Id-diskors li għamel il-bieraħ l-Imħallef Giovanni Bonello intlaqa’ tajjeb minn kulħadd. Id-diskors ta’ Vanni Bonello kien ċelebrazzjoni tad-demokrazija permezz tal-arti u l-apprezzament tan-natura.
Tkellem fit-tul dwar kif permezz tal-arti nistgħu napprezzaw iktar in-natura. Kienet opportunità ukoll biex sellem il-memorja ta’ Maurice Caruana Curran li miet iktar kmieni din il-ġimgħa. L-Imħallef Maurice Caruana Curran kien wieħed mill-pijunieri f’Malta tal-attiviżmu ambjentali bit-twaqqif 50 sena ilu ta’ Din l-Art Ħelwa.
Giovanni Bonello emfasizza l-importanza tar-rwol tas-soċjeta ċivili li bl-użu tal-għodda demokratika tar-referendum abrogattiv qed tieħu lura l-poter li tiddeċiedi mingħand il-politiċi li tul is-snin kienu mhedda u rikattati kontinwament mil-lobby tal-kaċċaturi.
Vanni Bonello kien imdawwar mill-artisti li b’ġenerosita kbira irregalaw il-pitturi tagħhom lill-kampanja kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa . Kien f’waqtu ukoll għalhekk il-kumment ta’ Vanni Bonello illi l-ebda delizzju m’hu mhedded mir-referendum abrogattiv.
Baqa’ ftit ieħor. 4 ġimgħat oħra u nivvutaw. Grazzi lil kulħadd tal-impenn. Għax il-messaġġ qiegħed jasal.