nutar Ian Castaldi-Paris ilhom ġranet sħaħ jibbumbardjaw lill-pubbliku b’informazzjoni dwar is-swimming pool ta’ Beppe Fenech Adami.

Qed jgħidulna li dan is-swimming pool, hu ħafna ikbar milli suppost. Issa jiena ma nafx jekk dan hux minnu jew le. Imma naf li hemm mod ċar u preċiż kif dan jista’ jkun stabilit, kif wara kollox jiġri ma kull persuna oħra f’Malta.

Kull min jidhirlu li Beppe ma mexiex mal-permessi ta’ żvilupp dwar xogħol li hu għamel fir-residenza tiegħu, kull ma għandu jagħmel hu li jippreżenta rapport lill-MEPA li tibghat l-enforcement officers tagħha biex jinvestigaw. Wara, jekk ikun meħtieġ, dawn jieħdu l-passi neċessarji. Daqshekk sempliċi l-biċċa, għal min hu ta’ rieda tajba.

 

Imma dan kollu ma jnaqqas xejn mill-gravità li nħolqot bil-kumpaniji sigrieti fil-Panama li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri tal-Kasco. Għax il-Partit Laburista qed jgħidilna li ħadd ma jista ‘ jikkritikah għax inkella jqalleb kull m’hawn forsi jsib xi żball, żgħir jew kbir, li tkun għamilt xi darba.

Issa żbalji ser isibu kemm iridu. Żbalji żgħar u żbalji ikbar. Peró għad irrid nara żball oħxon daqs dak tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Kien ikun ħafna aħjar għall-Partit Laburista kieku Konrad u l-Kasco irrizenjaw mill-ewwel.

L-ebda swimming pool m’hu ser isolvilhom il-problema li ħolqu huma stess.

Kull jum li jgħaddi tkompli żżid mal-ħsara kbira li diġa għamlu lill-pajjiż.

 

L-intenzjonijiet tajba ta’ Konrad

timesonline 080316

Konrad Mizzi, l-bieraħ waqt Timestalk għamel pass żgħir il-quddiem: aċċetta li d-deċiżjoni tiegħu (anke jekk fuq parir tal-konsulenti Nexia BT) li jiftaħ kumpanija fil-Panama kienet deċiżjoni ħażina. An error of judgement.

Din id-deċiżjoni ħażina imma, ma tistax tħares lejha b’mod iżolat. Trid inevitabilment taraha f’kuntest iktar wiesgħa li jinkludi taħdidiet dwar negożju mal-iktar Gvern korrott tad-dinja (l-Azerbaijan) minn delegazzjoni tal-Gvern Malti magħmula biss minn politiċi u l-assistenti tagħhom maħtura fuq bażi ta’ fiduċja (position of trust).

Huwa minħabba dan li l-eżistenza tal-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri qanqlu r-reazzjoni li żviluppat f’dawn il-ġimgħatejn.

Konrad isostni li għamel kollox b’intenzjoni tajba. Imma sfortunatament, anke kieku dan kien minnu, l-ammissjoni ta’ deċiżjoni żbaljat (error of judgement) tfisser li Konrad ma għarafx il-konsegwenzi gravi ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni effettwat il-kredibilità tiegħu, għax diffiċli biex temmen dak li qed jgħid. Għandha effett ukoll fuq il-kredibilità tal-Gvern li tiegħu Konrad hu Ministru ewlieni.

Huwa għalhekk li jiena għidt li l-unika triq li kellu Konrad kienet li minn jeddu jirriżenja. Dan ikun pass kemm fl-interess ta’ Konrad innifsu kif ukoll fl-interess tal-Gvern stess.

Huwa fuq passi bħal dan li tinbena t-tmexxija tajba (good governance). Għax jekk il-politiku mhux kapaċi jerfa’ l-konsegwenzi tad-deċizjonijiet tiegħu, ikun inutli li joqgħod jlablab dwar good governance.

Id-dnubiet tal-abbatini

ann fenech

Ħelwa din Ann Fenech tiddeskrivi l-iżbalji tal-PN fil-Gvern qieshom “dnubiet tal-abbatini” ħdejn dak li qed isir illum.

