Meta l-kuxjenza ta’ Edwin Vassallo kienet bil-vaganzi

 

Meta smajt uħud mid-diskorsi fil-Parlament dwar l-emendi fil-liġijiet diversi li ser jintroduċu l-ugwaljanza fiż-żwieg ma kontx sorpriż. La b’dak li intqal u l-anqas bil-lingwaġġ magħżul.

Il-linġwaġġ konċiljattiv ta’ Claudette Buttigieg, Carm Mifsud Bonnici u Mario de Marco kien ta’ ġid avolja ma tantx jidher li jista’ jwassal ghal-soluzzjoni għad-differenzi dwar il-lingwaġġ tal-liġi proposta.

Imma imbagħad dak li qalu Herman Schiavone, David Agius u Clyde Puli diffiċli biex tifhmu meta akkumpanjat b’dikjarazzjoni li wara kollox qalu li ser jivvutaw favur.

Bla dubju dak li qal Edwin Vassallo kien l-iktar diskors li jistona. Għax kif tista’ tgħid dak il-kliem wara li tkun ikkontestajt elezzjoni bħala kandidat f’isem partit politiku li ukoll wiegħed l-ugwaljanza fiż-żwieġ?

Imma donnu l-kuxjenza ta’ Vassallo mhux dejjem taħdem! Qabel l-elezzjoni ma nigżitux meta l-Kap tieghu Simon Busuttil kien qed jitkellem dwar żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

Forsi kienet bil-vaganzi!

L-ambaxxaturi : min jitwieled tond ma jsirx kwadru

Foreign Ministry Malta

Fil-Parlament il-bieraħ ġew diskussi l-estimi tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Reġgħu issemmew il-ħatriet politiċi. Carm Mifsud Bonnici kelliemi tal-Opposizzjoni għall-Affarijiet Barranin qal li l-ħatriet politiċi fis-servizz diplomatiku żdiedu b’mod li illum għandna 66% tal-ħatriet diplomatiċi li marru għand persuni li m’humiex tas-servizz. Żieda sostanzjali miċ-ċifra ta’ 42%, kif kienet is-sitwazzjoni fil-leġislatura l-oħra.

Il-ħatriet fis-servizz diplomatiku huma importanti ħafna għax il-persuni hekk maħtura jirrappreżentaw lill-pajjiż. Huma l-ewwel linja ta’ kuntatt ma pajjiżi oħra.

Ambaxxatur tajjeb jiswa mitqlu deheb, kemm għall-pajjiż kif ukoll għall-Gvern.

Kull pajjiż jagħmel ħatriet politiċi fis-servizz diplomatiku. Malti la hi eċċezzjoni u l-anqas ma qiegħed nipproponi li għandha tkun eċċezzjoni. Imma hu neċessarju ukoll li nivvalorizzaw is-servizz diplomatiku, dak jiġifieri li hu magħmul minn career diplomats.

Fil-leġislatura l-oħra l-Parlament iddiskuta u approva mozzjoni dwar wieħed mill-ambaxxaturi Maltin li kellhom ħatra politika. Il-Parlament għamel dan biex jgħarbel il-ħidma ta’ dan l-ambaxxatur u eventwalment iddeċieda li jiċċensurah.

F’pajjiż żgħir bħal tagħna jkun utli kieku l-Parlament jgħarbel il-ħatriet ta’ ambaxxaturi qabel ma jsiru dawn il-ħatriet u mhux wara. Ikun għaqli li jkun assigurat li minbarra l-lealta’ tagħhom lejn il-Gvern, l-ambaxxaturi għandhom ukoll il-kapaċitajiet, il-kompetenza u t-taħriġ neċessarju biex jaqdu d-doveri tagħhom.

M’għandi l-ebda dubju illi kieku l-ħatriet diplomatiċi jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament uħud mill-persuni li inħatru ambaxxaturi riċentement anke l-Gvern kien jaħsibha darbtejn dwar il-ħatra tagħhom. Għax fil-waqt li kif qal il-Ministru George Vella hu neċessarju li wieħed jagħtihom ċans jaħdmu qabel ma jiġġudikom, min hu tond mhux ser isir kwadru, anke jekk taghtih ċans.

