Dawk il-€25

enemalta.customer care

 

Kif kien mistenni, l-€25 li l-Enemalta ser tagħti lil uħud minn dawk li spiċċaw bla dawl iktar kmieni dan ix-xahar nisslu reazzjonijiet differenti.

Min qiegħed ifur bil-gratutudni u min hu ftit ċiniku dwar dan realment xi jfisser.

Mela l-Enemalta ser tħallas €25 lil madwar 8,000 familja bi spiża stmata li ser tammonta madwar €200,000. Il-familji effettwati huma dawk li damu iktar minn tnax-il siegħa bla elettriku.

Skond Konrad Mizzi, Ministru għall-Enerġija ma jeżistix dritt bil-liġi għal kumpens. Dan hu “ex gratia payment”. Jiġifieri id-deċiżjoni hi waħda ta’ darba li ttieħdet mill-Gvern għax dehrlu li hekk kien xieraq.

Issa apparti x’kienu l-konsiderazzjoni tal-Gvern biex wasal għal din id-deċiżjoni il-punt ta’ relevanza hu wieħed: l-affarijiet għandhom ikun hekk, jew għandu jkun hemm kumpens bi dritt?

Mhux fil-pajjiżi kollha l-istess imma hemm diversi pajjiżi li jeżisti d-dritt għal kumpens jekk l-operatur tas-sistema tal-enerġija għal xi raġuni, hi x’inhi, ma jkunx jista’ jwettaq l-obbligu tiegħu. Dejjem soġġett għal kundizzjonijiet raġjonevoli kif ukoll għal provi fuq il-ħsara li tkun saret. Anke’ s-sempliċi inkonvenjent għal iktar minn (per eżempju) sagħtejn jew tlett siegħat għandu jkun kumpensat, lil kulħadd.

L-inkonvenjent u l-ħsara, wara kollox, jiġu fuq kulħadd.

Advertisements

Malta fid-dlam: Konrad u Zammit Lewis fejnhom?

where is Konrad

Wara li fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta 12 u l-Erbgħa 13 ta’ Awwissu ma kellniex elettriku, uħud għal ħin qasir u oħrajn għal ħin itwal huwa tajjeb li nitkellmu bil-kalma dwar dak li ġara.

L-uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta tkellmu mal-istampa u qalu li s’issa ma jirriżultax li l-ħsara  kienet b’xi mod konsegwenza ta’ xi ħaġa li għamlet il-Korporazzjoni jew l-impjegati tagħha.

Nistennew mela ħalli naraw kif seħħ l-inċident.

Ovvjament l-inċident hu assoċjat ma difett li irriżulta fil-cables deħlin fid-Distribution Centre tal-Marsa.  Il-bieraħ rajt xi ritratti interessanti online dwar dawn il-cables imma illum dawn donnhom għosfru. Ma nistax insibhom. Bħalma l-anqas ma nista’ nsib kummenti interessantissimi dwar dawn ir-ritratti li taw spjegazzjoni li tista’ tagħmel ħafna sens dwar x’seta’ wassal għall-inċident.

Min jaf forsi jerġgħu jitfaċċaw dawn l-imberkin ritratti.

Inċident dejjem jista’ jiġri lil kulħadd. Minnu tipprova titgħallem. Ankè jekk f’xi ħin jirriżulta illi sar xi żball oħxon x’imkien.

X’tgħallimna?

L-iktar lezzjoni ovvja li suppost nitgħallmu darba għal dejjem hi li m’aħniex ippreparati. Mhux biss il-Korporazzjoni Enemalta li damet ħafna ma ipprovdiet l-elettriku mill-ġdid lil kull min kien jeħtieġu għal kważi 24 siegħa teħtieġ titgħallem, imma ukoll l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).

Il-ħtija tal-MIA hi kbira u l-effetti fuq it-turiżmu huma kbar ukoll. Il-bieraħ wara nofsinnhar l-MIA għamlet apoloġija pubblika u wegħdet li ma terġax. Dan mhux biżżejjed. Avolja l-MIA illum il-ġurnata hi f’idejn is-settur privat xorta għandha l-obbligu li tkun ippreparata. MIA li tgħaffeġ tagħmel il-ħsara lit-turiżmu, ħsara li mhiex żgħira u li ma titkejjilx bl-euros. Hi ħsara lir-reputazzjoni. Ir-reputazzjoni tibnija bil-mod imma titlifha f’ħakka t’għajn.

X’ser jagħmel il-Ministru tat-Turiżmu? Ser jinvestiga x’wassal biex l-MIA ma kienitx ippreparata tant li għal xi ħin kellu jagħlaq l-airport?

Nistennew lill-Ministri Konrad Mizzi u lil Edward Zammit Lewis għax bħalissa ma issibhomx b’nemes. Għandhom ħafna x’jispjegaw.

Attrazzjoni turistika: Malta fid-dawl tax-xemgħa

candlelight2

 

Hemm ħtieġa urġenti li nitgħallmu nkunu pożittivi. Ankè minn inċident serju bħall-ħsara li żviluppat fil-Power Station fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta 12 u l-Erbgħa 13 t’Awwissu hemm ħafna x’nitgħallmu.

Malta fi dlam ċappa jew Malta fid-dawl tax-xemgħa?

