Anke’ l-baħar tagħna ilkoll

Malta taghna lkoll

Mela l-Gvern ta’ Joseph qalilna li l-art li għandna f’Malta, Għawdex u Kemmuna mhux biżżejjed. Hemm bżonn inkabbru.  Għalhekk jista’ jkun hemm bżonn li noħolqu gżejjer oħra fil-baħar. Land reclamation.

Rapporti dwar dan diġa saru. Fl-2005 u fl-2007 mill-MEPA. Jeżaminaw sew u fid-dettall. Jistabilixxu b’mod ġenerali l-impatti li l-ħolqien ta’ dawn il-gżejjer jistgħu joħolqu.

Jiena mhux qiegħed nikkundanna dak li qed jingħad u dan kuntrarjament għal dak li għoġobhom jgħidu dawk li f’daqqa waħda saru ambjentalisti. Li qiegħed ngħid hu li jekk il-Gvern fi ħsiebu jibqa’ għaddej b’din l-idea, ta’ l-inqas għandu jagħmel  l-affarijiet sewwa. B’dan il-mod kullħadd ikollu għajnejħ miftuħin beraħ u allura jkun jista’ jifhem il-jekk u l-kif tal-ħsara li tista’ issir. Kemm dik ekoloġika kif ukoll dik ekonomika.

L-ewwel nett l-affarijiet għandhom isiru bi pjan ċar liema pjan għandu jitħejja mill-Gvern,  mhux mill-kuntratturi jew kif isejħu lilhom infushom bil-pulit illum: l-iżviluppaturi.

Gvern li jkun tagħna lkoll jitkellem magħna lkoll qabel ma jfassal pjan jew strateġija ta’ x’inhuma dawk l-iżviluppi li għalihom m’għandniex spazju fuq l-art.  Għax tagħna lkoll, il-pjan jew l-istrateġija li jfassal jiddiskutihom magħna lkoll f’dik li nsejħula konsultazzjoni pubblika.

Gvern tagħna lkoll jisma’ dak li għadna xi ngħidu aħna lkoll u jqiesu sewwa qabel ma jiddeċiedi. Meta imbagħad ikun ċar fejn irid jasal Gvern tagħna lkoll jara xi ħsara tista’ issir. Iqis ir-rapporti li diġa saru u jekk ikun hemm bżonn jgħarbel iktar biex ikun żgur dwar xi ħsara tista’ issir. Jekk il-ħsara li jsir jaf biha ma jkunx jista’ jsib tarf tagħha, jaħsibha darbtejn.

Għax Gvern serju jaf li anke’ l-baħar huwa tagħna ilkoll.

Malta tagħna lkoll

Malta taghna lkoll

 

Tal-Labour Party ħelwin.

Jgħidulna li Malta tagħna lkoll.

Iżda ma qalulniex għaliex lesti li jħallu lil min jisraq biċċa minn Malta li hi tagħna ilkoll iżomma għalih. Fil-fatt is-serq tal-art biex fuqu inbnew il-boathouses tal-Armier tal-Labour Party iberkuh. Għal-Labour Party l-Armier fejn insterqet l-art m’hiex tagħna ilkoll, iżda tagħhom biss!

Ma qalilniex kif tista’ tkun Malta tagħna ilkoll imbagħad il-Labour Party jivvota favur li Bertie Mizzi jieħu f’idejħ (b’tender s’intendi) Manoel Island.

Mal-ambjentalisti ħafna kliem ħelu dwar kemm taħraqhom qalbhom għall-ambjent. Imma meta jkunu ma’ dawk li jiżviluppaw l-art, jitkellmu b’mod differenti. Iktar jitkellmu dwar kemm il-MEPA qed iżżomm l-iżvilupp lura. Ħalluna naħdmu, qalilhom Sandro Chetcuti!

Malta tagħna lkoll. Bil-kliem iva. Iżda bil-fatti ħaġa oħra.

Magħna taf fejn int!

Lil hinn mis-slogans

Nafu s’issa t-tlett slogans għall-elezzjoni:

tal-Partit Laburista : Malta Tagħna Lkoll

tal-Partit Nazzjonalista : Futur fis-Sod

ta’ Alternattiva Demokratika : Magħna taf fejn qiegħed.

Dawn is-slogans ifissru fi 3 jew 4 kelmiet il-qalba tat-tlett programmi elettorali.

Ir-realta’ hi li t-tlett slogans flimkien jiġbru dak kollu li jeħtieġ il-pajjiż.

Kulħadd għandu jkun ċar u jindirizza l-issues reali mingħajr ma joqgħod jistaħba wara subgħajh u jdur mal-lewża. Iċ-ċarezza hi fundamentali għall-onesta’ politika tal-partiti – għalhekk AD tinsisti li “magħna taf fejn qiegħed.”

Jekk kulħadd ikun ċar il-futur tagħna lkoll ikun fis-sod għax inkunu nistgħu nassiguraw li Malta hi tagħna lkoll.