Il-każ dwar żewġ Ġiovanna Debono li dwaru tressqu akkużi fil-Qorti tal-Maġistrati jixraq li jieħu l-kors tiegħu. Il-Pulizija tressaq il-provi tagħha u wara li dawn il-provi jkunu mgħarbla mid-difiża u mill-Qorti tingħata sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati.
Il-każ huwa dwar klijenteliżmu, fejn qed jiġi allegat illi intefqu flus pubbliċi biex isiru xogħolijiet li ma kellhomx isiru. Qed jintqal li min ibbenefika minn dawn ix-xogħolijiet ħallas lura bil-vot tiegħu.
Fil-waqt li rridu nistennew, kif ġja għidt, biex jitressqu l-provi u dan ħalli jkun stabilit jekk dak li qiegħed jintqal hux minnu jew le, jkun xieraq li nżommu quddiem għajnejna illi s-settur pubbliku għandu mekkaniżmi interni ta’ kontroll illi, jekk jaħdmu sewwa jagħmluha diffiċli illi jseħħu każijiet bħal dak li beda kontra r-raġel ta’ Ġiovanna Debono.
Niftakru imma li hemm bosta li l–kontrolli fuq l-infieq u fuq l-amministrazzjoni fis-settur pubbliku jarawhom burokrazija żejda. F’Għawdex stess kien hemm Segretarju Permanenti li kien mitlub illi jirtira qabel iż-żmien minħabba illi ma kienx kompatibbli mal-Ministru ta’ dakinnhar, l-Onorevoli Ġiovanna Debono.
Fuq dan il-blog, f’Marzu li għadda ppubblikajt blogpost bit-titlu: Fil-Ministeru għal Għawdex: is-Segretarju Permanenti Frank Psaila. Dak il-kaz kont iddeskrivejtu bħala inkwetanti minħabba li Psaila kien qed jilmenta illi kellu indħil politiku li minħabba fih ma setax jaqdi kif inhu xieraq id-doveri tiegħu ta’ Kap taċ-Ċivil f’Għawdex.
Fid-dawl li dak li għaddej bħalissa, l-każ ta’ Frank Psaila jassumi sinifikat ikbar.
Min għandu widnejn ħa jisma’.