Fil-mera

mirror

Qed naqra dak li qalet Ann Fenech dwar l-aħħar elezzjoni ġenerali. Qed naqra ir-rapport tat-Times online il-lejla (l-ħamis fil-għaxija).

Kull wieħed mill-mijiet ta’ punti imniżżla fid-dokument (ir-rapport tat-telfa),  hi rappurtata li qalet Ann Fenech,  intuża mill-votanti bħala skuża jew ġustifikazzjoni biex jevita li jivvota PN jew inkella biex jimxi pass ieħor u jivvota Labour.

Dan hu mod mill-iktar arroganti kif tħares lejn ir-riżultat tal-elezzjoni.

B’mod ġenerali l-argument ta’ Ann Fenech hu li kellna l-aħjar Gvern li qatt kellna u l-votanti injoraw il-ġid li sar lill-pajjiż u kienu egoisti.

Li ma tgħidx Ann Fenech qalu Carm Mifsud Bonnici iktar kmieni fil-Malta Independent, nhar it-Tnejn 3 ta’ Ġunju 2013 f’intervista intitolata The Writing has been on the Wall since 2009 .

Carm Mifsud Bonnici jagħti uħud mir-raġunijiet li Ann Fenech tiskarta. Lawrence Gonzi, jgħidilna Carm fi ftit kliem, ma kienx kapaċi jmexxi. Jgħidilna ukoll li kien hemm membri tal-Kabinett li aġixxew qiesu l-PN kellu maġġoranza ta’ ħames siġġijiet.  Jiġifieri kienu arroganti.

Ir-raġunijiet għat-telfa, jiġifieri, malajr tista’ issibhom. Kull ma għandu jagħmel il-PN hu li jħares ftit fil-mera.

Altru li flimkien kollox possibli.

Fil-Parlament għada t-Tnejn: mera għal Lawrence Gonzi

mirror

Għada t-Tnejn 10 ta’ Diċembru 2012, Lawrence Gonzi, Prim Ministru, b’diskorsu, jġib fi tmiemu l-ewwel fażi tad-diskussjoni dwar il-budget ghall-2013. L-oratorija m’hiex ser tonqos imma s-sustanza wisq nibża’ li ser terġa’ tkun assenti.

Ser iwieġeb dak li qal il-Kap tal-Opposizzjoni, li l-anqas hu ma qal kull ma kien jeħtieġ li jingħad. Lawrence Gonzi ser jipprova jfissrilna kif inhu meħtieġ li l-inċertezza li hawn fil-pajjiż tinqata’ billi jkun approvat il-budget.

Lawrence Gonzi iwaħħal f’kulħadd talli l-inċertezza mhux biss nibtet imma firxet l-għeruq tagħha fil-fond. Jaħseb li hu biss m’għandu l-ebda ħtija. Kulħadd għandu l-obbligu li jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, jgħid. Imma dawk ta’ madwaru huma esklużi.

Din kienet leġislatura ħażina sa minn l-ewwel jum: għandha fuqha s-saħta tal-Mistra. Saħta li titfa d-dell fuq iż-żewġ naħat tal-Parlament.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Lawrence Gonzi għax fl-iskandlu tal-Mistra ipprova jgħatti l-iżbalji u ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO kien żbaljat. Ipprova jpinġieh bħala vittma meta l-vittma vera kienet il-komunita’. Konmunita’ li suppost kellha istituzzjoni maħluqa apposta biex tiddefendiha – il-MEPA. Minflok  iżda din il-MEPA kienet kompliċi u għażlet li tiddefendi l-istupru tal-pajjiż.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Joseph Muscat ukoll.  Il-predeċessur tiegħu Alfred Sant kien iddeskriva lil JPO bħala morally and politically corrupt.  Imma Muscat ma ħass l-ebda skruplu biex jinqeda bih.

Hekk ġara fil-każ tal-barriera li Gonzi u RCC riedu li titħaffer quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Hekk ġara ukoll fuq il-mozzjoni biex il-Parlament iddikjara li m’għandux fiduċja f’RCC.

Id-dnub ma jorqodx u jidher li qed joqrob żmien il-kontijiet.

