L-insistenza tal-PN biex tirriżenja Helena Dalli

Minister-Dalli-Minister-Mallia

 

Il-PN, permezz ta’ Ryan Callus, qed jinsisti li Helena Dalli għandha tirriżenja minħabba xi xogħol mhux kopert bil-permessi tal-bini fi propjeta ta’ Kumpanija ta’ żewġha Patrick, liema kumpanija iżda hi imniżżla fid-dikjarazzjoni tal- assi li Helena Dalli tippreżenta kull sena bħala Ministru.

Dak li qed jgħid Ryan Callus hu irregolarita’. M’hemmx dubju dwaru. Huwa responsabbli għal din l-irregolarita l-Management tal-kumpanija PADA Limited, sakemm il-propjeta’ tibqa’ tagħha. M’hiex xi ħaġa li qed tiġri l-ewwel darba. Sfortunatament hemm diversi li jaġixxu b’dan il-mod. L-ewwel jibnu u mbagħad jippruvaw jiksbu l-permess.

Il-punt iżda hu jekk Helena Dalli għandiex xi responsabilta’ għal dak li ġara. Jiena naħseb li l-Partit Nazzjonalista qed jitqanżaħ ftit mhux ħażin għax ma hemm l-ebda mod kif Helena Dalli setgħet kellha xi influwenza fuq il-każ la b’mod dirett u l-anqas b’mod indirett. Ma tistax u m’għandiex tiġi sfurzata terfa’ responsabbilta’ għal dak li għamel jew m’għamilx żewġha fix-xogħol normali tiegħu.

Ara kieku Helena Dalli kienet Direttur tal-kumpanija PADA Ltd il-każ kien ikun wieħed differenti. Imma imbagħad wara kollox din hi r-raġuni l-għaliex il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri jipprojibixxi lil Ministri u Segretarji Parlamentari milli jkunu diretturi ta’ xi entita’, tkun xi tkun, jew li jagħmlu xogħol ieħor waqt li jkunu qed jaqdu d-doveri Ministerjali tagħhom. B’hekk ikunu distakkati minn inċidenti bħal dawn.

Helena Dalli l-anqas ma għandha responsabbilta’ politika għall-ippjanar fl-użu tal-art. Li kellha responsabbilta’ bħal din il-posizzjoni tagħha kienet tkun waħda diffiċli biex tkun difiża.

Esaġerazzjonijiet bħala dawn da parti tal-Partit Nazzjonalista idgħajfu t-talbiet għal riżenja f’każi serji u ġustifikabbli bħal ma hu dak tal-Ministru Manwel Mallia. Għax ngħiduha kif inhi, f’dan il-pajjiż m’hawnx kultura ta’ riżenja. Il-politiku ma jħossx li għandu jerfa’ responsabbilta’ għall-oqsma li għalihom hu responsabbli. Meta imbagħad jitfaċċa  każ imġebbed u mqanżaħ bħal dan ta’ Helena Dalli,  l-PN ikun qed iwassal il-messaġġ li m’għandux idea x’inhu jgħid inkella li jinteressah biss fil-milage politiku.

Għax għalija hu ċar li fil-każ ta’ PADA Limited ma hemm l-ebda raġuni l-għaliex Helena Dalli għandha tirriżenja. Hemm min għandu jwieġeb, imma m’hiex hi iżda żewgha Patrick u l-MEPA.

F’dan is-sens hu pass tajjeb li l-Opposizzjoni talbet l-uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga l-każ dwar l-Ordni tal-Infurzar u kemm dan ġie jew ma ġiex osservat. Kien ikun ħafna aħjar kieku l-Opposizzjoni bdiet minn hawn flok qabdet tparla fil-vojt.

Il-Korp tal-Pulizija (u l-Ministru) taħt il-lenti

magnifying-glass

 

Kull minuta li tgħaddi qed jiżdiedu l-mistoqsijiet dwar eżattment x’ġara meta l-Pulizija li kien qed jagħmilha ta’ xufier mal-Ministru Manwel Mallia spara fuq sewwieq ieħor ta’ kunjom barrani, imma li issa qed jingħad li hu Malti ukoll.

Eżattament x’ġara? Għaliex seħħet l-isparatura?