Flok tisħet id-dlam mhux aħjar tixgħel xemgħa, forsi nkunu nistgħu nirreklamaw lil Malta bħala a candlelight destination. Malta romantika. Inkella, kif tista’ tmur lura fiż-żmien waqt li tkun membru tal-Unjoni Ewropeja?

Speċi ta’ Burkina Faso fil-Mediterran. Tistħajlek qiegħed f’Ouagadougou fil-kwiet, fis-sliem, serħan il-moħħ u fi dlam ċappa.

Problema waħda biss kien hemm. Jidher li bħala pajjiż m’aħniex ippreparati  għal dawn l-inċidenti.

Il-Marsa, Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Is-Siġġiewi u postijiet oħra, dal-għodu l-Erbgħa kien għad ma kienx hemm provista ta’ elettriku. Fis-seklu 21 dan m’huwiex aċċettabbli.

L-anqas ma huwa aċċettabbli li l-unika airport tagħna – dak tal-Gudja –  li għal xi ħin matul il-lejl għalaq, m’għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ li ma jkollux provista diretta tal-elettriku.

L-inċident fil-power station hu serju ħafna. Li l-Korporazzjoni Enemalta iddum ma tirrimedja hu serju ukoll. Imma li l-MIA jkollha tagħlaq l-airport huwa ta’ gravita’ kbira. L-ebda pożittivita’ ma tista’ tirrimedja għal din il-ħsara kbira.

Hemm ħafna mistoqsijijiet li jeħtieġu tweġiba immedjata.

Il-Korporazzjoni Enemalta trid tispjega dwar xi programm ta’ maintenance għandha għall-impjanti kollha li topera. Trid tispjega x’miżuri ħadet u x’miżuri qed tieħu biex tantiċipa l-ħsara, kif ukoll għaliex il-ħsara tal-lejl li għadda ma kienitx antiċipata.

Fil-waqt li naċċetta li l-ħsara tista’ tiżviluppa f’daqqa mingħajr ma jkun possibli li tidentifika din il-ħsara minn kmieni jrid ikun ċar x’għamlet u x’qed tagħmel l-Korporazzjoni Enemalta biex tantiċipa.

Huwa importanti ukoll li l-Korporazzjoni Enemalta tkun kapaċi tirrimedja f’ħin qasir kull ħsara li tista’ tiżviluppa u dan għax din il-ħsara lill-pajjiż tiswielu ħafna. Tiswa’ mhux biss fi flus imma tiswa’ ħafna iktar f’reputazzjoni ħażina li tagħmel ħsara kbira fit-tul lill-pajjiż kollu.

Ma nistgħux inkunu l-Burkina Faso tal-Mediterran.

Hemm bżonn ukoll li l-Airport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) jispjega għaliex kien neċessarju li għal xi ħin jingħalaq l-ajruport  b’diversi ajruplani jinżlu f’ Catania, Trapani jew Palermo.  Għaliex l-MIA ma kelliex aċċess għal provista alternattiva tal-elettriku? Mela veru li f’idejn il-privat l-airport flok mar il-quddiem mal-lura?

L-impatt tal-egħluq tal-ajruport għamel u ser jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ dan il-pajjiż. Inutli li l-Awtorita tat-Turiżmu tonfoq il-miljuni biex tirreklama lill-Malta għax ir-reklam tal-Korporazzjoni Enemalta u l-MIA jinnewtralizzhom kollha.

Fid-dawl (jew fid-dlam) ta’ dan kollu kif tista’ tkun pożittiv?

L-inkompetenza u d-delettantiżmu fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż fil-livelli kollha tiegħu qed teqirdu ftit ftit.

Malta fid-dlam …………kif tista’ ma tkunx pożittiv?

candlelight

Il-bieraħ fl-eqqel tal-istaġun turistiku, l-impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija f’Delimara iddeċieda li jagħmel shutdown. Dlam ċappa ma kullimkien.

S’issa intqal li dan kien ikkawżat minn ħsara f’wieħed mill-units tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara kif ukoll minn splużjoni fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Marsa.

Naħseb li għadu kmieni biex ikun spjegat eżattament x’ikkawża dan kollu, pero hu ċar li dan qed jagħti l-agħar messaġġ possibli  fl-eqqel tal-istaġun turistiku.

Bla dubju ser jingħad li ħadd ma jista’ jagħti garanzija assoluta li ma jkunx hemm inċidenti. Dan hu veru. Pero hu veru ukoll illi pajjiżna għandu jkun ippreparat aħjar u inċidenti bħal dawn għandna nkunu ippreparati aħjar għalihom.

Tista’ tkun pożittiv meta Malta kienet totalment fid-dlam għal numru ta’ siegħat? Tista’ tkun pożittiv meta fl-eqqel tal-istaġun turistiku ajruplani bil-passiġġiera fi triqithom lejn Malta kellhom jinżlu fl-airports oħra fil-viċin?

Dan hu reklam ħażin għal Malta u dwaru ma nafx kif tista’ tkun pożittiv.

Ovvjament il-Ministru għal-Enerġija jrid jerfa’ ir-responsabbilta’ politka għal dak li ġara.  Biex inkunu pożittivi dwar dan ukoll, bla dubju l-Onorevoli Konrad Mizzi ser jispjegalna fis-siegħat li ġejjin kemm qiegħed jaħdem bla waqfien biex inċidenti bħal dawn ma jerġgħux jiġru.

Shame on You li tippretendi li jirreżenja l-Ministru!