Manwel Mallia mhux baħnan

Manwel Mallia 11

Dal-għodu, x’ħin sebaħ Manwel Mallia messu kien Kastilja jistenna lil Joseph biex jaghtiħ l-ittra tar-riżenja.

Mhux hekk tgħid!

Wara li x-xufier ta’ Manwel Mallia ħareg ir-revolver u spara fl-ajru u ntlaqtgħet karozza (li probabbilment kienet qed ittir), Manwel Mallia mhux ser jitlaq. L-anqas m’hu ser itellqu Joseph. Għax jekk xejn, Manwel ma  għamel xejn.

B’liema dritt nippretendu li x-xufier ta’ Manwel ma jiddefendix ruħu? Bħala security driver bid-dritt li jgorr l-arma x-xufier ta’ Mallia kellu kull dritt jispara u dak l-iSkoċċiż kellu joqgħod attent  u ma jolqotx il-karozza tal-Ministru. L-Iskoċċiż kellu jneħħi l-birra minn idu huwa u jsuq.

Responsabbilta’ politika? Din xi tkun?  Ma tarax li Manwel Mallia mhux ser jerfa’ responsabbilta’ għal dak li jagħmlu ta’ taħtu!

Baħnan wieħed kien hawn li rreżenja minn Ministru. Dan kien Charles Mangion, li kien irreżenja fis-snin disgħin wara li mexa fuq parir ħażin li kienu tawħ il-Pulizija.

Manwel Mallia mhux baħnan bħal Charles Mangion.

Austin taħt il-lenti (3)

(3)  Ir-responsabbilta’ politika

Hu ċar li r-riforma tat-trasport pubbliku s’issa għad ma rnexxietx. Għax min kien inkarigat mir-riforma għaffiġha. 

Min hu responabbli?

L-assistent tal-Ministru? Dan offra r-riżenja. Il-Ministru ma aċċettax li Manwel Delia  jirreżenja avolja dan kien ilu jippoppa sidru u jiftaħar bir-riforma li ser issolvi kollox. Meta kien ċar li għaffiġha sparixxa għal xi jiem.

Qed jingħad li fil-bidu t’Ottubru Austin Gatt offra r-riżenja waqt laqgħa tal-Kabinett. Iżda l-Prim Ministru ma aċċettax.

Avolja Austin kien ilu jiftaħar li issa daqshekk ċajt. Iċ-ċajta sadanittant tkompli!

Issa għandna waħda aħjar. Austin Gatt qed jgħidilna li qed jassumi r-responsabbilta’ politika. Qed jingħad li ser jagħmel xi forma ta’ apoloġja fil-Parlament. U mbagħad?

Xi tfisser ir-responsabbilta’ politika? Li tieħu żball, tiskuża ruħek u tibqa’ għaddej, qiesu ma ġara xejn?

Safejn naf jien fil-ħajja pubblika jekk tieħu dawn it-tip ta’ żbalji, wara li tiskuża ruħek, tippakkja u tirreżenja.

Imma f’dan il-pajjiż il-politiku li jiżbalja jibqa’ hemm.

Ministru wieħed biss naf f’Malta li rreżenja wara li ħa żball. Kien in-Nutar Charles Mangion, li minkejja li l-iżball tiegħu sar minħabba li ma nagħtax l-informazzjoni korretta, xorta mexa ta’ raġel u rrezenja, għax id-deċiżjoni kien hu li ħadha. 

M’għandix dubju li Austin Gatt fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku m’huwiex ser jagħmel bħal Charles Mangion. Min jaf  forsi r-riżenja ser iħalliha għal meta tibda d-diskussjoni pubblika dwar Smart City. Li hemm ukoll falla u minn proġett intenzjonat għall-ħolqien tal-impiegi fl-IT spiċċa bi proġett tar-Real Estate. Imma dik storja oħra.

(ikompli għada : (4)  wara l-vot fil-Parlament)