Daqsxejn diffiċli li nemmnu li kollox beda mill-mera imkissra. Hemm barra qed jingħataw spjegazzjonijiet dwar x’wassal għat-tiri sparati. L-ispjegazzjonijiet li qed jagħtu n-nies, jekk huma veri, huma serji ħafna, ħafna iktar mill-isparatura.

Qed jingħad li x-xufier/pulizija u Steven Morrison Smith mhux l-ewwel darba li tkellmu u jista’ jkun li dakinnhar tal-isparatura kellhom xi argument fuq biċċa negozju.

X’kien l-argument li wassal għall-isparatura?

Jekk il-problema kienet  negozju li mar żmerċ ix-xufier kien qed jinnegozja f’ismu jew f’isem oħrajn? Dawn l-oħrajn kienu jinkludu dik il-persuna li marret fuq żewġ nisa titlobhom il-filmat li huma ħadu tal-inċident fuq il-mobile (inkluż l-isparatura)?

It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet u iktar, meta jkunu magħrufa, jitfghu dawl fuq jekk ix-xufier “sempliċiment qabżitlu ċ-ċinga”  inkella jekk hiex xi ħaġa ferm ikbar.

Ma dan irid jingħata ukoll spjegazzjoni għaliex qiesu kien hemm attentat kkordinat biex il-provi l-importanti jisparixxu. Min ta’ l-ordni biex dan isir?  L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għandu ħafna x’jispjega dwar dan kollu.

Il-presenza fuq il-post fejn waqfu l-karozzi ta’ numru ta’ pulizija li ma kellhomx x’jaqsmu mal-investigazzjoni tal-każ tkompli tħawwad il-borma.

Il-każ li beda l-ġimgħa l-oħra kien dwar ix-xufier tal-Ministru tal-Pulizija Manwel Mallia. Issa kiber sew u nistgħu ngħidu li jirrigwarda l-Ministru u l-Korp tal-Pulizija li issa qegħdin taħt il-lenti. Għalhekk hu important li Joseph Muscat ifittex jiddeċiedi. Il-Korp tal-Pulizija jixraqlu aħjar minn hekk. Il-parti l-kbira minnhom huma persuni ta’ serjeta’ kbira.

Il-mera mkissra u l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija

Malta Police emblem

 

Diġa kelli l-opportunita’ f’din il-blog biex niddubita kemm l-istorja tal-mera mkissra hi minnha.

Mhux waħdi li qed naħseb hekk. Kitbu u tkellmu diversi oħrajn dwar x’jista’ jkun dak li ġara. Uħud mill-affarijiet li qed jingħadu huma tat-biża’.

Issa qed jingħad ukoll li ir-rapport elettroniku tal-Pulizija dwar l-arrest u l-investigazzjoni tal-Iskoċċiż li fuqu spara x-xufier ta’ Manwel Mallia ġie mbagħbas ukoll.

X’inhu jiġri eżattament? Forsi xi ħadd issa jibda jifhem għaliex qed tintilef b’rata mgħaġġla l-fiduċja fl-istituzzjonijiet. Fuq quddiem nett il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

 

Għalfejn qabżitlu ċ-ċinga lix-xufier?

filming the smashed mirror

It-Times illum irrappurtat li l-inċident tal-ġimgħa l-oħra li fih kienet involuta l-karozza uffiċjali tal-Ministru Manwel Mallia ġie reġistrat fuq video minn żewġ nisa.

Mhux biss. Ftit wara li seħħ l-inċident, tgħidilna t-Times, dawn iż-żewġ nisa ġew avviċinati minn xi ħadd (s’issa mhux magħruf) li ried jara l-filmat miġbud.

Il-Maġistrat qed tinvestiga dan l-inċident u dan minħabba li qed tissuspetta li kien hemm min ried ibgħabas mal-provi.

Dan hu żvilupp interessanti u jwassal għal numru ta’ mistoqsijiet li forsi (xi darba) jkollna tweġiba għalihom.

Min ried ibgħabas mal-provi? Għalfejn ried jagħmel dan? Lil min ried jipproteġi?

Ma nafx, imma toħduwiex bi kbira li dak li mad-daqqa t’għajn jidher li hu inċident żgħir fejn inkisret mera tal-karozza uffiċjali tal-Ministru jiżviluppa f’xi ħaġa ferm ikbar.

