Estradizzjoni għal Konrad Mizzi?

L-istejjer dwar Konrad Mizzi huma bla limitu: sa mill-ewwel mument li daħal fil-Parliament u l-Kabinett. It-twaqqif tat-trust fi New Zealand u r-registrazzjoni ta’ kumpanija fil-Panama komplew jitfgħu ftit dawl fuq kif jaħdem dan il-bniedem.

Bil-pubblikazzjoni tal-Panama Papers għajnejn ħafna tbexxqu u bdew jistaqsu. Id-dubji għad mhumiex imwieġba anzi inħolqu dubji ġodda bi stejjer ġodda.

Hu fatt li Konrad Mizzi mhux Malta. Ilu nieqes minn Marzu u l-anqas Parlament ma mar. Iċ-ċertifikati mediċi f’dawn iċ-ċirkustanzi ftit li xejn jitwemmnu.

Jason Azzopardi qed jagħmel allegazzjonijiet serji ħafna. Qed jgħid li Mizzi hu maħrub għax jibża’ li jkun investigat mill-kummissarju l-ġdid. Din hi possibiltà realistika u tweġiba, fiċ-ċirkustanzi, ftit hemm min jista’ jagħtiha ħlief Konrad Mizzi nnifsu u possibilment Robert Abela.

Meta Konrad Mizzi tneħħa mill-Kabinett għax ġie mġiegħel jirriżenja kien pass tajjeb. Li ma ntagħżilx bħala Ministru minn Robert Abela meta dan għażel il-Kabinett ġdid tiegħu kien pass ieħor il-quddiem. Issa jonqos pass ieħor: li jwieġeb għal għemilu meta, possibilment, flimkien ma oħrajn jkun imsejjaħ jagħmel hekk.

Sakemm jibqa’ maħrub fir-Renju Unit dan mhux possibli li jsir. Ovvjament jekk il-Kummissarju l-ġdid jirriżultalu li hemm il-provi dejjem hemm il-possibilità ta’ talba ta’ estradizzjoni. Mir-Renju Unit s’intendi għax mill-Montenegro ma naħsibx li jkun possibli!

Xejn m’hu xejn: fir-Republika tal-Banana

The Banana Republic of Malta

 

Għall-Partit Laburista fil-Gvern, jidher li xejn m’hu xejn. Għall-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni, fil-pajjiż hawn rieħa taqsam ta’ korruzzjoni li tinxtamm wara kull kantuniera. Tlett snin ilu l-affarijiet kienu bil-maqlub. Dakinnhar għall-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kollox kien miexi fuq ir-rubini u għall-Partit Laburista fl-Opposizzjoni l-pajjiz kien qabad it-triq tan-niżla.

Il-vizjoni taż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament hi waħda mċajpra. Dak li jagħmlu huma hu kollu tajjeb. Huwa biss dak li tagħmel in-naħa l-oħra li hu ħażin.

Il-Prim Ministru qed jgħidilna li l-Ministru Konrad Mizzi ma għamel xejn ħażin meta akkwista jew irreġistra kumpanija fil-Panama.

Għalfejn ikunu akkwistati jew reġistrati kumpaniji fil-Panama? Jekk tfittxu u taqraw daqsxejn issibu li l-Panama, pajjiż fl-Amerika Ċentrali, huwa ħafna drabi mfittex minn min irid jaħbi l-ġid li jkun akkumula, ikun xi jkun is-sors li minnu dan joriġina. Il-Panama għandha leġislazzjoni finanzjarja żviluppata li tipprovdi fost oħrajn għal eżenzjoni minn kull taxxa lil dawk il-kumpaniji li filwaqt li jkunu reġistrati fil-Panama ma joperawx hemmhekk.

