L-ilma tax-xita: forsi nibdew niġbruh

flooding B'Kara.301113

 

 

Hi aħbar tajba li qed jittieħdu inizjattivi biex inqas ilma jintrema l-baħar. Għadni kif smajt intervista mal-Inġinier Paul Micallef mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li spjega kif iktar tard din is-sena ser ikun konkluż proġett li bħala riżultat tiegħu madwar 7 miljun metru kubu ta’ ilma ser ikun użat għall-agrikuktura u għall-industrija. Qed jingħad li bħala riżultat ta’ investiment sostanzjali l-kwalità tal-ilma prodotta ser tkun aħjar minn dak li presentement qed ikun prodott mill-Impjant ta’ Sant Antnin.

Dan hu tajjeb u ħadd ma jista’ jiddeskrivieh mod ieħor.

Tajjeb imma li nirrealizzaw li ħafna mill-ilma tax-xita qed jinħela għax fil-parti l-kbira tal-propjetà residenzjali li inbniet matul dawn l-aħħar 50 sena ma hemmx bjar. Din hi l-kawża tal-parti l-kbira tal-ilma tax-xita li jinġabar fit-toroq tagħna inkella li jiżbroffa mid-drenaġġ.