Il-każ kif nafu beda b’karozza misjuqa minn Skoċċiż tolqot il-mera tal-karozza li kienet qed tintuża mill-Ministru Mallia. Ix-xufier tal-Ministru jidher li wara argument qabżitlu ċ-ċinga u spara tiri lejn il-karozza tal-iSkoċċiż li ħarab minn fuq il-post. Ix-xufier li qabżitlu ċ-ċinga saq għal wara l-iSkoċċiż li waqfitlu l-karozza taħt il-mini ta’ Tal-Qroqq.

L-Iskoċċiż ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija. Eventwalment ġie rilaxxjat. Wara gimgħa, x-xufier li qabżitlu iċ-ċinga, bejn mawra u oħra fl-isptar Mater Dei minħabba uġiegħ f’sidru, ġie akkużat b’attentat ta’ qtil tal-Iskoċċiż.

Dan kollu beda bħala inċident żgħir li seta faċilment kien riżolt f’żewġ minuti u ma kien ikun jaf bih ħadd. Minflok sploda f’inċident li ser ikollu impatti politiċi mhux żgħar.

Għaddejja inkjesta mill-Maġistrat. Bdiet ukoll inkjesta oħra permezz ta’ tlett Imħallfin irtirati. Apparti  l-inkjesta pubblika permezz tal-medja

Dettall żgħir li jista’ jkollu importanza hu x’ġara taħt il-mini fejn waqfu l-karozzi. Mhux biss li l-karozza tal-Iskoċċiż tneħħiet minn fuq il-post qabel ma waslet il-Maġistrat. Imma daqstant ieħor hu importanti li nġabru fuq il-post xi persuni. L-identita’ ta’ uħud minn dawn il-persuni ġiet identifikat fuq xi siti elettroniċi. Dawn il-persuni ma jidhirx li għandhom x’jaqsmu mal-investigazzjoni iżda max-xufier li qabżitlu ċ-ċinga.

L-affarijiet qed isiru interessanti ħafna. Ara ftit, mera mkissra kemm tista’ tkun il-kawża ta’ nkwiet.

 

Fuq il-passi ta’ Anġlu Farrugia

anglu-farrugia2

 

Meta Anġlu Farrugia lejlet l-Elezzjoni Ġenerali qabeż il-linja u ikkritika b’mod mhux aċċettabbli lil waħda mill-Maġistrati, Joseph Muscat ġiegħlu jwarrab minn Deputat Mexxej tal-Partit. Kien hemm ħafna kummenti dwar dan. Joseph, dakinnhar xejn ma skrupla jakkuża, u jiddeċiedi. Insista li Anġlu kellu jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jwarrab. U baqa’ sakemm warrab.

Il-każ ta’ Manwel Mallia mhux identiku bħal dak ta’ Anġlu imma huwa ukoll każ fejn hemm ħtieġa li tintrefa ir-responsabbilta politika għal dak li ġara bil-karozza uffiċjali tal-Ministru.  Min-naħa l-waħda qed ikun dejjem iktar ċar x’ġara u min-naħa l-oħra qed ikun iktar ċar x’intqal. Illum, per eżempju nafu aħjar kif kien hemm min ipprova jisgwida lill-gazzetti billi għaddilhom informazzjoni mhux korretta dwar kif u għaliex seħħet l-isparatura. Imma l-giddieb għomru qasir għax malajr bdew jindunaw x’ġara tassew.

Ir-responabbilta’ politika trid tintrefa anke minn Manwel Mallia. L-impatti politiċi fuq min ikun ġenwin u jerfa’ ir-responsabbilta’ tiegħu mill-ewwel, fit-tul ikunu pożittivi. Min-naħa l-oħra min jirreżisti li jagħmel dmiru u  ma jkunx irid jerfa’ r-responabbiltajiet tiegħu ibati biex jirkupra. L-effetti politiċi fuqu jkunu ikbar. Dejjem hekk ġara. Għax raġel veru hu raġel dejjem.

Manwel Mallia u s-saba’ fuq il-grillu

finger on the trigger

 

Hemm mument fil-politika meta l-politku jkollu jerfa’ r-responsabbilta politika għal dak li għamel ħaddieħor.  Wieħed minn dawn il-mumenti ċari, għalija, huwa meta jiżbaljaw dawk il-persuni ta’ fiduċja li l-politiku jaħtar madwaru.

