Iċ-Ċikliżmu f’ Malta

 

 

 

 

F’pajjiż żgħir bħal tagħna ma nistax nifhem għax ma nagħtux iktar importanza liċ-ċikliżmu. Il-parti l-kbira tad-distanżi li rridu nivvjaġġaw huma qosra, numru mhux żgħir minnhom għall-wita.

 

Fil-politika Maltija tat-trasport iċ-ċikliżmu huwa minsi : abbandunat hi l-kelma preċiża.

 

Għaldaqstant ħadt pjaċir meta qrajt li l-Klabb Mosti taċ-Ċikliżmu  ser jorganizza l-ewwel nursery cycling school għat-tfal (subien u bniet) bejn l-10 u l-15-il sena !

 

Il-parteċipanti jiġu mgħallma kif jieħdu ħsieb ir-rota (elementary bike maintenance), il-ħiliet meħtieġa għal biex ittellaq bir-rota, regoli tat-traffiku, ħiliet u etiket għal tlielaq bir-rota fit-toroq u l-ħtiġijiet ta’ saħħa fiżika biex tirnexxi .

 

Prosit tassew .

 

 

Apparti l-karozzi privat, tal-linja u l-kumnikazzzjoni bil-baħar hemm bżonn li r-rota ssib posta ukoll fil-politika Maltija tat-trasport. Hemm ħtieġa kbira li l-Ministri responsabbli għall-Edukazzjoni (u Sport), Trasport, Ambjent  kif ukoll is-Saħħa jpoġġu ftit ras ma ras.

 

Użu tar-rota għal uħud mill-vjaġġi tagħna tgħin lil saħħitna, tnaqqas it-tniġġiż fl-arja u tnaqqas biżibilju karozzi minn ġot-toroq. Apparti li niffrankaw il-flus b’inqas użu ta’ fuel.