Il-konfront ta’ Gonzi ma Franco Debono hu żejjed għal partit li diġa qiegħed jegħreq. Kien hemm mument partikolari iżda li kien hemm possibilita’ li l-affarijiet ma jikkumplikawx ruħhom. Kienu ippreżentati quddiem il-Parlament żewġ mozzjonijiet.

L-ewwel mozzjoni kienet ippreżentata minn Franco Debono innifsu u kienet kritika tal-politika tal-Gvern ta’ Gonzi dwar il-Ġustizzja u l-Intern. Kritika qawwija u kienet tieqaf hemm.

It-tieni mozzjoni kienet ippreżentata minn Jose’ Herrera u Michael Falzon: barra li kienet tikkritika l-politika tal-Gvern dwar il-Ġustizzja u l-Intern kienet tipproponi ukoll vot ta’ ċensura fil-Ministru Carm Mifsud Bonnici.

Gonzi għażel li jpoġġi fuq l-agenda tal-Parlament il-mozzjoni tal-Opposizzjoni u ħalla fuq l-ixkaffa l-mozzjoni ta’ Franco Debono. Jiġifieri għamel għażla favur mozzjoni b’konsegwenzi negattivi u warrab mozzjoni li kienet tikkritikah u tieqaf hemm.

Nafu fejn wasslet din l-għażla. B’għażla ta’ Gonzi l-Parlament spiċċa sfiduċja lil Mifusd Bonnici. Deċiżjoni li Gonzi seta’ jevita imma ma riedx. Għaliex għamel hekk hu jaf.

Meta Gonzi jħares fil-mera ma jara l-ebda sinifikat fil-każ ta’ korruzzjoni ta’ Noel Borg Hedley (ex-Segretarju Privat tal-Ministru Tonio Fenech) li fil-Qorti ammetta akkużi ta’ korruzzjoni mill-iżviluppaturi JPM Brothers.

Il-fjask tal-Arriva bir-responsabbilta’ politika dwaru li kellu jinġarr minn Austin Gatt l-anqas ma kellu sinifikat għal Gonzi meta jħares fil-mera.

Issa  ħarġet oħra. Fir-rapport tal-Awditur Nazzjonali l-inkompetenza fl-amministrazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-Gvern Wasteserve hi imfissra fid-dettall. L-iktar li jispikka hu dak il-kuntratt ta’ miljun euro li spiċċa jissarraf f’kuntratt ta’ disgħa u għoxrin miljun euro. Qiesu ma ġara xejn. Is-sejħa biex George Pullicino jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jwarrab ma tfisser xejn.

Quddiem dan kollu it-talba ta’ Gonzi biex il-budget ikun approvat tistona. Għax il-vot fuq il-budget mhux biss vot favur budget rigressiv imma hu ukoll vot favur Gvern li hu moralment zopp. Gvern li jrid lil kulħadd jimxi sewwa imma hu mhux kapaċi jagħti l-eżempju. Għax repetutament irrifjuta li jerfa’ r-responsabbilta politika ta’ għemilu.

X’ser jiġri għada jiena ma nafx. Naf iżda ħaga waħda: li l-Gvern wasal sa hawn għax Lawrence Gonzi ma kienx kapaċi japplika għalih il-kejl li bih hu jkejjel lil ħaddieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ġustament qed jitlob li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jirreżenja. Jekk il-PN japplika l-istess kejl għall-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi m’għandix dubju li jinbidlu l-Ministri kollha, Gonzi innifsu inkluż!

Gonzi plays chess

Lawrence Gonzi plays chess with his Cabinet colleagues. He considers them as pawns to be used when and should the need arise.

Consider Labour’s motion of no confidence in then Interior Minister Carmelo Mifsud Bonnici. Government had an alternative motion presented by PN maverick backbencher Franco Debono. Labour’s motion criticised government on policy and performance and  concluded by censoring the Minister. Debono’s motion was heavily critical of government policy and performance but did not spell out anything specific on the Minister.

If Lawrence Gonzi was after calming the waters he would have selected Debono’s motion to be discussed first in Parliament. Instead he specifically opted for Labour’s motion. He sacrificied his Minister unnecessarily presumably to gain some sympathy from supporters!