Huwa mument diffiċli ħafna fejn il-kuxjenza tal-politiku responsabbli tiddettalu dak li għandu jagħmel.  Il-kuxjenza tal-politiku f’ċirkustanzi bħal dawn jew taġixxi waħedha inkella tqum mir-raqda, jekk tkun xprunata mill-opinjoni pubblika.

Din hi is-sitwazzjoni li qiegħed fiha Manwel Mallia.

Fl-opinjoni tiegħi hu meħtieġ li jifhem illi anke jekk ma kienx is-saba’ tiegħu fuq il-grillu tal-arma tax-xufier-pulizija tiegħu xorta għandu responsabbilta’ politika għal dak li ġara. Għax ix-xufier-pulizija hu persuna tal-fiduċja tiegħu.

L-inkjesti u l-logħob bil-kliem f’dan l-istadju m’huma ser isolvu xejn. Jekk irridu infittxu insibu bosta eżempji ta’ politiċi li mxew sewwa għax irreżenjaw u ta’ oħrajn li mxew ħażin għax ma warrbux. Eżempji li insibuhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Manwel Mallia jifforma parti minn Gvern li ddikjara bla tlaqliq li jrid imexxi l-quddiem politika differenti. Politka responsabbli.

Jekk irid ikun onest mal-kuxjenza tiegħu Manwel Mallia m’għandux wisq ta’ għażla x’jagħmel. Triq waħda hemm, li jirreżenja.

Manwel Mallia mhux baħnan

Manwel Mallia 11

Dal-għodu, x’ħin sebaħ Manwel Mallia messu kien Kastilja jistenna lil Joseph biex jaghtiħ l-ittra tar-riżenja.

Mhux hekk tgħid!

Wara li x-xufier ta’ Manwel Mallia ħareg ir-revolver u spara fl-ajru u ntlaqtgħet karozza (li probabbilment kienet qed ittir), Manwel Mallia mhux ser jitlaq. L-anqas m’hu ser itellqu Joseph. Għax jekk xejn, Manwel ma  għamel xejn.

B’liema dritt nippretendu li x-xufier ta’ Manwel ma jiddefendix ruħu? Bħala security driver bid-dritt li jgorr l-arma x-xufier ta’ Mallia kellu kull dritt jispara u dak l-iSkoċċiż kellu joqgħod attent  u ma jolqotx il-karozza tal-Ministru. L-Iskoċċiż kellu jneħħi l-birra minn idu huwa u jsuq.

Responsabbilta’ politika? Din xi tkun?  Ma tarax li Manwel Mallia mhux ser jerfa’ responsabbilta’ għal dak li jagħmlu ta’ taħtu!

Baħnan wieħed kien hawn li rreżenja minn Ministru. Dan kien Charles Mangion, li kien irreżenja fis-snin disgħin wara li mexa fuq parir ħażin li kienu tawħ il-Pulizija.

Manwel Mallia mhux baħnan bħal Charles Mangion.

Uġiegħ ta’ ras għal Manwel Mallia

Mallia & Scerri

 

Malta mhiex l-uniku pajjiż fejn is-Servizz tas-Sigurta’ hu l-kawża ta’ diskussjoni. Dan joħroġ min-natura tas-Servizz tas-Sigurta’ li hi neċessarjament waħda ta’ segretezza intiza biex tiġġieled kontra l-kriminalita’ organizzata kif ukoll kontra t-theddid għas-sigurta’ tal-istat. Is-Servizz ta’ Sigurta’ għandu ukoll poteri kbar, meħtieġa biex jitwettqu l-obbligi tas-Servizz. Imma tant huma poteri kbar li kullimkien (f’kull pajjiż) jistgħu jwasslu għal abbuż ta’ poter. Abbuż li xi drabi jibqa’ għaddej bla ma ħadd jinduna. Imma hemm drabi meta dawn l-abbużi nindunaw bihom u meta jiġri hekk hemm l-obbligu ta’ diskussjoni pubblika li għandhom iwasslu biex jittieħdu l-passi meħtieġa. Għax ħadd m’għandu jkun il-fuq mil-liġi, l-anqas is-Servizz tas-Sigurta’.

