M’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL (tgħidilna l-Mument)

anton refalo

 

Il-Mument tal-bieraħ qaltilna li dak li kien akkużat bih Toni Debono fir-Renju ta’ Għawdex għadu għaddej.

Fil-fatt, jgħidilna s-super-reporter tal-Mument Joe Mikallef, f’dawn l-aħħar ġimgħat l-Iskwadra ta’ Kontra l-Frodi tal-Pulizija investigat informazzjoni li kienet waslitilha li f’Għawdex kienu saru xogħolijiet fi propjeta privata permezz ta’ ħaddiema u riżorsi tal-Gvern.

Il-Pulizija, jgħidilna s-super-reporter, għandha f’idejha numru ta’ files, li ġabret mill-Ministeru ghal Għawdex, dwar il-każijiet li qed tinvestiga.

Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed ikun ċar li r-renju ta’ Anton Refalo mhux differenti mir-renju ta’ Giovanna Debono. Fi ftit kliem m’hemmx x’tagħżel bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, qed jghidilna Il-Mument.

Xejn ġdid. Fil-fatt ilna nafu li f’ħafna affarijiet m’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL. It-tmexxija tar-renju t’Għawdex hu wieħed mill-eżempji.

L-isparatura fi Triq il-Wied tal-Kappara: lil hinn mill-cover-up

cock fighting

 

L-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2014 fil-għaxija fi Triq il-Wied tal-Kappara l-Gżira issa ilha sbatax-il ġurnata li seħħet. Kull jum li jgħaddi joħorġu ftit iktar dettalji dwar dak li ġara u min għamlu.

L-aħħar biċċa aħbar hi dwar it-telefonati : min tkellem, ma min u meta. S’issa li qed nikteb it-telefonati għadna ma smajnihomx, ħlief waħda ippubblikata dal-għodu. Nafu biss dak li qalulna tan-NET TV dwar dak li suppost fihom. Ħadd s’issa (ħlief forsi Joe Mikallef tan-NET TV) għadu ma jaf jekk dan hux kollox.  Jew jekk hemmx iktar.

Dawn huma kollha dettalji importanti. Imma jibqgħu dettalji. Id-dettalji li qed jiffukaw fuqhom il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista, it-tnejn li huma, ħadu l-posizzjoni politika li l-politiku li qed jokkupa uffiċċju politiku (holder of political office) għandu jerfa’ r-responsabbilita politika tiegħu billi jirreżenja jekk għamel xi ħaġa li m’għandux jagħmel,  inkella jekk naqas milli jagħmel dak li kellu jagħmel. Għalhekk il-PN ilu mill-bidu nett jemfasizza li f’dan il-każ sar cover-up. Għalhekk ukoll il-Partit Laburista fil-Gvern qed jiġġieled kontra dan l-argument u fetah inkjesta biex jiġi stabilit eżattament x’ġara. Bħal dak li qallu li mhux kulħadd jaf ! Kulħadd, jiġifieri, minbarra l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista jidhirlu li l-cover-up hu ovvju. Il-Gvern qed jittama li bit-tidwir tal-legaliżmi tal-inkjesta dak li hu ċar jiġi mċajpar.

Huwa interessanti li la l-Partit Nazzjonalista u l-anqas il-Partit Laburista fil-Gvern ma tkellmu dwar ir-responabbilta’ politika li għandu l-politiku f’ħatra politiku għal dawk ta’ madwaru: dawk ta’ fiduċja (f’position of trust) kif ukoll dawk fid-Dipartimenti/Awtoritajiet li għalihom ikun responsabbli.

Huwa ovvju għalfejn kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista qagħdu lura minn dan. Li ma qagħdux lura kieku ilna 17-il ġurnata b’Ministru tal-Intern ġdid. Li ma qagħdux lura l-Partit Nazzjonalista kien jeħtieġlu jispjega għalfejn ma kellniex riżenji fis-snin li għaddew.

Dan kollu huwa l-konsegwenza diretta ta’ sistema politika dominata minn żewġ partiti. Fejn l-interessi tagħhom jiġu qabel l-interessi tat-tmexxija tajba tal-pajjiż.

 

L-iskandlu tal-Leisure Clothing: meta l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi raqad.

sleeping beauty

 

Norman Vella, fil-blog tiegħu Mill-Venda, kiteb artiklu intitolat : L-iskandlu Leisure Clothing: Fil-GWU kien hemm min ilu jaf (30 t’Ottubru). Skond Norman Vella “xi snin ilu ġurnalist tal-gazzetta L-Orizzont kien beda jinvestiga l-abbuż tal-ħaddiema Ażjatiċi fil-fabbrika tal-Leisure Clothing. Dak iż-żmien fil-Gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista.”

L-emfasi ta’ Norman Vella fl-artiklu tiegħu hi li Tony Zarb tal-GWU jekk irid jista’ jkollu l-informazzjoni kollha mingħand il-ġurnalisti tal-Union Press. Hemm ukoll l-issue taċ-ċensura tal-ġurnalisti tal-Union Press mit-tmexxija tal-GWU.

Norman Vella fl-artiklu dwar l-abbużi fil-Leisure Clothing imkien ma jgħidilna għalfejn raqad il-Gvern tal-Lawrence Gonzi.

Kif inhu possibli li dakinnhar, ħlief il-ġurnalisti tal-GWU (li ġew iċċensurati) ħadd ma nduna b’xejn? Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi : kien rieqed u ma nduna b’xejn jew għalaq għajnejh? Liema minnhom?

Forsi l-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon ikun jista’ jagħtina risposta. Jista’ jintervista lill-Ministri tax-Xogħol kollha li kellna tul is-snin li l-Leisure Clothing ilha topera f’Malta (mis-snin 80). Għaliex ħadd ma induna b’xejn tul dawn is-snin kollha?

F’wieħed mill-artikli ippubblikati fin-Nazzjon, Joe Mikallef qalilna li fl-2007 kien hemm investigazzjoni dwar il-Leisure Clothing liema investigazzjoni ma sabet xejn. Ikun interessanti li jkun eżaminat jekk dik l-investigazzjoni kienitx waħda li saret bis-serjeta’.  Jew forsi l-abbużi żviluppaw wara l-2007?

Issa naraw ftit jekk il-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Joe Mikallef tan-Nazzjon hux ser jgħidilna ftit dwar dan ukoll.