Tonio Borg is also being used by Lawrence Gonzi. Tonio Borg was nominated as EU Commissioner designate in order to vacate his post as Deputy Leader of the PN. As amply pointed out in most of the press his choice is the worst possible. His actions and utterances on civil rights and immigration are not only anachronistic, they are unacceptable in a modern democratic society. He has a lot to explain.

And to crown it all there is now the Kazakh inquiry.

Gonzi plays chess with his Ministers. They are his pawns. He uses them as part of his political gambits.

Il-backbenchers tal-PN u l-botta dijabolika ta’ JPO

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija :  Kif tanalizza dak li seħħ fil-Parlament f’ dawn l-aħħar seba’ xhur?

Tweġiba : Il-mod kif aġixxew it-tlett membri parlamentari tal-PN (JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette)  naħseb li  kien wieħed żbaljat. Setgħu kienu kritiċi b’mod konsistenti tul il-leġislatura fis-sens li ressqu proposti konkreti u bil-vot tagħhom ġielgħu l-Gvern jieħu azzjon speċifika jew oħra.

Li għamlu hekk fil-fehma tiegħi kienu jkunu mhux biss iktar effettivi imma setgħu jagħtu rwol pożittiv lill-backbench fuq in-naħa tal-Gvern. Li l-backbench ikun kapaċi jieqaf lill-Gvern hu minnu innifsu fatt pożittiv imma huwa meħtieġ li l-enerġija tkun ikkanalizzata f’direzzjoni li tħares il-quddiem. Ma dawn it-tlett deputati hemm oħrajn li kienu kritiċi imma sfortunatament ma kien hemm l-ebda attentat li jikkordina l-inizzjattivi diversi tal-backbench nazzjonalista bħal per eżempju in-1922 Committee tal-Konservattivi Ingliżi. Dan in-nuqqas serva biex jirbaħ l-individwaliżmu fuq l-azzjoni favur il-ġid komuni. Ħsibt f’hekk meta smajt il-botta dijabolika ta’ JPO waqt id-dibattitu fuq il-mozzjoni RCC meta qal li kien hemm ta’ l-inqas 10 deputati oħra li xtaqu jagħtu l-appoġġ. F’dak il-mument JPO jidher li irrealizza li kien hemm il-potenzjal ta’ appoġġ li iżda ma ġiex ikkultivat.

Meta allura nqiesu lil dawn it-tlett deputati d-diffikulta hi li kif anke’ diġa ntqal minn bosta oħrajn il-motiv ta’  tnejn minnhom  jidher li kien prinċipalment wieħed negattiv.  Fil-każ tat-tielet wieħed ma tantx kien jidher konvint mill-ispjegazzjoni li huwa ta għal astjensjoni.

Naħseb li l-vot ta’ sfiduċja f’Carm Mifsud Bonnici bħala Ministru tal-Intern ma kienx ġustifikat. Dan deher iktar ċar mill-kummenti li ġew attribwiti lil Franco Debono immedjatament wara l-vot li jfisser biss illi dak il-vot kien riżultat ta’ animosita’ personali.

Lawrence Gonzi għandu tort strateġiku dwar dak li ġara dwar Carm Mifsud Bonnici. Kellu quddiemu żewġ mozzjonjiet: il-mozzjoni ta’ sfiduċja imressqa mill-Opposizzjoni u l-mozzjoni ta’ policy imressqa minn Franco Debono iktar minn xahar qabel. Meta Gonzi għażel u ta’ priorita’ lill-mozzjoni tal-Opposizzjoni fuq dik ta’ Franco Debono kien qed jisfida f’mument delikat ħafna u naħseb li sa ċertu punt ġieb l-sfiduċja b’idejh. Carm m’hux biss huwa vittma tal-attitudni ta’ Franco Debono iżda hu fuq kollox vittma tal-istrateġija żbaljata ta’ Lawrence Gonzi.

Il-mozzjoni dwar RCC kienet logħba ċess mill-Opposizzjoni li waqt li kulħadd kien iffukat fuq x’ser jagħmel Franco Debono fehmet kmieni dak li kien għaddej minn moħħ JPO u tagħtu l-għodda biex iwettqu. Jekk kienx hemm kompliċita’ jew le ma nafx imma hu ċar li kienet mossa maħsuba u kkalkulata bi preċiżjoni. L-argumenti fil-mozzjoni, li kieku huma minnhom, ma jirriflettux fuq l-imġieba ta’ RCC iżda fuq il-Gvern.