L-istejjer tal-lum huma gravi. Anzi gravi ħafna. Mhux biss dawk dwar il-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad u Keith tal-Kasco. Gravi ħafna ukoll l-istejjer dwar il-biċċa esproprijazzjoni ta’ Triq iz-Zekka l-Belt Valletta u anke l-kaz tal-Cafè Premier.

Huma gravi ħafna minkejja li sa issa għad m’hemmx provi ta’ korruzzjoni.

Mhux bħall-kaz tas-Segretarju Privat ta’ Tonio Fenech li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ammetta akkużi ta’ korruzzjoni u weħel sentenza ta’ tlett snin ħabs sospiza. Dakinnhar kien hemm min ikkummenta li dan l-ex-Segretarju Privat kien refa’ ħafna iktar milli messu. Tonio Fenech dakinnhar kien qal li hu ma kellux x’jaqsam u ma kien jaf xejn.

Imbagħad tiġi Ann Fenech tipprova ddaħħaq bid-dnubiet tal-abbatini.

Xejn m’hu xejn: fir-Republika tal-Banana

The Banana Republic of Malta

 

Għall-Partit Laburista fil-Gvern, jidher li xejn m’hu xejn. Għall-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni, fil-pajjiż hawn rieħa taqsam ta’ korruzzjoni li tinxtamm wara kull kantuniera. Tlett snin ilu l-affarijiet kienu bil-maqlub. Dakinnhar għall-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kollox kien miexi fuq ir-rubini u għall-Partit Laburista fl-Opposizzjoni l-pajjiz kien qabad it-triq tan-niżla.

Il-vizjoni taż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament hi waħda mċajpra. Dak li jagħmlu huma hu kollu tajjeb. Huwa biss dak li tagħmel in-naħa l-oħra li hu ħażin.

Il-Prim Ministru qed jgħidilna li l-Ministru Konrad Mizzi ma għamel xejn ħażin meta akkwista jew irreġistra kumpanija fil-Panama.

Għalfejn ikunu akkwistati jew reġistrati kumpaniji fil-Panama? Jekk tfittxu u taqraw daqsxejn issibu li l-Panama, pajjiż fl-Amerika Ċentrali, huwa ħafna drabi mfittex minn min irid jaħbi l-ġid li jkun akkumula, ikun xi jkun is-sors li minnu dan joriġina. Il-Panama għandha leġislazzjoni finanzjarja żviluppata li tipprovdi fost oħrajn għal eżenzjoni minn kull taxxa lil dawk il-kumpaniji li filwaqt li jkunu reġistrati fil-Panama ma joperawx hemmhekk.

Il-Ministru Konrad Mizzi, u issa żdied miegħu ċ-Ċhief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-istampa spjegaw li l-kumpaniji tagħhom (s’issa) la għandhom assi u l-anqas ma għamlu l-ebda transazzjoni. Mizzi qal li l-kumpanija fil-Panama u t-trust assoċjata magħha li qegħda fi New Zealand huma intenzjonati biex jamministraw il-ġid tal-familja fil-waqt li Keith Schembri qed jgħid li da parti tiegħu kellu bżonn alternattiva għal trust preżentement ibbażat f’Malta li l-bank li bħalissa qed jamministrah qed jikkunsidra li jgħaddieh f’idejn ħaddieħor.

L-opinjoni pubblika kemmxet xuftejha għal dawn l-ispjegazzjonijiet għax dawn bl-ebda mod ma jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ kumpaniji fil-Panama li ngħiduha kif inhi, iktar huma assoċjati mal-ħabi tal-ġid milli għal xi kwalunkwe skop ieħor. Filwaqt li s’issa ħadd għadu ma ġieb l-ebda prova ta’ xi fondi illeċiti assoċjati ma dawn il-kumpaniji fil-Panama kull min għandu rasu fuq għonqu qed jistaqsi għaliex inħolqot din l-assoċjazzjoni perikoluża minn Mizzi u Schembri.

Tweġiba konvinċenti s’issa ma hemmx. Imma hu ovvju għal kulħadd li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

Il-persuna fil-ħajja pubblika ma tiżbaljax biss meta tikser il-liġi, imma ukoll meta jibgħat messaġġi żbaljati. Hu messaġġ żbaljat dak li qed jibgħatu Konrad Mizzi u Keith Schembri meta qed jassoċjaw ruħhom mal-Panama, pajjiż li l-Unjoni Ewropea tqiesu bħala tax haven, u mal-ħasil tal-flus maħmuġin. Pajjiż li d-dinja demokratika tqiesu bħala wieħed fejn jinħbew il-flus li joriġinaw minn attività illeċita.

