Il-bieraħ fil-Parlament, waqt l-aġġornament, it-Tabib Godfrey Farrugia li sa ftit ilu kien Ministru tas-Saħħa għamel diskors importanti dwar l-użu mediku tal-ħaxix – il-kannabis.
Id-diskors tiegħu ġie riprodott fl-Independent u iNews .
Nieħu pjaċir li t-Tabib Farrugia ħareġ b’dawn l-ideat. Ideat li jisfidaw il-preġudizzji u l-kontroversja.
Huwa tajjeb iżda li nfakkar li fil-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 hemm preċiżament din l-istess proposta li għamel it-Tabib Farrugia.
“L-użu tal-kannabis għal raġunijiet mediċi għandu jkun regolarizzat.” [ara Manifest AD Kapitlu 3, intitolat Alkoħol u Drogi oħra]
Id-diskussjoni dwar id-drogi għandha tibda issir bis-serjeta’ f’dan il-pajjiż. Huwa verament ħasra li Alternattiva Demokratika biss, fost il-partiti politiċi fittxet li tagħmel dan. Id-diskors ta’ Godfrey Farrugia huwa xhieda li dan hu possibli li jsir. Kemm dwar l-użu mediku tal-ħaxixa kif ukoll dwar il-ħtieġa urġenti ta’ programm ta’ dikriminalizzazzjoni tad-droga għal użu personali. Hemm ħafna x’nitgħallmu minn dak li għamlu pajjiżi oħra.
Mill-ġdid, prosit Godfrey.