L-abbuż l-iktar komuni illum f’diversi pajjiżi mhux għax ittieħdet azzjoni partikolari flok oħra imma dwar il-mod kif issir sorveljanza għal ġbir ta’ informazzjoni fuq in-nies. Dwar l-informazzjoni li tinġabar u tinħażen u dwar in-nuqqas ta’ sensittivita’ għall-privatezza taċ-ċittadin.

Meta f’Malta ma kellniex Servizz ta’ Sigurta’ din il-funzjoni kienet issir mill-Pulizija: pulizija pajżana li ħafna drabi kienu jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali fil-Korp tal-Pulizija, is-CID.  Attivita’ li kienet l-iżjed ovvja u dokumentata fir-rigward tal-“rvellijiet” fis-snin 50 u f’perjodi oħra mqanqlin tal-istorja Maltija. Anke’ dakinnhar kien hemm il-kontroversja dwar kemm minn din il-ħidma kienet sorveljanza kontra l-kriminalita’ u kemm minnha kienet sorveljanza politika. Linja fina li f’mumenti partikolari diffiċli ħafna biex issibha. Perjodu sensittiv għal kulħadd, li kien jirrikjedi l-għaqal ta’ min imexxi li ma jħallix l-entużjażmu żejjed ta’ uħud iwassal għal abbuż. Kemm dan sar fil-passat jew kemm qiegħed isir illum, fl-aħħar, hu ġudizzju li għad trid tgħaddih l-istorja.

Issa kulħadd jaqbel li fil-ħidma biex ikunu evitati delitti (kbar u żgħar) il-forzi tal-ordni, inkluż is-Servizz ta’ Sigurta, għandhom rwol importanti ħafna, inkluż li jiġbru l-informazzjoni neċessarja biex jagħmlu xogħolhom sewwa.

M’huwiex dejjem faċli li taqta’ linja bejn dak li hu neċessarju u aċċettabbli u dak li m’huwiex. L-informazzjoni l-anqas m’hi faċli biex tiksibha. Sakemm l-informazzjoni tista’ tiksibha billi tosserva dak li qed jiġri ftit hemm diffikultajiet. Id-diffikultajiet jibdew meta biex tinkiseb l-informazzjoni tkun meħtieġa li tixxellef il-privatezza taċ-ċittadini individwali. Dan jista’ jkun neċessarju, imma min ser jiddeċiedi meta hu neċessarju? Kontra dak li jiġri f’Malta fejn jiddeċiedi l-Ministru, normalment tkun il-Qorti li tiddeċiedi u tagħti l-permess biex issir sorveljanza u dan minħabba l-ħtieġa ta’ l-imparzjalita’ f’deċiżjoniiet bħal dawn. Il-Ministru mhux dejjem l-aħjar garanzija għall-imparzjalita’. Minkejja d-difetti ta’ uħud mill-ġudikanti, is-sistema ġudizzjarja f’Malta tul is-snin uriet li kapaċi f’mumenti ta’ diffikultajiet kbar isservi ta’ tarka għad-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha ferm iżjed minn uħud mill-politiċi.

Dan iżda mhux biżżejjed. Minħabba l-poteri enormi li għandhom is-Servizzi tas-Sigurta jeħtieġu li jkollhom min jissorveljhom kontinwament. Is-sorveljanza tas-Servizzi tas-Sigurta’ tirrikjedi enerġija u attenzjoni kbira.  Dan għandu jkun rifless fil-persuna li tintagħżel biex tagħmel din il-ħidma.

Is-soċjeta’ demokratika tirrikonoxxi li hemm ċirkustanzi fejn id-drittijiet individwali jistgħu jkunu imxelfin. Imma dan għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għall-ġid komuni. Għalhekk hemm l-awtoritajiet u l-liġijiet biex kulħadd ikun jaf fejn hu.

M’huwiex aċċettabbli li s-Servizzi tas-Sigurta’ jintużaw għal skop ta’ politika partiġġjana bħalma ntużaw f’Ħal-Għaxaq f’Diċembru 2009. L-anqas m’għandhom ikollhom aċċess għal informazzjoni personali mingħajr ħtieġa u mingħajr awtorizzazzjoni. Jekk dan isirx jiddependi minn kemm inkunu viġilanti.

Hu għalhekk li Alternattiva Demokratika ilha tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ drittijiet diġitali. Dan kien wieħed mill-punti li sħaqna dwaru waqt il-Kampanja Elettorali għall-Parlament Ewropew. Dakinnhar kemm il-PN kif ukoll il-PL baqgħu b’ħalqhom magħluq.  Anke l-media injorat l-issue dakinnhar. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjoni li issa hemm min beda jistenbaħ.