Sfortunatament JPO biss semma’ r-raġunijiet reali li immotivaw appoġġ għall-mozzjoni liema raġunijiet kienu primarjament ta’ natura personali u irrelevanti għall-mozzjoni.

Dan iġibni għal punt ieħor:  kemm hu għaqli li l-Gvern jagħmel ħatriet politiċi f’postijiet daqshekk sensittivi mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament? Għidt diversi drabi li RCC ma nqiesux li kien uffiċjal pubbliku. Tiegħu kienet ħatra politika. Baqa’ attiv politikament fil-PN u fl-istess ħin kien inkarigat mir-rappresentanza ta’ Malta fi Brussels. Dawn it-tip ta’ ħatriet, fil-fehma tiegħi, għandhom jiksbu l-approvazzjoni tal-Parlament permezz ta’ public hearing kif jagħmel is-Senat Amerikan dwar l-ambaxxaturi Amerikani.  Il-persuna li tkun ser tinħatar għandha tkun mgħarbla fil-pubbliku. Il-Parlament permezz ta’ wieħed mill-kumitati tiegħu għandu jesprimi opinjoni li jekk ma tkunx favorevoli għandha twassal biex il-ħatra ma ssirx.

Għażla bl-addoċċ

Wara li l-mozzjoni ta’ fiduċja ġiet approvata mill-Parlament il-Prim Ministru qalilna li l-kapitlu hu issa magħluq.

Ma naħsibx.

Kif kelli l-opportunita’ li ngħid iktar kmieni fil-kitba tiegħi fuq dan il-blog taħt it-titlu Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni  li qed jiġri hu li l-Opposizzjoni identifikat punt debboli tal-Gvern u qed tiffoka fuqu.

Ma hemm xejn li jindika li Franco Debono m’għadux il-punt debboli tal-Gvern.

Li Franco Debono kapaċi jikkritika huwa posittiv. Imma dak li ġie identifikat bħala l-motivazzjoni tiegħu għal din il-kritika huwa inkwetanti. Matul tmiem il-ġimgħa diversi gazzetti u blogs irreferew għal kummenti li intqalu minn Debono fil-konfront ta’ Carm Mifsud Bonnici li jekk minnhom jixħtu dawl fuq kif jaħdem moħħ dan il-Membru tal-Parlament.

Is-Sunday Times nhar il-Ħadd irrappurtat hekk :

The former Home Affairs Minister said that last Wednesday, after the vote, Dr Debono walked up to him and said: “Take that! This is what you get for badmouthing me with the Chief Justice.”

 

Jekk dan hu l-mod kif jaħdem moħħ id-Deputat Nazzjonalista wisq nibża’ li l-kapitlu għadu miftuħ beraħ. Anzi għadna fl-istess faċċata. Għax dan ifisser li l-Onorevoli Membru ma jaħsibiex darbtejn li fil-konfront ta’ min jaħseb li naqsu jidħol bir-ras u jfajjar b’dak li jkollu f’idejh.

Huwa ovvju li l-Prim Ministru jrid jikkalma l-affarijiet, counting his loses kif jgħidu, bit-tama li jkun jista’ jutilizza kemm jista’ milli baqa’ minn din il-leġislatura.

Imma meta tara u tisma’ x’ġara l-mistoqsija inevitabbli hi : l-partiti politiċi xi kwalitajiet ifittxu fil-persuni li jagħżlu biex jikkontestaw għall-elezzjoni ġenerali f’isimhom? Jiena (u naħseb li bosta oħra jaħsbu bħali) tal-fehma li uħud mill-kandidati jidhru li ntagħżlu bl-addoċċ.

Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni

Dak li għaddej fil-Parlament bħalissa hu serju ħafna.

L-ewwelnett hu serju fih innifsu li l-Parlament jiddiskuti mozzjoni ta’ ċensura f’Ministru. Hemm bżonn li jkun hemm iktar okkazjonijiet fejn Membri tal-Parlament li jkollhom il-fehma li Ministru jew ieħor naqas iġibu l-materja għad-diskussjoni.

