L-intolleranza fostna

Matul din il-ġimgħa, għal darba oħra, kellna inċidenti li juru li l-intolleranza fostna, mhux biss għadha ħajja, imma għandha għeruq fondi.

Nhar it-Tnejn Rebecca Buttiġieġ, Segretarju Parlamentari, u Randolph Debattista, Membru Parlamentari, fil-Parlament, tkellmu dwar ittri anonimi li irċevew, u li kienu mimlijin insulti kontra tagħhom. Dan wara li huma esprimew l-opinjonijiet politiċi tagħhom pubblikament fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku li għaddej preżentement dwar l-abort.

Din il-ġimgħa ukoll, id-dentista Miriam Sciberras ilmentat li ġie vvandalizzat il-bieb tal-klinika tagħha f’Ħaż-Żabbar. Id-dentista Sciberras hi persuna pubblika u permezz tal-NGO Life Network Foundation tmexxi l-quddiem argumenti kontra l-abort.

Dawn huma l-aħħar eżempji mingħand is-soċjetà intolleranti li qed ngħixu fiha. Bħalhom hemm eżempji oħra, li niffaċċjaw kuljum, u dan fil-konfront ta’ firxa wiesa’ ta’ persuni, kemm persuni pubbliċi kif ukoll persuni privati. Dwar uħud minn dawn il-każijiet smajna u qrajna tul il-ġimgħat u x-xhur li għaddew. Oħrajn isofru fis-skiet. Xhieda dan ta’ soċjetà li hi marida.

Fuq il-media soċjali, sfortunatament, dan qed jiġri l-ħin kollu.

Mhux kulħadd hu responsabbli biżżejjed biex jifhem li l-libertà li tesprimi ruħek fuq il-media soċjali, u band’oħra ukoll, hemm marbuta magħha l-obbligu li tqis dak li tgħid u li tassigura ruħek li ma tkunx insolenti jew offensiv fi kliemek. Mhux kulħadd, sfortunatament, kapaċi jagħmel argument mingħajr ma jkun insolenti jew offensiv.

Għandna l-obbligu li nirrispettaw lil xulxin dejjem. Ma hemm ħtieġa tal-ebda sforz biex nirrispettaw lil min jaqbel magħna! Id-diffikulta, għal uħud, hi meta huma jkunu ffaċċjati minn opinjoni differenti li ma jaqblux magħha u li tikkuntrasta ħafna ma dak li jemmnu jew jafu huma. Uħud għand jeħtieġ jitgħallmu li l-kritika tista’ issir mingħajr ma tinsulta lil ħadd. L-opinjonijiet li jikkuntrastaw, jekk isiru sewwa, jistgħu jagħtu kontribut għat-tisħiħ tad-dibattitu pubbliku u tal-proċess demokatiku fil-pajjiż.

Hu obbligu li nesprimu ruħna u li nipparteċipaw fid-diskussjoni pubblika. Imma huwa daqstant ieħor obbligu li nesprimu ruħna b’mod li nkunu kemm ċari kif ukoll rispettużi ta’ min ikun qed jisma’, jsegwi  jew jaqra dak li nkunu qed ngħidu.

Ir-retorika esaġerata ta’ uħud flimkien ma’ diskorsi li jappellaw għall-emozzjoni u mhux għar-raġuni għandhom dan l-effett li hu wieħed previdibbli. Jirnexxiehom joħorġu fil-beraħ l-intolleranza, xi drabi moħbija, imma li tul is-snin għamlet ħafna ħsara lit-tessut soċjali u demokratiku tal-pajjiż.

Kien hemm mumenti meta anke jiena laqqattha. Ħafna drabi ninjora l-insulti u nħassar il-kummenti dispreġġjattivi fuq il-media soċjali u niġdem ilsieni. Kummenti li xi drabi jkunu miktuba minn persuni li jridu jikkummentaw u m’għandhomx il-ħila li jagħmlu dan mingħajr ma jesprimu mibgħeda u intolleranza grassa. Kien hemm okkazjoni ukoll, din is-sena, fejn irrappurtajna persuna lill-Pulizija u dan ġie immultat u mwissi severament mill-Maġistrat wara li hu ġie mtella’ l-Qorti, ammetta u skuża ruħu. Bħali għamlu diversi oħrajn. Sfortunatament, imma, l-intolleranza għandha għeruq fondi fostna u dawn l-inċidenti jibqgħu jirrepetu ruħhom sakemm jibqgħu jsibu lil min irewwaħ.

