L-Imħallef Wenzu Mintoff: kwalifikat jew mhux?

Wenzu Mintoff gurament

 

Il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef nisslet ħafna kritika.

Essenzjalment il-kritika kienet dwar żewġ affarijiet.

L-ewwel tip ta’ kritika kienet dwar il-fatt li Wenzu Mintoff kien attiv għal żmien twil fil-politika. Mhux biss, imma li għal dan l-aħħar kien ukoll attiv fil-ġurnaliżmu fejn uża ħafna l-pinna fi kritika politika.

Jiena naħseb li jiena ħafna iktar komdu ma min hu ċar fil-kritika tiegħu milli ma min ma jgħid xejn, imbagħad meta jiftaħ ħalqu tista’ tinduna li hu ferm agħar.

It-tieni kritika fil-konfront tal-ħatra ta’ Wenzu Mintoff hi dwar jekk għandux l-esperjenza meħtieġa. Hu fatt li biex avukat jinħatar Imħallef irid ikun ilu ta’ l-inqas tnax-il sena jipprattika ta’ avukat.  Il-Kostituzzjoni fl-artiklu 96 tgħid li l-Imħallef li jinħatar irid ikun ilu mhux inqas minn tnax-il sena jeżerċita l-professjoni ta’ avukat.

Hemm opinjonijiet differenti dwar din xi tfisser. Dawk li qed jikkritikaw il-ħatra qed jgħidu li l-professjoni ta’ avukat tiġi eżerċitata fil-Qrati u li għaldaqstant avukat li ma jipprattikax il-Qorti ma jissodisfax dan il-kriterju tal-artiklu 96 tal-Kostituzzjoni. Din kienet ukoll il-linja li ħadet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja meta ma qablitx mal-ħatra tal-Avukat Andre’ Camilleri bħala Imħallef xi snin ilu.

M’hemm xejn x’iżomm lil dawk li qed jikkritikaw il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff u li jidrilhom li m’għandux biżżejjed prattika quddiem il-Qrati mill-jikkontestaw il-validita’ tal-ħatra tegħu. Jiena naħseb li flok id-dikjarazzjonijiet diversi li saru dwar bojkott tal-ewwel seduta jew ta’ avukati li mhux lesti li jindirizzawħ bħala Sur Imħallef jew min mhux lest li jkollu kawża quddiemu jkun ħafna aħjar li min jidhirlu li Wenzu Mintoff mhux kwalifikat jikkontesta l-validita’ tal-ħatra tiegħu.

Dan hu l-uniku mod serju kif isiru l-affarijiet.  Għax jekk  mhux kwalifikat il-ħatra tiegħu hi abbużiva, imma jekk hu kwalifikat hu fl-interess ta’ kulħadd, u l-iktar fl-interess tal-ġustizzja f’pajjiżna, li jkun hemm ftit iktar attenzjoni dwar dak li qed jingħad.

Ikun allura fil-fehma tiegħi għaqli li min jemmen li Wenzu Mintoff  mhux kwalifikat għall-ħatra ta’ Imħallef jikkontesta d-deċiżjoni tal-Gvern li jaħtru u dan billi jiftaħ kawża f’dan is-sens.

Nifhem li trid il-kuraġġ biex tagħmel dan. Kwalita li mhiex komuni ħafna. Imma għas-serjeta’ hi l-unika triq.

L-Imħallef Wenzu Mintoff

w_mintoff

Il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef inevitabilment terġa’ tiftah il-polemika jekk min kien fil-politika għandux ikun ikkunsidrat għal ħatra fil-ġudikatura.

L-argument fil-fehma tiegħi m’għandux ikun l-impenn politiku, passat jew riċenti, imma jekk il-persuna nominat għandiex il-kompetenza biex taqdi d-doveri ta’ ġudikant.

Kellna diversi ġudikanti Maltin li ġew maħtura fuq il-bank tal-ġudikatura anke direttament mid-dinja politika.

Kellna l-każ tat-tieni Prim Ministru ta’ Malta. Francesco Buhagiar fis-sena 1924 kien ħatar lilu innifsu Imħallef u wara irriżenja minn Prim Ministru. Iċ-ċajta fis-snin għoxrin kienet li dan ħares fil-mera u lix-xbieha ta’ quddiemu qalila “minn għada, int Imħallef” ! Buhagiar kien mill-Unione Politica Maltese, wieħed miż-żewġ partiti li eventwalment ingħaqdu w iffurmaw il-Partit Nazzjonalista fl-1927.

Kien hemm ukoll il-każ ta’ Luigi Camilleri, ukoll fis-snin għoxrin. Kien elett fil-Parlament biex jirrappreżenta lil Għawdex f’isem il-Partit Demokratiku Nazzjonalista immexxi min-Nerik Mizzi. Sussegwentement inħatar Maġistrat ta’ eta żgħira, eventwalment Imħallef u fis-snin 50 temm il-karriera tiegħu bħala Prim Imħallef.

