Dal-għodu, x’ħin sebaħ Manwel Mallia messu kien Kastilja jistenna lil Joseph biex jaghtiħ l-ittra tar-riżenja.
Mhux hekk tgħid!
Wara li x-xufier ta’ Manwel Mallia ħareg ir-revolver u spara fl-ajru u ntlaqtgħet karozza (li probabbilment kienet qed ittir), Manwel Mallia mhux ser jitlaq. L-anqas m’hu ser itellqu Joseph. Għax jekk xejn, Manwel ma għamel xejn.
B’liema dritt nippretendu li x-xufier ta’ Manwel ma jiddefendix ruħu? Bħala security driver bid-dritt li jgorr l-arma x-xufier ta’ Mallia kellu kull dritt jispara u dak l-iSkoċċiż kellu joqgħod attent u ma jolqotx il-karozza tal-Ministru. L-Iskoċċiż kellu jneħħi l-birra minn idu huwa u jsuq.
Responsabbilta’ politika? Din xi tkun? Ma tarax li Manwel Mallia mhux ser jerfa’ responsabbilta’ għal dak li jagħmlu ta’ taħtu!
Baħnan wieħed kien hawn li rreżenja minn Ministru. Dan kien Charles Mangion, li kien irreżenja fis-snin disgħin wara li mexa fuq parir ħażin li kienu tawħ il-Pulizija.
Manwel Mallia mhux baħnan bħal Charles Mangion.