Il-Grupp Parlamentari Laburista u l-iskandlu tal-Panama

Joseph Muscat +

Id-dimostrazzjoni tal-Partit Laburista li saret fuq Kastilja nhar il-Ħadd l-1 ta’ Mejju ma kienitx dwar l-iskandlu tal-Panama. Bħal kull attività politika pubblika tingħata t-tifsira li jkun l-aktar jaqbel. Għalhekk naturali, u nifhem li l-Partit Laburista, taħt assedju tul dawn l-aħħar tmien ġimgħat, jinterpreta d-daqs tal-folla fuq Kastilja bħala waħda li tagħtih appoġġ f’dan il-mument diffiċli.

Peró, fir-realtà, x’appoġġ qed tagħti l-folla lill-partit f’dan il-mument kritiku?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu mhuwiex ċert. Ġie ikkwota jgħid li jekk il-każ Panama huwiex magħluq jew le, iridu jkunu in-nies li jiddeċiedu. Ma kienx qed jirreferi biss għal dawk li kellu quddiemu. Muscat hu konxju li kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri l-Kasco għamlu gaffe kbir. Imma Konrad u Keith ħadmu miegħu mill-qrib u hu ovvju li jħossu obbligat mhux ftit lejhom. Għalhekk dam biex iddeċieda u meta iddeċieda iċċaqlaq mill-inqas u effettivament ma ddeċieda xejn.

Ittieħdu żewġ miżuri : Konrad ma baqax direttament responsabbli għall-enerġija imma tħalla membru tal-Kabinett bħala Ministru bla portafoll. Kien ġest simboliku li bih Joseph Muscat qed jirrikonoxxi li sar żball imma mhux qiegħed jaċċetta li l-iżball hu gravi biżżejjed li jimmerita tkeċċija. L-iskuża fjakka li qed iġib Muscat hi li ħadd ma qiegħed jallega llegalità. Li mhux qiegħed jgħid Muscat hu li dwar allegazzjonijiet ta’ illegalità ma hemmx ħtieġa ta’ intervent tiegħu għax jeżistu mekkaniżmi legali li jipprovdu għal dan l-intervent min-naħa tal-awtoritajiet. L-issue reali, a bażi ta’ dak li hu magħruf s’issa pubblikament hi waħda ta’ imġieba u ta’ serjetà fit-tmexxija [good governance].

Konrad irriżenja [jew ġie mitlub jirriżenja] minn Deputy Leader tal-Partit ftit ġimgħat wara li inħatar f’elezzjoni fejn kien jidher li kien il-magħżul u tellaq waħdu.

Il-mistoqsija inevitabbli hi : għalfejn ma rriżenjax minn kollox? Dak li għamel [li għandu kumpanija fil-Panama] għandu jkun tal-mistħija għalih, għall-partit u għall-pajjiż. Dwar l-istess ħaġa irriżenja l-Prim Ministru tal-Iżlanda kif ukoll Ministru Spanjol. Imma Konrad le, għax skond Joseph, fil-waqt li l-affarijiet setgħu saru aħjar, ma sar xejn ħażin.

Din hi l-qalba tal-problema. Li Joseph Muscat hu amorali. L-etika għalih hi irrelevanti. Jgħodd x’inhu legali jew illegali imma mhux x’inhu tajjeb jew ħażin.

Fortunatament bosta membri tal-grupp parlamentari jaħsbuha differenti minn hekk. Hemm min tkellem fil-pubbliku bħalma għamlu Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia. Hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Issemmew l-ismijiet tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech u tal-Ministri Leo Brincat, Edward Scicluna u George Vella. Hemm ukoll id-dikjarazzjoni ċara ta’ Alfred Sant. Naf li hemm oħrajn. Kollha talbu r-riżenja ta’ Konrad Mizzi.

Il-grupp parlamentari laburista m’huwiex kuntent bis-sitwazzjoni. Huwa konxju li s-skiet tal-Partit Laburista quddiem it-taħwid tal-Gvernijiet tas-snin 70 u 80 kienet raġuni ewlenija li kkundannat lill-partit għal 25 sena fl-Opposizzjoni. Illum jirrealizzzaw li hu kmieni wisq, wara biss tlett snin, biex il-partit laburista jsib ruħu f’dan it-taħwid kollu. Il-ftit li għamel Joseph dwar il-kaz (anke jekk kosmetiku) għamlu biex jipprova jissodisfa lill-grupp parlamentari tiegħu. Imma xorta ħadd ma hu sodisfatt. Dan kien jidher anke nhar il-Ħadd mill-body language ta’ Joseph x’ħin kien qed jindirizza l-folla fuq Kastilja.

Iċ-ċavetta qegħda f’idejn il-grupp parlamentari laburista biex dan iwassal lill-partit forsi jiġi f’sensieh. Is-soċjetà ċivili ukoll għandha responsabbiltà kbira li tibqa’ ssemma’ leħinha biex tkompli tagħmel il-kuraġġ lil dawk li fil-Partit Laburista qed jinsistu li Konrad (u Keith) għandhom jirriżenjaw. L-intellettwali tal-pajjiż hemm bżonn ukoll li joħorġu mill-friża u jiftħu ħalqhom flok ma jillimitaw ruħhom għat-tfesfis fil-widnejn.

Għax il-folol preżenti għad-dimostrazzjonijiet m’humiex biżżejjed biex tirbaħ l-elezzjonijiet. Hemm bżonn ferm iktar minn hekk. L-imġieba tajba tal-Gvern hi element essenzjali. U dan il-Gvern, bħal ta’ qablu qiegħed iġib ruħu ħażin.

Advertisements