Il-Ministru Konrad Mizzi, u issa żdied miegħu ċ-Ċhief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-istampa spjegaw li l-kumpaniji tagħhom (s’issa) la għandhom assi u l-anqas ma għamlu l-ebda transazzjoni. Mizzi qal li l-kumpanija fil-Panama u t-trust assoċjata magħha li qegħda fi New Zealand huma intenzjonati biex jamministraw il-ġid tal-familja fil-waqt li Keith Schembri qed jgħid li da parti tiegħu kellu bżonn alternattiva għal trust preżentement ibbażat f’Malta li l-bank li bħalissa qed jamministrah qed jikkunsidra li jgħaddieh f’idejn ħaddieħor.

L-opinjoni pubblika kemmxet xuftejha għal dawn l-ispjegazzjonijiet għax dawn bl-ebda mod ma jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ kumpaniji fil-Panama li ngħiduha kif inhi, iktar huma assoċjati mal-ħabi tal-ġid milli għal xi kwalunkwe skop ieħor. Filwaqt li s’issa ħadd għadu ma ġieb l-ebda prova ta’ xi fondi illeċiti assoċjati ma dawn il-kumpaniji fil-Panama kull min għandu rasu fuq għonqu qed jistaqsi għaliex inħolqot din l-assoċjazzjoni perikoluża minn Mizzi u Schembri.

Tweġiba konvinċenti s’issa ma hemmx. Imma hu ovvju għal kulħadd li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

Il-persuna fil-ħajja pubblika ma tiżbaljax biss meta tikser il-liġi, imma ukoll meta jibgħat messaġġi żbaljati. Hu messaġġ żbaljat dak li qed jibgħatu Konrad Mizzi u Keith Schembri meta qed jassoċjaw ruħhom mal-Panama, pajjiż li l-Unjoni Ewropea tqiesu bħala tax haven, u mal-ħasil tal-flus maħmuġin. Pajjiż li d-dinja demokratika tqiesu bħala wieħed fejn jinħbew il-flus li joriġinaw minn attività illeċita.

Hu żball oħxon tal-Prim Ministru li ma jara xejn ħażin f’dak li hu għaddej. Dan hu rifless tal-kumpass etiku tal-Prim Ministru, u sfortunatament ukoll il-kumpass etiku tal-amministrazzjoni li hu qiegħed imexxi.

Fi kwalunkwe pajjiż demokratiku ieħor, pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu, Konrad Mizzi, anke biss bħala riżultat ta’ dak li hu magħruf s’issa, kien ikun xkupat il-barra mill-Kabinett, illum qabel għada. Minflok inħatar bħala Deputat Mexxej tal-Partit fil-Gvern.

Qed insiru pajjiż fejn xejn m’hu xejn, fejn kollox jgħaddi. Fi ftit kliem sirna qiesna Repubblika tal-Banana f’nofs il-Mediterran.

Meta iċċaqċaq il-qasba

Konrad Mizzi 13

Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li waqqaf trust fi New Zealand biex, billi huwa bniedem imħabbat ħafna, permezz tiegħu iqabbad lil terzi biex jamministraw l-investimenti tal-familja.

Huwa tajjeb li jaħseb fit-tul, l-Onorevoli Mizzi.

Il-problema mhix it-trust, iżda dak li ser jitpoġġa fih, kif ukoll minn fejn dan oriġina.

M’għandix dubju li għad irridu nisimgħu ħafna iktar dwar dan. Diġa qed jingħad ħafna fuq il-medja dwar x’seta wassal għal dan il-pass. Għax, ngħiduha kif inhi, mhux soltu li nisimgħu b’dawn l-istejjer, ħlief forsi riċentement meta smajna bi stejjer mill-Bahamas.

Għaliex New Zealand? Ilna nisimgħu stejjer,  uħud minnhom imfesfin fil-widnejn.  Uħud ser ikollhom bżonn mappa biex jifhmu ftit fejn qed isir iċ-ċaqlieq.

Il-qasba qatt ma ċċaqċaq għalxejn.

Nistennew, bħal dejjem.