Fil-Korp tal-Pulizija …………. jew nejja jew maħruqa

Ray-ZammitMalta Police emblem

 

Dan l-aħħar ġranet il-Kummissarju tal-Pulizija ħareġ ċirkulari, ftit ġranet qabel ma’ l-Imħallef Michael Mallia ikkonkluda inkjesta fuq il-familja tal-Mulej (l-ex Deputat Kummissarju tal-Pulizja Ray Zammit u uliedu, żewġ Spetturi, wieħed ex u l-ieħor għadu fil-Korp).

Il-Kummissarju Michael Cassar f’din iċ-ċirkulari talab lill-pulizija kollha, bla eċċezzjoni, biex jinfurmah dwar l-interessi tagħhom kollha (apparti ishma fil-Borża) u b’mod partikolari dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f’kumpaniji u impiegi part-time.

Il-Pulizija diġa, skond il-liġi, huma pprojibiti milli jkollhom interessi li jikkonfliġġu mad-doveri tagħhom u allura l-Kummissarju Cassar qed jgħid l-ovvju. Imma xi kulltant naħseb li trid tirrepeti l-ovvju għal ħafna drabi biex uħud jirrealizzaw li anke l-Pulizija huma soġġetti għal-liġi. Dan minkejja li uħud, minnhom. bħall-familja tal-Mulej,  jippretendu li huma l-fuq mil-liġi u li ħadd u xejn ma jista’ għalihom.

Il-Korp tal-Pulizija huwa korp dixxiplinat u allura ma nistax nifhem kif hemm min jippretendi li l-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux ikollu l-aħħar kelma dwar x’impiegi part-time jistgħu jaċċettaw membri tal-Korp tal-Pulizja.

Nittama li l-Ispettur tal-Pulizja Sandro Camilleri mill-Union tal-Pulizja ma jippretendix li dawk il-Pulizija li jaħdmu ta’ bouncers fi clubs ġewwa Paceville jibqgħu hemm. La huma u l-anqas suldati li għadhom fis-servizz m’għandhom jitħallew jagħmlu dan ix-xogħol.

Għandu iżda, b’ġustizzja, jingħad li mhux il-Pulizija biss ikunu f’kunflitt ta’ interess f’ċerti impiegi part-time. Hemm diversi uffiċjali oħra fis-settur pubbliku li ma jagħmlulhomx għajb.

Xi ngħidu per eżempju meta jkollok persuna li taħdem id-dwana u fl-off tagħha taħdem part-time ma burdnar?

Hemm bżonn tindifa sewwa, mhux biss fil-Korp tal-Pulizija.

Għall-Ispettur Zammit, xejn m’hu xejn

Inkjesta Zammit

 

L-inkjesta li għadu kif ikkonkluda l-Imħallef Emeritu Michael Mallia fiha x’tomgħod. Mhux daqstant fuq il-karattru ikkulurit sewwa ta’ dawk li jissemmew fiha, imma dwar l-attitudni ta’ numru ta’ fizzjali tal-Korp tal-Pulizija.

Il-familjarità żejda ta’ fizzjali tal-Pulizija ma persuni fil-kummerċ hi inkwetanti ħafna għax jidher li dawn il-fizzjali ma fehmux sewwa sewwa x’inhu r-rwol tagħhom fis-soċjetà. Dan apparti minn kemm kisru jew ma kisrux liġijiet dawn il-persuni fil-kummerċ.

Huwa inkwetanti li żewġ Spetturi ma jaraw xejn ħażin li jkunu soċji f’kumpanija kummerċjali. Huwa agħar meta jippruvaw ifettqu dwar jekk il-kumpanija bdietx taħdem jew le. Imma huwa ħafna agħar minn hekk li għal missierhom li f’dak iż-żmien kien Deputat Kummissarju tal-Pulizija ukoll qiesu ma ġara xejn.

Kif tista’ ma tħokkx rasek li Spettur tal-Pulizija ma jara xejn ħażin li waqt li qed imexxi proċeduri fil-Qorti kontra persuna, fl-istess ħin jieħu sehem fit-twaqqif ta’ kumpanija ma familjari tal-persuna li qed imexxi kontriha?

Hu ċar li għat-tlett fizzjali tal-Pulizja Zammit, xejn m’hu xejn.

Jekk dawn l-attitudnijiet huma mifruxa fil-Korp tal-Pulizija, l-Kummissarju Michael Cassar għandu għadma iebsa ħafna.