Il-Bank ta’ Lazzru : għal min hu mejjet bil-ġuħ

Wara l-aħbar sabiħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat rebaħ il-kawża kontra l-Gvern (u Marco Gaffarena) biex jitħassru l-kuntratti ta’ Triq Zekka l-Belt forsi wasal iż-żmien li jiftaħ il-Bank ta’ Lazzru!

Il-Bank ta’ Lazzru b’mod differenti mill-Bank ta’ Pilatu bla dubju jkun indirizzat għal dawk mejtin bil-ġuħ li jgħixu bil-loqom li jaqgħu minn fuq il-mejda ta’ dawk li jkunu qed jiffangaw.

Il-Bank ta’ Lazzru ma jkunx addattat għal dawk li jieklu b’ħafna ħluq, għax dawk diġa għandhom il-Bank ta’ Pilatu li jieħu ħsiebhom sewwa u jostor il-passi tagħhom.

Wara li l-Prim Ministru rebaħ il-kawża kontra l-Prim Ministru (u Marco Gaffarena) jidher li ma baqax iktar min jieħu ħsieb lil dawk mejtin bil-ġuħ. Għalhekk huwa meħtieġ li jitwaqqaf malajr kemm jista’ jkun il-Bank ta’ Lazzru : għax dawk mejtin bil-ġuħ, ukoll għandhom id-dritt li jieklu.

Id-dnubiet tal-abbatini

ann fenech

Ħelwa din Ann Fenech tiddeskrivi l-iżbalji tal-PN fil-Gvern qieshom “dnubiet tal-abbatini” ħdejn dak li qed isir illum.

L-istejjer tal-lum huma gravi. Anzi gravi ħafna. Mhux biss dawk dwar il-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad u Keith tal-Kasco. Gravi ħafna ukoll l-istejjer dwar il-biċċa esproprijazzjoni ta’ Triq iz-Zekka l-Belt Valletta u anke l-kaz tal-Cafè Premier.

Huma gravi ħafna minkejja li sa issa għad m’hemmx provi ta’ korruzzjoni.

Mhux bħall-kaz tas-Segretarju Privat ta’ Tonio Fenech li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ammetta akkużi ta’ korruzzjoni u weħel sentenza ta’ tlett snin ħabs sospiza. Dakinnhar kien hemm min ikkummenta li dan l-ex-Segretarju Privat kien refa’ ħafna iktar milli messu. Tonio Fenech dakinnhar kien qal li hu ma kellux x’jaqsam u ma kien jaf xejn.

Imbagħad tiġi Ann Fenech tipprova ddaħħaq bid-dnubiet tal-abbatini.