L-iskola ta’ Santu Wistin f’Tal-Pieta

 

Il-Bord tal-MEPA ma approvax applikazzjoni biex tkun imkabbra l-iskola tal-Agostinjani f’ Tal-Pieta’ nhar il-Ħamis li għadda. Jiena kont presenti minħabba applikazzjoni oħra u allura kelli ċ-ċans li nisma’ sagħtejn u nofs sħaħ ta’ argumenti. Id-deċiżjoni fl-aħħar kienet ta’ sitt voti kontra l-applikazzjoni u erba’ voti favur l-applikazzjoni.

Il-MEPA kellha quddiema żewġ argumenti.

F’naħa waħda hemm raġunijiet validi edukattivi biex l-iskola toffri servizzi aħjar. Dan qed tipprova tagħmlu billi tipprovdi skola primarja flimkien mal-iskola sekondarja. Fr Alan ir Rettur tal-Iskola spjega tajjeb ħafna r-raġunijiet edukattivi għala għandu bżonn iktar spażju. Il-Perit Mannie Galea fisser fit-tul kif jista’ jipprovdi dak meħtieġ fis-sit.

Mit-tweġiba tad-Direttorat tal-Ippjanar tal-MEPA ħareġ ċar li għalkemm jista’ jkun hemm raġunijiet validi (edukattivi) għaliex l-iskola għandha bżonn tikber, is-sit f’Tal-Pieta’ m’huwiex wieħed addattat.

L-iskola illum hi imdawwra bir-residenzi li diġa għandhom inkonvenjent kbir matul il-jum kollu bi skola ta’ 450 tifel. L-inkonvenjent hu propost illi jirdoppja jekk ma skola sekondarja tiżdied skola primarja ta’ 450 tifel.

L-inkonvenjent hu wieħed ta’ traffiku, ta’ storbju, ta’ dellijiet iġġenerati mill-bini propost …….. Noel Grima tal-Indipendnent li kien preżenti spjega dak li ġara b’mod eżawrjenti fl-artiklu tiegħu nhar il-Ġimgħa.

Naħseb li hemm soluzzjonijiet oħra. In-numru ta’ tfal qiegħed jonqos. Jekk l-iskejjel tal-Knisja ser jipprovdu spazju għal iktar tfal huwa żgur li ser ikun hemm inqas li jmorru fi skejjel tal-Gvern. Is-soluzzjoni allura tista’ tkun mhux daqstant li jitkabbru skejjel fl-abitat iżda li jinstab mod kif l-iskejjel l-oħra inklużi dawk propjeta tal-Gvern, imxerrdin ma’ Malta u Għawdex jistgħu jintużaw aħjar.