Imma dak li qed jiġri issa fil-Parlament m’huwiex biex jiġi diskuss l-operat ta’ Ministru li naqas jew ta’  Ministeru li ma ħadimx.  L-affarijiet illum fil-Ministeru tal-Intern m’humiex wisq differenti milli kienu meta kien Ministru tal-Intern Tonio Borg matul il-perjodu 1998-2008. Pjuttost huma ftit aħjar.  Imma matul dawk l-għaxar snin l-Opposizzjoni Laburista ma ressqet l-ebda mozzjoni ta’ ċensura fil-Ministru tal-Intern.

Fil-qasam tal-ambjent hemm disastru. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Mario de Marco.

Fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd kif ukoll fil-qasam tar-Riżorsi l-affarijiet m’humiex sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura  ma tressqet kontra Ġorġ Pullicino.

Fl-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma l-affarijiet huma ferm il-bogħod milli jkunu sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni  ta’ ċensura ma tressqet kontra Tonio Fenech.

L-Opposizzjoni ressqet ukoll mozzjoni ta’ ċensura kontra Richard Cachia Caruana.

Dwar Richard Cachia Caruana u Carm Mifsud Bonnici tkellem b’mod kritiku Franco Debono. Għamel dan għar-raġunijiet tiegħu li spjega fil-pubbliku. Bħalissa l-Opposizzjoni taf kif jaħsibha Franco Debono fuq dawn it-tnejn min-nies u qed tipprova tisfrutta l-opportunita li għandha quddiema. L-ambjent, l-agrikultura, is-sajd, ir-rizorsi, l-enerġija u l-ilma għandhom importanza inqas għal Franco Debono f’dan il-mument meta tqabbilhom mal-Ministeru għall-Intern jew ma  Richard Cachia Caruana.

Li qegħda tagħmel l-Opposizzjoni hi ħaġa sempliċi ħafna: sabet punt dgħajjef tal-Partit fil-Gvern u qed tattakkah fejn iweġġa’. Hi għażla politika tal-Opposizzjoni li ssib fejn il-Gvern hu l-iktar debboli u tiftaħ attakk feroċi . Ilha għaddejja b’din l-istrateġija minn Novembru meta tressqet il-mozzjoni dwar Austin Gatt li dwarha, Franco Debono wara li għamel ħafna dikjarazzjonijiet favur il-mozzjoni bidel il-ħsieb u astjena.

Jidher li l-Opposizzjoni  ser tibqa’ għaddejja b’din l-istrateġija sakemm tinfed u jkollha vot favur tagħha.  Lil min tolqot u tweġġa’ fil-proċess m’hux wisq ta’ relevanza għaliha. L-oġġettiv tal-Opposizzjoni hu l-kollass tal-Gvern. Dan il-kollass, bid-dikjarazzjonijiet ta’ Franco Debono jidher li hu possibli.

Meta l-Opposizzjoni titlob iċ-ċensura ta’ Ministru u dak il-Ministru jsib l-appoġġ ta’ sħabu kollha ifisser li l-attakk fuq il-Ministru hu ukoll attakk fuq il-Gvern kollu. Għax meta l-Gvern jagħżel li jiddefendi lill-Ministru ifisser li qed jagħtih l-appoġġ u jidentifika ruħu miegħu. Dan wara kollox hu t-tifsira tad-dutrina tar-responsabbilta kollettiva. Il-Gvern bid-difiża li qed jagħmel lil Carm Mifsud Bonnici qed jgħid bla tlaqliq li r-responsabbilta’ mhiex ta’ Carm iżda hi waħda kollettiva tal-Gvern. Għalhekk  attakk (politiku) fuq membru tal-Gvern qed jiġi ikkunsidrat li hu attakk politiku fuq il-Gvern kollu.

X’ser jiġri  nhar l-Erbgħa naħseb li ħadd m’għandu idea. L-iktar meta wieħed iqis li saru diversi dikjarazzjonijiet li imbagħad ma issarfux.

Nistennew u naraw fejn ser tasal l-Opposizzjoni.

Sadanittant il-ħin għaddej. Dak ma jistenna lil ħadd.