Il-bieraħ fl-eqqel tal-istaġun turistiku, l-impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija f’Delimara iddeċieda li jagħmel shutdown. Dlam ċappa ma kullimkien.
S’issa intqal li dan kien ikkawżat minn ħsara f’wieħed mill-units tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara kif ukoll minn splużjoni fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Marsa.
Naħseb li għadu kmieni biex ikun spjegat eżattament x’ikkawża dan kollu, pero hu ċar li dan qed jagħti l-agħar messaġġ possibli fl-eqqel tal-istaġun turistiku.
Bla dubju ser jingħad li ħadd ma jista’ jagħti garanzija assoluta li ma jkunx hemm inċidenti. Dan hu veru. Pero hu veru ukoll illi pajjiżna għandu jkun ippreparat aħjar u inċidenti bħal dawn għandna nkunu ippreparati aħjar għalihom.
Tista’ tkun pożittiv meta Malta kienet totalment fid-dlam għal numru ta’ siegħat? Tista’ tkun pożittiv meta fl-eqqel tal-istaġun turistiku ajruplani bil-passiġġiera fi triqithom lejn Malta kellhom jinżlu fl-airports oħra fil-viċin?
Dan hu reklam ħażin għal Malta u dwaru ma nafx kif tista’ tkun pożittiv.
Ovvjament il-Ministru għal-Enerġija jrid jerfa’ ir-responsabbilta’ politka għal dak li ġara. Biex inkunu pożittivi dwar dan ukoll, bla dubju l-Onorevoli Konrad Mizzi ser jispjegalna fis-siegħat li ġejjin kemm qiegħed jaħdem bla waqfien biex inċidenti bħal dawn ma jerġgħux jiġru.
Shame on You li tippretendi li jirreżenja l-Ministru!