Is-Soċjalisti Spanjoli iddeċidew li ma jagħtux l-appoġġ lill-Kummissjoni immexxija minn Jean Claude Juncker għax għalihom hu diġa ċar li Juncker ser imexxi l-quddiem politika ekonomika ta’ awsterita’. Fil-fatt isostnu s-Soċjalisti Spanjoli, li l-mod kif inhuma mqassma r-responabbiltajiet fl-istess Kummissjoni jpoġġi fuq quddiem lil dawk li dejjem taw appoġġ lill-awsterita’: ċjoe l-issikkar taċ-ċinturin. Is-Soċjalisti Spanjoli għandhom 14-il vot.
Hemm kuntrast bejn dak li qed jgħidu s-Soċjalisti Spanjoli u dak li qed tgħid it-tmexxija Soċjalista fil-Parlament Ewropew. Il-mexxej Soċjalista fil-Parlament Ewropew, it-Taljan Gianni Pitella diġà esprima ruħu pubblikament dwar kemm (fil-fehma tiegħu) hi bbilanċjata l-Kummissjoni Juncker. Jiftaħru dwar ir-rwol ċentrali tal-Franċiż Pierre Moscovici imma ma jgħidux li dan ftit jista’ jiċċaqlaq minħabba li ser ikun taħt is-sorveljanza tal-konservattiv Finlandiż Jyrki Katainen Viċi President tal-Kummissjoni u wieħed mill-esponenti ta’ politika ta’ awsterita li għandu l-appoġġ ta’ Angela Merkel.
Il-voti favur il-Kummissjoni ta’ Juncker bdew jitnaqqru. Baqa’ ftit iktar minn xahar sa ma tittieħed deċiżjoni, f’liema żmien jistgħu jiżviluppaw diversi xenarji interessanti.
Sadanittant diversi Kummissarji milll-ġodda qed jiltaqgħu informalment mal-Membri Parlamentari li huma attivi fid-diversi kumitati parlamentari jfittxu li jispjegawlhom il-posizzjoni tagħhom kif ukoll iwegħduhom li ser ikunu aċċessibli kontinwament matul il-ħatra tagħhom.
Bħalissa insomma kulħadd għaddej jipprova jimpressjona. Kemm dan ser jirnexxi jew le narawħ lejn tmiem Ottubru, forsi ftit qabel ukoll.
Ara Euractiv.com tas-16 ta’ Settembru 2014: Spanish socialists to vote against Juncker, Cañete.