source : http://www.um.edu.mt/think/bad-traffic-bad-air/
L-Kamra tal-Kummerċ ikkritikat il-White Paper dwar l-impatt tat-trasport tal-iskejjel. Qalet li ma jistax ikun li niffaċċjaw sewwa l-problema tat-trasport bis-sulluzzu. Qalulna li rridu naraw l-istampa kollha u nfasslu strateġija olistika li tkun ibbażata fuq transport pubbliku li jkun b’saħħtu u effiċjenti.
Ġa ktibt dwar dan u ma rridtx innaqqas mill-merti tal-White Paper dwar it-trasport tal-iskejjel. Din il-White Paper tagħmel ħafna proposti validi (dwar l-iskejjel) imma naqbel mal-argument tal-Kamra tal-Kummerċ li bis-sulluzzu m’aħna ser naslu mkien.
Apparti dan għaddejjin affarijiet oħra.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali kien qed jiġbor informazzjoni mingħand l-istess kunsilli dwar il-ħinijiet li fihom jinġabar l-iskart mid-djar bl-intenzjoni li jivvaluta liema huma dawk il-kunsilli li s-servizz tal-ġbir tal-iskart tagħhom qed jagħti kontribut għall-konġestjoni tat-traffiku fl-iktar ħinijiet kritiċi tal-ġurnata.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ħarġet sejħa dwar espressjoni ta’ interess dwar forom alternattivi ta’ transport bejn il-lokalitajiet fil-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett.
Għadhom kif tħabbru rotot ġodda u rotot imtejba tat-trasport pubbliku.
Dawn huma kollha inizzjattivi tajba, imma kien ikun aħjar kieku kellna pjan wieħed komprensiv imfassal sewwa għal titjib sħiħ li jikkunsidra l-aspetti kollha u li kien jinkudi dawn il-proposti u oħrajn magħhom.
In-numru ta’ karozzi li għandna fit-toroq huwa kbir wisq għad-daqs ta’ Malta u qed ikompli jikber.
Ftit hemm għażliet li għandu quddiemu l-pajjiż. Il-karozzi mit-toroq iridu jonqsu u jeħtieġ li jonqsu sostanzjalment. Iktar kmieni din is-sena, f’artiklu li kont ktibt fl-Independent tal-Ħadd kont ippruvajt nagħti ċifra biex nieħdu idea dwar kemm hi kbira l-problema. Kont semmejt iċ-ċifra ta’ 122,000 karozza bħala n-numru ta’ karozzi li għandhom jonqsu mit-toroq tagħna. Fl-artiklu intitolat Reducing 122,000 vehicles from Malta’s roads nispjega kif wasalt għal din iċ-ċifra.
Li nipprovdu l-parking, inwessgħu t-toroq u niddisinjaw flyovers li jimpressjonaw iwassal biss biex jiżdiedu l-karozzi fit-toroq u jagħmel il-problema agħar milli hi. Kif fil-fatt sar matul dawn l-aħħar snin. Il- pajjiż ċeda t-toroq lill-karozza. Hemm bżonn li t-toroq neħduhom lura. Dawk ukoll huma tagħna lkoll.
Il-problema hi kbira ħafna u ser tkompli tikber. Minkejja li hemm ħafna rieda tajba biex naslu irridu nifhmu li ma nistgħux insolvu din il-problema bis-sulluzzu.