L-intolleranza hi dipendenti fuq l-attitudi li inpinġu kollox bħala abjad jew iswed. Min mhux magħna kontra tagħna, jgħidu. Inkella fuq l-attitudni li aħna biss għandna raġun u li l-bqija kulħadd huwa żbaljat u li jeħtieġ li jara d-dawl u li jikkonverti! L-intolleranza individwali sfortunatament hi rifless ta’ soċjetà intolleranti li ntgħaġnet hekk tul is-snin.

Nifhem li mhux dejjem faċli għax kultant hu iktar popolari li tmaqdar u tkasbar lil min ma jaqbilx miegħek. Jeħtieġ sforz biex nimxu kontra dan il-kurrent qalil li jgħix minn fuq il-preġudizzju u l-misinformazzjoni.

Hu sforz li irridu nagħmlu kuljum. B’hekk biss innaqqsu l-impatti tal-intolleranza fostna. Inutli nilmentaw jekk ma nagħmlux il-parti tagħna.

ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 25 ta’ Dicembru 2022

Il-ħrafa tal-Isqof

Id-dibattitu dwar l-abort, kif mistenni hu wieħed qalil. Hu ħafna emottiv.

Imma minkejja dak kollu li qiegħed jingħad hemm sinjal żgħir ta’ qbil.

Il-parti l-kbira ta’ dawk li jgħidu li ma jaqblux mal-abort, jgħidu ukoll li jagħmlu eċċezzjoni waħda biss: meta l-ħajja tal-mara tqila tkun fil-periklu. Dawn ukoll, minkejja, dak li jgħidu,  qed jaċċettaw l-argument baziku tad-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi. Ċjoé li l-abort għandu jkun aċċettabbbli biss f’ċirkustanzi straordinarji. Dan hu tajjeb. Pass kbir il-quddiem. Jidher li b’hekk hemm qbil ma’ waħda mir-ragunijiet bażiċi għall-abbozz ta’ liġi: f’kaz li l-ħajja tal-mara tqila tkun fil-periklu. Irrispettivament minn dak kollu li qed jgħidu, dan hu abort ukoll. Imma hu aċċettabbli għax hu ġustifikabbli b’raġuni validissima.

Għad jonqos li jkun hemm qbil dwar meta jkun hemm periklu gravi għas-saħħa. 

Sfortunatament, id-dibattitu, kif jiġri ħafna drabi f’dawn iċ-ċirkustanzi, fih sfruttament tan-nuqqas ta’ informazzjoni u element qawwi ta’ misinformazzjoni. Fuq quddiem nett f’dan kollu hemm il-PN u l- Knisja li b’mod retoriku u f’sintonija qed jagħmlu użu mill-arma tal-biża’, bla ebda skruplu, flimkien ma doża qawwija ta’ miżinformazzjoni.

Hemm il-biża’ li l-proposta tal-lum tista’, fil-futur, tiżviluppa f’abort on demand. Din, iżda, mhiex il-proposta li hemm fuq il-mejda. Imma, minkejja dan, bi żlejaltà lejn l-opinjoni pubblika, l-PN u l-Knisja, f’sintonija, għaddejjin b’kampanja ta’ miżinformazzjoni dwar dan. Dak li jfissru l-ħrejjef dwar l-biċċerija! Ħrafa li ġiet imlissna minn wieħed mill-isqfijiet.

Il-proposta tal-Gvern għad tista’ tkun imtejba. Iridu jingħalqu t-toqob għall-abbuż. Dwar dan diġa ktibt u tkellimt. Ikun għaqli li l-ebda professjonist mediku ma jieħu deċiżjoni waħdu. Irid ikun ċar li dak li l-emenda mressqa trid twettaq hu li toffri soluzzjoni u empatija għall-każijiet ġenwini fejn il-ħajja tkun fil-periklu inkella fejn l-istat ta’ saħħa tal-mara tqila jkun tant gravi li dan jista’ jwassal għall-periklu għal ħajjitha.

Mhux kull kaz ta’ saħħa (inkluża s-saħħa mentali) jwassal għall-periklu għall-ħajja, iktar u iktar illum bl-avvanzi fil-mediċina. Imma fejn dan ikun il-kaz, anke jekk ikun kaz rari ħafna, għandu jkun possibli li t-tobba jagixxu bla biża’ imma dejjem b’responsabbiltà. Għalhekk l-abbozz ta’ liġi huwa meħtieġ. Għalhekk il-ħtieġa li naġixxu.

Il-fundamentaliżmu dejjem ixekkel id-diskussjoni matura. Jagħmel il-ħsara. Ħsara kbira. Fil-passat xekkel id-diskussjoni dwar id-divorzju, dwar id-drittijiet LGTBIQ u dwar l-IVF. Dejjem l-istess nies issib fuq quddiem, jostakolaw diskussjoni matura. Nieqfulhom kif sal-lum għamilna dejjem b’suċċess.