Waqt il-gwerra kien hemm il-każ ta’ George Borg mill-Partit Kostituzzjonali ta’ Gerald Strickland li fl-1941 inħatar Prim Imħallef meta l-Ingliżi warrbu lil Sir Arturo Mercieca minn Prim Imħallef.

Fis-snin 50 kien hemm żewġ Ministri tal-Edukazzjoni fil-Gvernijiet immexxija minn George Borg Olivier, Carmelo Schembri u Fortunato Mizzi li t-tnejn inħatru fil-ġudikatura. Schembri fis-snin 80 kien ukoll Prim Imħallef. It-tnejn kienu eletti f’isem il-PN fil-Parlament.

Fis-snin 50 kellna lil Ġuże’ Flores, wieħed mill-ahjar avukati fil-kriminal li qatt ipproduċa dan il-pajjiż.  Flores kien Speaker nominat mill-Partit Laburista fl-1955 meta nħatar Imħallef. Irtira fil-bidu tas-snin 70 bħala Viċi President tal-Qorti Kostituzzjonali.

Iktar riċenti kellna lill-Imħallef Joseph Filletti u lill-Imħallef Lino Agius, irtirati dan l-aħħar li t-tnejn kienu kandidati mal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-1971. Kellna ukoll lill-Imħallef Philip Sciberras li fis-sena 1977 kien Membru Parlamentari elett flok Ġuże’ Abela f’isem il-Partit Laburista, u lil Peppinu Cassar li kien Segretarju Parlamentari għad-Djar f’isem il-PN li nħatar Maġistrat fl-1998, jew lil Lorraine Schembri Orland li ikkontestat l-elezzjoni ġenerali tal-1987 mal-PN u inħatret Imħallef ricentement.

Il-lista hi twila u ma nafx jekk ħallejtx lil xi ħadd barra.

L-argument m’għandux ikun li persuna għax kienet involuta fil-politika tiskwalifika ruħha. Għandna nfittxu jekk il-persuna nominata għall-ġudikatura hiex kapaċi kif ukoll jekk hiex persuna ta’ integrita.

L-istorja għandha tieqaf hemm u dan għal kull ħatra li issir.

Inkun prużuntuż jekk ngħid iktar.

Ippubblikat ukoll fuq iNews : il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2014

X’toffri AD

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija : X’ tista’ toffri l-AD ghal-landscape politiku lokali?

Tweġiba : F’ Malta qabel ma twaqqfet Alternattiva Demokratika kien ilna snin twal ma jkollna it-tielet partit politiku attiv fuq skala nazzjonali. Imma iktar minn hekk meta kien hemm multiplikazzjoni tal-partiti politiċi fis-snin 50 u 60, bl-eċċezzjoni tal-Partit Kostituzzjonali Progressiv (il-partit ta’ Mabel Strickland) dawn  kienu splinter groups:  il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (il-partit ta’ Herbert Ganado) kien splinter group tal-PN u l-Partit tal-Ħaddiema Nsara (il-partit ta’ Toni Pellegrini) kien splinter group tal-Partit Laburista.  Il-ħolqien ta’ AD fl-1989 bdiet bħala refuġju għal Wenzu Mintoff u Toni Abela meta dawn tkeċċew mill-Partit Laburista. Imma minn dak in-nhar żviluppat f’Partit bi ħsieb politiku distint mill-PN u l-PL. L-assoċjazzjoni ta’ AD mal-Ħodor Ewropej (EGP – European Green Party) għin biex AD issaħħaħ din l-identita’ distinta tagħha.

Il-filosofija politika ħadra hi kristallizzata b’mod ġenerali fid-dikjarazzjoni ta’ Canberra tal-Global Greens liema dikjarazzjoni kienet approvata fl-2001 u tiġbor il-ħsieb politiku aħdar f’sitt oqsma u ċjoe:  ir-rispett lejn l-eko-sistema li niffurmaw parti minnha, l-integrazzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ġustizzja ambjentali, demokrazija parteċipattiva, in-non-vjolenza u kultura ta’ paċi bejn il-ġnus, is-sostenibilita w ir-rispett għad-diversita’ .

Il-politika ta’ AD li hi l-implimentazzjoni ta’ dan f’kuntest lokali tikkuntrasta ma dik offruta mill-PN u l-PL. Hi politika li tagħti sens ta’ valur lill-komunita’ u lill-kwalita tal-ħajja bħala oġġettiv primarju tal-politika ambjentali. Politika li żżewweġ flimkien il-politika ambjentali u dik soċjali fi sforz biex hi u tnaqqas il-konsum żejjed tassigura li r-riżorsi limitati jistgħu  jintużaw ukoll mill-fqir li għandu dritt għal għixien diċenti.