Qatt ħsibt ftit dwar kif inhu possibli li r-regolatur tal-ippjanar tal-użu tal-art f’Malta jinsab fl-istat ta’ taħwid li qiegħed? Ħarsu ftit lejn il-proċeduri kriminali li għaddejjin bħalissa dwar il-ħasil tal-flus. Wieħed mill-akkużati hu Matthew Pace li sa ftit ilu kien membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Spettur tal-Pulizija li kien qed jixhed fil-każ iddeskrivieh bħala professjonist tal-ħasil tal-flus: a professional money launderer.
Ftit jiftakru li f’Ġunju 2018 kellna aħbar li l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) kienet immultat lil Matthew Pace is-somma ta’ €38,750 minħabba li ma segwiex il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus meta kien qed jieħu ħsieb l-investimenti tal-klijent tiegħu Keith Schembri. Dan kien fatt magħruf. Mid-dehra l-Gvern kien kuntent bih, għax ma għamel xejn dwaru. Qiesu ma ġara xejn.
Ikun interessanti nkunu nafu jekk il-konsulent legali tal-Awtorità tal-Ippjanar, ċertu Dr Robert Abela, ġibitx l-attenzjoni tal-Awtorità dwar il-ħtieġa li taġixxi dwar dan. Jekk le, forsi l-istess Dr Robert Abela bħala l-konsulent legali ta’ Joseph Muscat ġibidlu l-attenzjoni dwar dan? Ma smajna xejn dwar dan kollu. ilkoll kompromessi. Governanza tajba? U mhux hekk tgħid.
Matthew Pace għamel snin membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Kien biss wara l-każ ċar ta’ kunflitt ta’interess tiegħu fil-każ tal-applikazzjoni ta’żvilupp mill-Grupp dB f’Pembroke li kien sfurzat jirreżenja u dan wara pressjoni pubblika minn ambjentalisti. Ngħid li kien “sfurzat” għax wara li l-Qorti annullat il-permess mogħti lill-Grupp dB fuq il-kunflitt ta’ interess ta’ Matthew Pace hu kien għall-ewwel irrifjuta li jwarrab. Kien ippruvat li huwa ħa sehem fil-laqgħat li wasslu għal deċiżjoni dwar il-permess tad-dB f’Pembroke, u ivvota favur din l-applikazzjoni. Fl-istess ħin kellu interess f’aġenzija tal-propjetà li kienet qed tbiegħ partijiet minn dan l-iżvilupp sa minn qabel mal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, bil-vot tiegħu stess favur, approva din l-applikazzjoni! Dik governanza tajba. Dik imġieba korretta!
Din hi l-Awtorità tal-Ippjanar. Sfortunatament il-membri l-oħra tal-Bord huma ukoll effettwati minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom miegħu. Iridu jgħaddu snin kbar qabel mar-regulatur jirkupra minn dan.
Imma hemm iktar minn hekk.
Ambjentalisti skoprew, kważi b’kumbinazzjoni, li c-Chairman attwali tat-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) li jisma’ appelli dwar każijiet ta’ ippjanar tal-użu tal-art u oħrajn dwar l-ambjent huwa ukoll impjegat tal-Awtorità tal-Ippjanar. Presentement qiegħed b’leave bla ħlas mill-impjieg normali tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjanar bid-dritt li jmur lura għall-impieg normali tiegħu hekk kif tintemm il-ħatra tiegħu bħala Chairperson tat-Tribunal.
Kif jista’ impjegat tal-Awtorità tal-Ippjanar jikkunsidra appelli minn deċiżjonijiet li jieħu min jimpjegah? Dan imma hu dak li jagħmel kuljum ic-Chairman tal-EPRT. L-anqas jekk jipprova ma qatt jista’ jkun imparzjali. Imma meta inġibditlu l-attenzjoni dwar dan ma qabilx li s-sitwazzjoni partikolari tiegħu titfa dell fuq l-imparzjalità tiegħu meta jiddeċiedi dwar kazijiet tal-ippjanar dwar l-użu tal-art. Fl-aħħar ser tkun il-Qorti li jkollha tiddeċiedi u l-ħsara li tkun saret sadanittant ser tkun waħda kbira.
It-taħwid, kif qed taraw, hu kbir. B’dawn in-nuqqasijiet etiċi ħadd m’għandu jiskanta li l-proċess dwar l-użu ta’ l-art tilef kull kredibilità.