Hu żball oħxon tal-Prim Ministru li ma jara xejn ħażin f’dak li hu għaddej. Dan hu rifless tal-kumpass etiku tal-Prim Ministru, u sfortunatament ukoll il-kumpass etiku tal-amministrazzjoni li hu qiegħed imexxi.

Fi kwalunkwe pajjiż demokratiku ieħor, pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu, Konrad Mizzi, anke biss bħala riżultat ta’ dak li hu magħruf s’issa, kien ikun xkupat il-barra mill-Kabinett, illum qabel għada. Minflok inħatar bħala Deputat Mexxej tal-Partit fil-Gvern.

Qed insiru pajjiż fejn xejn m’hu xejn, fejn kollox jgħaddi. Fi ftit kliem sirna qiesna Repubblika tal-Banana f’nofs il-Mediterran.

L-imġieba ta’ Konrad u ta’ Keith tal-Kasko

Standards in Public Life Bill

Waqt li għaddejja l-argumenti dwar il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri tal-Kasco fil-Panama tajjeb li nħarsu ftit lejn l-aġenda tal-Parlament.

Fiha hemm item pendenti bl-isem ta’ abbozz ta’ liġi dwar l-Istandards fil-ħajja pubblika. Dan l-abbozz ta’ liġi japplika għall-membri parlamentari [bħal Konrad Mizzi] u għal persuni impjegati in a position of trust [bħal Keith Schembri tal-Kasco].

Il-Gvern ilu kwazi sentejn ikaxkar saqajh dwar din il-liġi għax minkejja li kien hemm qbil unanimu dwarha fis-Select Committee, din baqgħet fuq l-ixkaffa.

Kieku Joseph Muscat serju u verament jemmen dak li qed jgħid, kieku din il-liġi ilha approvata.

Kieku l-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika ġiet approvata diġa inħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li għada it-Tnejn kien jibgħat għal Konrad u Keith Schembri tal-Kasco u jitlobhom spjegazzjoni dettaljata dwar il-kumpanija tagħhom fil-Panama u jiftaħ investigazzjoni immedjatament.

Imma kieku …………. jibqa’ kieku ………….. għax Joseph u l-Partit Laburista fil-Gvern għadhom qed ikaxkru saqajhom.

Il-politika nadifa ma tiġix mix-xejn

Prickly Pear

Jiena u nikteb, fil-media, għaddejja spekulazzjoni dwar Konrad Mizzi u l-Panama. Għax billi l-Panama hi assoċjata mal-evażjoni tat-taxxi, man-nuqqas ta’ trasparenza, mal-kriminalità organizzata (in partikolari mat-traffikar tad-drogi), diversi qed jgħaġġlu jaqgħu fin-nassa u jaslu għal konklużjonijiet mgħaġġla.

Ma nistgħu nagħtu tort lil ħadd jekk din l-aħħar aħbar dwar il-Panama tkompli ssaħħaħ is-suspetti li nħolqu tul dawn l-aħħar snin. Imma lkoll kemm aħna għandna l-obbligu li ma naslux għal konklużjonijiet mgħaġġla.

Ankè Konrad Mizzi għandu l-obbligu li bl-imġieba tiegħu ma jagħtix sinjali żbaljati. Għandu l-obbligu hu ukoll li joqgħod attent biex ma jassoċjax ruħu ma simboli tal-ħmieġ għax meta jagħmel hekk, il-konklużjonijiet huma inevitabbli.

Il-politika nadifa ma taqax bħal bajtra misjura, imma rridu naħdmu għaliha kuljum, billi fost oħrajn ma nagħtux lok għal suspetti bla bżonn.

Il-politiku, bl-imġieba tiegħu u b’dik ta’ dawk ta’ madwaru jwassal messaġġi ċari u l-opinjoni pubblika kapaċi tifhem dawn il-messaġġi u bħala riżultat ta’ dak li tifhem tasal għal konklużjonijiet ta’ malajr, mingħajr il-ħtieġa li tgħarbel il-provi (għax dawn idumu ma jaslu).

Għax il-politika nadifa ma tiġix mix-xejn. Naħdmu għaliha kuljum, ma kull nifs li nieħdu.