30 minuta għal John Dalli

30 minutes or less

Meta Josè Manoel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropeja, iltaqa’ ma John Dalli nhar  is-16 t’Ottubru 2012 qallu li kien qed jagħtih 30 minuta biex jiddeċiedi – jew jitlaq inkella jtellqu.

Wara li iktar kmieni din il-ġimgħa l-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja (ECJ) semgħet ix-xhieda ta’ John Dalli, ta’ Josè Manoel Barroso u ta’ oħrajn, kif ukoll wara li l-konsulenti legali kemm ta’ Dalli kif ukoll ta’ Barroso qalu tagħhom, l-affarijiet forsi huma ftit iktar ċari.

Lil John Dalli nafu, mill-viċin. Ħdimt miegħu għal xi żmien. Nistqarr li jiena ftit ippreġudikat favur tiegħu. Kont qiegħed nittama li f’dak li nisma’ jew naqra insib x’imkien xi ħaġa li tispjega dak li ilu jingħad b’mod li jkun  ċar li mexa sewwa.

Dak li qiegħed jingħad m’hu ta’ ġid għal ħadd. Jagħmel il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ kulħadd. L-ikbar ħsara li saret s’issa hi lir-reputazzjoni ta’ Malta li jidher illi kull min lablab dwar il-każ ftit li xejn ħa in konsiderazzjoni.

Hemm affarijiet li huma ċari ħafna. Il-każ  hu kumplott mill-industrija tat-tabakk biex tipproteġi lilha inifisha u biex tnaqqas ir-regolamentazzjoni tal-industrija. Il-mira kienet id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-profitti sostanzjali għall-industrija li jirriżultaw b’inqas  regolamentazzjoni.

John Dalli jidher li għandu raġun meta jinsisti li hemm diversi persuni mlaħħqin fil-Kummissjoni li kienu f’kuntatt inkiss inkiss mal-industrija tat-tabakk. Tant li Corporate Europe Observatory nhar it-2 ta’ Lulju 2014 ħabbret li l-Ombudsman tal-EU Emily O’Reilly ser tinvestiga 14-il laqgħa li saru minn persuni ta’ madwar Barroso u li m’humiex dokumentati skond ir-regoli tal-EU. Il-Corporate Europe Observatory hi bbażata fi Brussels. Xogħolha hu  biex tgħasses fuq il-lobby tal-industrija u n-negozju u l-impatt tagħhom fuq il-ħidma tal-istrutturi kollha tal-Unjoni Ewropeja.

Imma minbarra dawn il-laqgħat li Barroso u ta’ madwaru qed jgħidu li ma sarux hemm laqgħat oħra li saru minn John Dalli. John Dalli ikkonferma anke’ fix-xhieda tiegħu quddiem il-Qorti Ewropeja li dawn il-laqgħat saru imma qal li ma ippjanhomx u l-anqas ma kien jaf li dawk li ltaqgħu miegħu kienu mill-industrija tat-tabakk.  Jiġifieri l-inqas li jista’ jingħad hu li tat-tabakk lil Dalli ippruvaw jaħdmuh, u sa ċertu punt irnexxilhom. Imkien ma irriżulta s’issa li Dalli, kif induna x’ġara, informa lill-awtoritajiet kompetenti fi Brussels b’dak li ġara.  L-unika ħaġa li nafu li titfa ftit dawl fuq x’ġara hi x-xhieda ta’ Joanna Darmanin [ara nota 1], li kienet tmexxi s-Segretarjat Privat ta’ Dalli bħala Kummissarju Ewropew fi Brussels. Darmanin nhar it-Tnejn xhedet illi meta staqsiet lil John Dalli jekk hux veru li huwa ltaqa’ ma tat-tabakk, weġibha li jiltaqa’ ma kull min jidhirlu hu. Dan hu statement gravi ħafna, għax waqt li kien Kummissarju John Dalli ma kellux dan id-dritt li jiltaqa’ ma min irid hu. 24 siegħa kuljum kien qed jirrappreżenta lill-Kummissjoni u kellu l-obbligu li jimxi mar-regoli. Dan m’għamlux, anke jekk mhux neċessarjament li hu t-tort tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan kollu hu ċar li John Dalli iltaqa’ ma rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk u ma informa b’dan lil ħadd sakemm inqalgħet l-istorja tas-€60 miljun.

Ir-rapport tal-OLAF fuq il-każ kollu hu mimli toqob. Kif sewwa jgħid Dalli innifsu biex sar ir-rapport Giovanni Kesssler wettaq ħafna irregolaritajiet. Waħda mill-MEPs Ġermaniżi membru tal-Kumitat Parlamentari (EU) tal-kontroll tal-budget iddokumentat dawn l-irregolaritajiet  gravi, lista twila.

Dan iwassal għal żewġ konklużjonijiet bażiċi.  L-ewwel li r-rapport ta’ Govanni Kessler għandu jkun skartat u t-tieni li John Dalli, b’konferma tiegħu stess, iltaqa’ b’mod irregolari ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk. It-tielet konkluzjoni dwar kuntatti irregolari ta’ dawk madwar Barroso mal-industrija tat-tabakk  trid tistenna ftit ieħor sakemm l-Ombudsman tal-EU Emily O’Reilly ittemm l-investigazzjoni tagħha.

Dan ifisser li John Dalli bħala riżultat li tat-tabakk ħadmuh ma kienx iktar postu fil-Kummissjoni Ewropeja.

John Dalli ma kellux bżonn 30 minuta biex jiddeċiedi. Kien ilu li ikkomprometta l-posizzjoni tiegħu mill-mument li induna li tat-tabakk ħadmuh u ma għamilx rapport dwar dan.

Hi ħasra li John Dalli aġixxa b’mod daqshekk baħnan. L-irġulija titlob li meta jsir żball nerfgħu r-responsabbilta’ tiegħu.  Wasal iż-żmien li anke John Dalli jagħmel dan il-pass. Il-ħsara li saret hi kbira wisq.

ippubblikat fuq iNews il-Ħamis 10 ta’ Lulju 2014

 

nota 1:

Malta Today irrappurtat hekk online

18:16: Darmanin says she asked Dalli whether he had really met the tobacco representatives. “He said, I meet with whom I like.”

 

Repubblika tal-Banana fil-Mediterran

800px-Banana_republic_svg

John Rizzo li sa Marzu 2013 kien il-Kummissarju tal-Pulizija jgħidilna fil-Qorti li hu kien iddeċieda li kien hemm biżżejjed provi biex itella’ lil John Dalli l-Qorti dwar il-każ oriġinalment investigat mill-OLAF in konnessjoni mat-taħwid u t-tixħim koness mal-industrija tat-tabakk.

John Rizzo jgħid ukoll li dwar dan kien qabel miegħu l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika.

Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Peter Paul Zammit l-ewwel qalilna li wara li studja sewwa l-każ hu tal-fehma li ma hemmx każ kontra John Dalli. Imbagħad qalilna li l-każ għadu mhux magħluq. Interessanti li s-Sur Peter Paul Zammit ukoll qalilna li l-Avukat Ġenerali jaqbel miegħu!

Tajjeb pero li qatt ma smajna x’qal verament l-Avukat Ġenerali. S’issa nafu biss x’qal ħaddieħor dwaru.

Qiesna qed ngħixu f’Repubblika tal-Banana fil-Mediterran.  L-opinjonijiet legali jiddependu fuq min ikun fil-Gvern. Hemm każ jew  m’hemmx każ?