Bejn żbalji kbar u żbalji żgħar

Malta_Police_logo

Ir-rapport tal-Imħallef Emeritus Franco Depasquale Chairman tal-Bord tal-Pulizija sab li meta l-Ispettur Elton Taliana ikkonkluda l-investigazzjoni kriminali naqas għax ma informa lil ħadd b’dak li kien qiegħed jagħmel. Għalhekk skond l-Imħallef Emeritus għandu jkun dixxiplinat. Imma l-istess Imħallef Emeritus ma kellux spazju biex jgħid x’jaħseb fuq l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali li ikkonkludew l-investigazzjoni kriminali billi tellgħu l-Qorti lill-bniedem żbaljat. Għax il-Pulizija ukoll għandhom dritt li jiżbaljaw, jgħidilna s-Sur Imħallef Emeritus. Mur obsor.

Li kieku s-Sur Imħallef Emeritus eżonora lil min żbalja biss, għalkemm kont ikun tal-opinjoni li kien ikun leġġer wisq, probabilment l-anqas biss kont nikkummenta. Imma l-Imħallef Emeritus ma waqafx hawn. Wara li sab skuża biex imewwet żball oħxon huwa dawwar il-kanuni tiegħu fuq min ikkonkluda b’suċċess investigazzjoni kriminali u identifika lil min kien verament responsabbli ta’ holdup li bih kien akkużat inġustament ħaddieħor.

Ir-rapport ta’ l-Imħallef Emeritus Depasquale qrajtu kollu. Xejn milli fih ma jissorprendini. Kull waħda mill-14-il faċċata tiegħu tixhed il-filosofija tal-biża’ mill-poter. Ir-riħa tal-inċens tinxtamm sewwa.

Ilna ġimgħa nisimgħu b’dak li għandu u m’għandux l-Ispettur Taliana u dan b’informazzjoni li b’mod ċar toriġina mill-files kunfidenzjali tal-Korp tal-Pulizija. Dan kollu jwassal għal konklużjoni inevitabbli li Elton Taliana kien fil-mira tal-awtoritajiet tal-Pulizija. L-Imħallef Emeritus m’għandux x’jaqsam ma dan u kif inhu sewwa l-anqas ma ikkummenta fuq din l-informazzjoni ippubblikata għax dan ma kienx parti mill-inkarigu tiegħu. Diġa kien jidher ċar imma, minn kmieni ħafna, li Elton Taliana kien iddestinat biex ikun il-vittma li jmiss. Ma tantx jidher li għandu passat li jista’ jiftaħar bih imma dak ma jiġġustifikax li jkun fil-mira ta’ inġustizzja.

Mela bdejna l-ġimgħa b’persuna waħda li kienet vittma minħabba li l-Pulizija mexxew kontriha fil-Qrati intortament. Sfortunatament spiċċajna l-ġimgħa b’żewġ vittmi.

L-essenzjali tal-każ hu li bl-azzjoni tiegħu l-Ispettur Elton Taliana identifika żball tal-Pulizija sħabu li minħabba fih kien hemm min ġie inmċaħħad mill-liberta’ tiegħu.  Jidher li għal uħud hu inaċċettabli li jkun ippruvat li l-Pulizija jistgħu jiżbaljaw. Għal dan ser iħallas Elton Taliana. Għax Taliana baqa’ jinvestiga meta qalulu  li minħabba li kien ġja ġie imtella’ xi ħaddiehor il-Qorti akkużat bil-holdup kellu jieqaf mill-investigazzjoni. Għamel żball, skond il-Bord tal-Pulizija, għax ma informa lil ħadd b’dak li kien qiegħed jagħmel u b’dak li irriżultalu mill-investigazzjoni wara li eżamina bir-reqqa l-filmati tac-CCTVs fl-inħawi ta’ fejn sar il-holdup.

M’għandix dubju illi kieku l-Ispettur Elton Taliana informa lis-superjuri tiegħu b’dak li irriżultalu kien ikun ħafna aħjar. Ovvjament ħadd ma jaf x’kien jiġri kieku Taliana għamel hekk. Ma nafx jekk kienx jitħalla jibqa’ għaddej bil-proceduri l-Qorti. Billi m’għandi l-ebda dritt li noqgħod nispekula nippreferi li ma nikkummentax iktar dwar dan. Dan hu żball ta’ l-Ispettur Taliana imma żball ferm żgħir ħdejn dak li sar meta ġie akkużat persuna intortament.

