It-Tabib Franco Mercieca, l-Membru Parlamentari Għawdxi f’artiklu tal-bieraħ ippubblikat fit-Times qal li qed jikkonsidra li jressaq il-quddiem proposta biex uħud mill-festi pubbliċi li jiġu fost il-ġimgħa jkun ikkunsidrat jekk jiċċaqalqux għal nhar ta’ Tnejn, speċi tal-bank holidays Ingliżi. B’long weekend, jgħid Franco Mercieca, l-ekonomija tmur aħjar, b’mod partikolari dik Għawdxija.
Issa l-festi pubbliċi f’Malta huma dawn :
1 ta’ Jannar L-ewwel tas-sena
10 ta’ Frar San Pawl
19 ta’ Marzu San Ġużepp
Marzu/April Il-Ġimgħa l-Kbira
31 ta’ Marzu Jum il-Ħelsien
1 ta’ Mejju Jum il-Ħaddiem
7 ta’ Ġunju sette gunio
29 ta’ Ġunju l-Imnarja
15 t’Awwissu Santa Marija
8 ta’ Settembru Il-Vitorja
21 ta’ Settembru Jum l-Indipendenza
8 ta’ Diċembru Il-Kunċizzjoni
13 ta’ Diċembru Jum ir-Repubblika
25 ta’ Diċembru Il-Milied
Franco Mercieca jgħidilna li huwa jaf li uħud mill-festi pubbliċi huma marbutin ma festi reliġjużi tradizzjonali u allura għandhom jibqgħu jiġu ċċelebrati f’nharhom. Isemmi l-festi ta’ San Pawl, San Ġużepp, l-Imnarja, Santa Marija u l-Vitorja. Naħseb li nesa l-Kunċizzjoni, nhar it-8 ta’ Diċembru.
X’jibqa’?
Jibqa’ l-1 ta’ Jannar: mur arana niċċelebraw l-ewwel jum tas-sena fid-29 ta’ Diċembru! Inkella niċċelebraw Jum il-Ħaddiem fis-27 t’ April, per eżempju.
Inkella, skond it-tabib Franco Mercieca, nispiċċaw niċċelebraw il-Milied fil-21 ta’ Diċembru.
Ovvjament, ma jafx x’inhu jgħid! Għax il-festi pubbliċi Maltin huma kollha marbutin ma ġurnata partikolari. Jekk iċċaqlaqhom mill-jum tagħhom ma jibqgħux jagħmlu sens.