Il-bluff tal-PN dwar l-ambjent

marthese portelli + george pullicino

Il-PN qed jipprova jiġbor ġieħu. Qed jitkellem u jipprova jagħti l-impressjoni li l-għandu l-ambjent għal qalbu.

Qed ixerred id-dmugħ tal-kukkudrilli dwar l-ODZ. Il-PN ma jaqbilx mal-bini barra miż-żona tal-iżvilupp (fl-ODZ) tgħidilna l-kelliema tal-PN dwar l-ambjent Marthese Portelli bi kważi d-dmugħ f’għajnejha.

Sadanittant imma l-PN jibqa l-partit li fiż-żmien li għamel fil-Gvern għamilha possibli biex isir bosta bini barra miż-żona tal-iżvilupp.

Fl-artiklu tal-bieraħ fuq dan il-blog semmejt iż-żewġ miljun metru kwadru ta’ art ODZ li saru tajbin għal bini bil-barka tal-PN fil-Gvern.

Imma hemm bosta iktar eżempji.

Tiftakru meta twaqqgħet il-Lukanda Solemar fil-Marfa u l-binja li telgħet flokha kienet ferm ikbar milli kien indikat fil-permess? Dakinnhar l-iżviluppatur kien bena bla permess fuq art pubblika, ukoll barra miż-żona tal-iżvilupp. Il-Gvern immexxi mill-PN (direttament jew permezz tal-MEPA) flok ma applika l-liġi u waqqa’ l-bini bla permess, sab “soluzzjoni” billi wara ħruġ ta’ “sejħa għall-offerti” irranġa kollox. Anke dakinnhar  l-arroganza rebħet billi l-Gvern baxxa rasu quddiem min ħataf l-art u abbuża. Dakinnhar ukoll art ODZ inbniet u l-Gvern immexxi mill-PN ma tniffisx ħlief biex jikkoopera ma min seraq l-art pubblika.

Smajtu f’dawn il-ġranet dwar il-bini tad-diversi friegħi tal-Lidl, b’mod partikolari dawk ta’ Ħal-Safi u Ħal-Luqa li t-tnejn inbnew f’żoni ODZ ukoll fi żmien Gvern immexxi mill-PN. Fl-2008 Alternattiva Demokratika kienet semmgħet leħinha dwar il-każ. Ara hawn dak li ktibt dakinnhar.

Nista’ nibqa’ sejjer, u ma nispiċċa qatt.

Dawn huma kollha dnubiet ambjentali li ma nħafrux u l-anqas ma ntesew bħala riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Għax għadna nbatu l-konsegwenzi bħala pajjiż. Ser nibqgħu nbatu l-konsegwenzi, u l-PN li kien il-kawża ta’ dan kollu frisk bħal ħassa, jidhirlu li l-Passat għadda u mar.

Mhux jien, jgħid Simon Busuttil. Mhux jien tgħid Marthese Portelli.

Imma sadanittant lil dak li kien responsabbli biex idderiġa din il-ħerba, lil George Pullicino, ħbewħ u issa tawħ l-inkarigu ta’ kelliemi tal-Opposizzjoni għal Kindergarten.

Il-passat ambjentali tal-PN ma nistgħux ninsewh. Għax mhux biss ħarbat il-preżent iżda għamel il-futur ta’ dan il-pajjiż iktar diffiċli.

Meta tqis dan kollu, d-dmugħ tal-kukkudrilli tal-PN dwar l-ambjent hu kollu bluff. Il-passat tagħhom hu mera tal-futur. Kważi ħamsa u għoxrin sena huma iktar minn biżżejjed biex juruna dak li fil-fatt jemmnu.

Il-Labour huma agħar minn hekk, kif qed naraw u ilna naraw ġimgħa wara l-oħra minn Marzu 2013 sal-lum.

Fi ftit kliem, m’hemmx x’tagħżel bejniethom!

Advertisements

In-nagħġa ta’ Montekristo

charles polidano jm letter

Mela ċ-Ċaqnu jrid jagħti l-impressjoni li qed jimmansa. Mhux apposta qal. Ma riedx joħloq diffikulta.

Tridx tmur!

Dak li ilu jisfida ma jridx joħloq inkonvenjent. Ma kellu l-ebda intenzjoni li l-affari tiskala.

Dak li dejjem sfida lill-awrtoritajiet qed jgħid li jrid jikkoopera mal-awtoritajiet. Fir-realta’ l-unika kooperazzjoni mal-awtoritajiet skond id-dizzjunarju tan-nagħġa ta’ Montekristo hi dik li twassal biex jibni fuq art tal-Gvern bħalma għamel il-Marfa fil-każ tal-Lukanda Solemar u flok ma jwaqqulu jċedulu.

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tfisser li jinħarġu permessi bħalma ħarġu għall-bini ta’ supermarkets li illum qed jintużaw mil-Lidl f’Ħal-Luqa u Ħal-Kirkop. Tal-ewwel parzjalment fil-flight path tal-uniku ajruport Malti.  Tat-tieni barra miż-żona ta’ żvilupp.

Jekk dak li għamlet il-MEPA kienitx show minħabba d-dimostrazzjoni ma nafx. L-unika ħaġa ċara hi li n-nagħġa ta’ Montekristo bidlet it-tattika u taparsi immansat.

Nistennew u naraw!