Issa bla dubju ser ikun hemm min jgħidli li b’dak li inkixef dwar Taliana il-ġimgħa l-oħra ma tantx jidher li hu bniedem ta’ min jafdah. It-tweġiba tiegħi hi waħda sempliċi ħafna: jekk Taliana żbalja u ma jimmeritahx li jilbes l-uniformi ta’ pulizija ħa jittieħu passi li jirriżultaw neċessarji. Imma fil-każ li fuqu jirrapporta l-Imħallef Emeritus Franco Depasquale ma jidhirx li l-Ispettur Taliana għamel xi ħaġa li timmerita passi dixxiplinari.

Tajba din sur Imħallef Emeritus: l-iżbalji l-kbar [li takkuża b’delitt lil min m’għamlux] tikkumpatihom u tgħid li huma inevitabbli. Imma żbalji żgħar ta’ natura amministrattiva [li ma tinfurmax lis-superjuri tiegħek mill-ewwel] tqishom tant gravi li jimmeritaw passi dixxiplinari. L-iżbalji l-kbar tiġġustifikom imma l-iżbalji ż-żgħar tikkundannhom. Din x’ġustizzja hi?

Lil Taliana ma nafux u ma għandi l-ebda xewqa li nkun nafu. Imma dan ma jżommnix milli nistqarr bla tlaqliq li l-inġustizzja li qed issir tinxtamm min seba’ mili l-bogħod.

Logħba ċess bil-Pulizija

police.chess

X’inhu għaddej fil-Korp tal-Pulizija?

Il-pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali jarrestaw u jakkużaw persuna bi żball. Il-persuna arrestata bi żball tinħeles wara li l-Pulizija tad-Distrett tidentifika lill-kriminali vera u tipproċedi kontrihom fil-Qorti.

Tinfetaħ inkjesta biex jiġi stabilit x’wassal għall-iżball.

Sa hawn, mad-daqqa t’għajn, dawn huma affarijiet li jistgħu jiġru lil kulħadd. Għalkemm huwa dejjem tajjeb li jsir magħruf kif u għaliex kien possibli li jsir żball ta’ din ix-xorta.

Imma issa qed tiżviluppa l-istorja bejn Silvio Scerri Chief of Staff tal-Ministru Mallia u Jason Azzopardi Shadow Minister tal-Intern dwar il-laqgħa li Daryl Luke Borg, il-vittma li ġie arrestat għal xejn mill-Pulizija kellu ma Silvio Scerri.

Hu ċar li Daryl Luke Borg ma marx minn jeddu jitkellem ma Scerri. Silvio Scerri jgħid li ma bagħtx għalih iżda la ħabbatlu l-bieb kellu l-obbligu li jisimgħu. Issa sirna nafu li kien Charles Attard iż-Żambi li issuġġerixxa lil Daryl Luke Borg li jkun aħjar jekk jitkellem ma xi ħadd fil-Ministeru tal-Intern.

Interessanti jekk iż-Żambi aġixxiex minn jeddu jew jekk kienx qed iwassal messaġġ u f’każ li kien qed iwassal messaġġ min qabbdu.

L-istorja diġa hi ikkumplikata. Biex iżżid ma dan waħda mill-gazzetti ppubblikati illum għandha storja dwar Spettur tal-Pulizija. Kumbinazzjoni hu l-istess Spettur tal-Pulizija li skopra l-iżball. Jiġifieri l-istorja fil-gazzetta tal-lum tiftaħ il-kanuni fuq dan l-ispettur tal-pulizja qiesu hemm xi ħadd li jrid jagħmel il-kontijiet miegħu. Ngħid dan għax l-informazzjoni ppubbikat u li hi deskritta bħala kunfidenzjali mhux normali li toħroġ mill-files tal-Korp tal-Pulizija jekk mhux bil-volonta’ ta’ xi ħadd imlaħħaq.

Tidher ċar li din hi logħba ċess. Mossi studjati ta’ min qed jieħu posizzjoni mingħajr ma juri idu.

Jidher li l-Imħallef Franco Depasquale ser ikollu x’jagħmel mhux ħażin biex isib tarf ta’ din il-kobba.