Il-każini tal-banda: liġi għall-allat u oħra għall-annimali

 

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, fil-Gazzetta tal-Gvern, ġie ppubblikat abbozz ta’ liġi li f’parti minnu jitkellem dwar il-każini tal-banda.

Wara li xahar ilu, f’April li għadda, l-Qorti, f’appell deċiż mill-Imħallef Anthony Ellul, iddeċidiet kawża kontra l-każin tal-banda De Paule tar-Raħal Ġdid, il-Gvern permezz tal-Ministru Owen Bonnici kien wiegħed li ser iħares lejn kif jista’ jemenda l-liġi biex iżid il-protezzjoni lill-każini tal-banda. Għalkemm kien tħabbar dakinnhar li l-Opposizzjoni kienet kkonsultata, s’issa mhux magħruf jekk hemmx qbil bejn Gvern u Opposizzjoni dwar l-abbozz ippubblikat.

Il-Qorti kienet iddeċidiet li fil-Każin tal-Banda de Paule kienu saru alterazzjonijiet bla awtorizzazzjoni u għaldaqstant skond ma jipprovdi l-kuntratt tal-kirja ordnat li l-każin jingħata lura lis-sidien u dan għax inkisru l-kundizzjonijiet tal-istess kuntratt.

Bl-emendi proposti ser ikun possibli li dan ma jsirx. L-emendi proposti għal-Kodiċi Ċivili jipproponu li (fil-każ tal-każini tal-banda) l-kirja tista’ tibqa’ fis-seħħ jekk fost oħrajn il-kera tiżdied b’għaxar darbiet kif ukoll li tingħata garanzija li l-binja tkun tista’ tiġi restawrata għall-istat oriġinali qabel ma saru l-alterazzjonijiet mhux awtorizzati.

Bla dubju l-emendi huma motivati mill-ħsieb nobbli li tingħata difiża lill-funzjoni soċjali u importanti tal-każini tal-banda fil-komunitá.

Imma hemm problema kbira. Il-Gvern għal darba oħra qed jagħti l-messaġġ li hemm min hu l-fuq mil-liġi. Jiena u inti jekk niksru l-liġi nħallsu l-konsegwenzi. Imma għat-tieni darba għandna min qiegħed jitqiegħed il-fuq mil-liġi.

Ftit ġimgħat ilu kellna lil tal-kmamar tan-nar li wara tletin sena jiksru l-liġi kellhom sentenza kontra tagħhom u l-Gvern bidel il-liġi li tirregola d-distanzi li jridu jinżammu mill-kmamar tan-nar, biex il-bdiewa u l-komunitá rurali taż-Żebbiegħ baqgħu jsaffru l-Aida.

Issa għandna lill-każini tal-banda.

Ir-rispett lejn is-saltna tad-dritt (r-rule of law jiġifieri) tfisser ukoll r-rispett lejn is-sentenzi tal-Qrati tagħna. Tfisser ukoll li l-Gvern ma jagħtix messaġġ li f’ċerti ċirkustanzi ma jkun hemm l-ebda diffikulta li xi ħadd, hu min hu, jitqiegħed il-fuq mil-liġi.

Lil hinn mill-importanza soċjali tal-każini tal-banda il-liġi proposta hi liġi ħażina għax timmina s-saltna tad-dritt.

Hemm modi oħra kif jistgħu jkunu mgħejjuna l-każini tal-banda mingħajr ma tkun imminata s-saltna tad-dritt.

Imma mid-dehra l-Gvern mhux interessat: għax issa drajna li f’dan il-pajjiż għandna liġi għall-allat u oħra għall-annimali, kif kien ibbottja Varist Bartolo!

Is-skiet tal-PN dwar l-Armier

Armier shanty town

Wara d-deċiżjoni tal-Imħallef Ellul fuq l-abbużi fl-Armier il-PN għadu sieket.

Tajjeb li nfakkru li l-abbużi tollerati minn Gvern immexxi mill-PN m’humiex biss dawk li jitkellem fuqhom l-imħallef Ellul fis-sentenza tiegħu. Hemm ħafna iżjed.

L-ex Ministru Falzon kien spjega f’artiklu miktub minnu fil-Malta Today li hu kien resssaq proposta għat-twaqqiegħ tal-bini illegali fl-Armier iżda l-Kabinett ma appoġġaħx.

Sadanittant il-PN jibqa’ sieket, konxju li hu responsabbli għall-istat attwali tal-irregolaritajiet fl-Armier.

L-inqas li nistennew hi apoloġija. Minflok għandna skiet li jtarrax. Il-politika ġdida ta’ Simon Busuttil.

Fuq dan il-blog, dwar l-istess suġġett,  ara ukoll dawn il-posts :

24 ta’ Ġunju 2008 : Il-boathouses fl-Armier.

21 ta’ Jannar 2012 : Parties in Cahoots with squatters.

17 t’Awwissu 2012 : Armier cowboys should not be rewarded.

23 t’Ottubru 2012 : Pajjiż tal-cowboys : israq u tkun ippremjat.

24 t’Ottubru 2012: Il-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa : meta l-Ministru riedhom jaqgħu

2 ta’ Frar 2013 : Armier illegalities and amnesties.