Qatt m’hu tard.

 

https://carmelcacopardo.wordpress.com/2014/06/25/meta-s-servizz-tas-sigurta-mar-hal-ghaxaq-14-ta-dicembru-2009/

Bejn l-Ombudsman u Manwel Mallia

Mallia & Scerri

 

Hu tal-mistħija li l-Ombudsman qiegħed jiġi miżmum milli jinvestiga l-ilmenti fl-Armata. Iktar u iktar meta l-argument diġa’ qam xi snin ilu u ġie riżolt bil-kelma t-tajba.

L-attitudni tal-Ministru Manwel Mallia w is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu hi ta’ ħsara għad-demokrazija fil-pajjiż.

L-Ombudman qiegħed hemm biex jinvestiga u jara x’wassal għall-ilmenti li jkollu quddiem. Min dan ma jifhmux u jostakolah m’għandux ikun afdat bil-poter politiku.

_______

Times                    Army Promotions: Ombudsman files judicial protest against Home Affairs Minister

Malta Today        Ombudsman files judicial protest against Manwel Mallia

F’ħoġor Herman van Rompuy

MUSCAT ROMPUY

Wara l-istqarrija tal-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament huwa ġustifikat li nistaqsu: issa fejn sejrin?

Il-posizzjonijiet tal-Gvern u l-Opposizzjoni jikkuntrastaw mhux daqstant fl-iskop daqskemm fil-metodu.

Ilkoll kemm aħna naqblu li l-piż tal-immigrazzjoni għall-pajjiżna hu kbir. Naqblu lkoll li għandna nipproteġu l-ħajja bla limitu jew kundizzjonijiet iżda li dan l-impenn tagħna m’għandux ikun abbużat.

Ilkoll naqblu li l-għajnuna li tatna s’issa l-Unjoni Ewropeja biex nistgħu naqdu aħjar l-obbligi tagħna li nħarsu l-ħajja ta’ dawk li jeħtieġu din l-għajnuna ma jeżenta lil ħadd mill-obbligi kbar li hemm ta’ kull pajjiż li jifforma parti mill-Unjoni Ewropeja lejn il-pajjiżi fuq il-fruntiera.

Huwa ukoll fatt, li ħadd ma semma il-lejla fil-Parlament li billi l-materja tal-immigrazzjoni mhiex waħda mir-responsabbiltajiet komuni tal-Unjoni azzjoni dwarha teħtieġ l-unanimita’, jiġifieri li jaqblu l-pajjiżi kollha. U jekk din l-unanimita ma tkunx teżisti ftit li xejn jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet .

Saru diversi tentattivi tul is-snin biex jintlaħaq xi forma ta’ ftehim. L-uniku pass li kien hemm qbil dwaru kien illi jgħin min irid, fuq bażi volontarja. Fuq it-TVM2 David Casa nhar il-Ħadd qal li kienu 4 biss il-pajjiżi li offrew l-għajnuna, liema għajnuna issarfet filli dawn ħadu madwar 700 immigrant f’pajjiżhom. Numru ferm żgħir li nqabeż anke mill-għajnuna li tatna l-Istati Uniti tal-Amerika.

Huwa f’dan il-kuntest li wieħed irid jiċcara li l-konflitt ta’ Malta mhux mal-Unjoni Ewropeja iżda mal-Kapijiet tal-Gvern li miġbura flimkien fil-Kunsill Ewropew jieħdu id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tkun teħtieġ li timplimenta.  Għaxra mit-28 Gvern ta’ pajjiżi fil-UE huma immexxija minn Prim Ministri Soċjalisti, 13 minn Prim Ministri ġejjin mill-Partit Popolari. Id-diversita’ ta’ opinjonijiet hi kbira għax ilkoll kemm huma jridu jirrispondu għal opinjoni pubblika kritika f’pajjiżhom.

Kollox ser idur fuq il-kapaċita ta’ Herman van Rompuy President tal-Kunsill li iktar kmieni din is-sena kien hawn Malta u indirizza l-Parlament Malti. Van Rompuy għandu l-fama ta’ consensus builder u l-probabbilta’ li l-problema tispiċċa f’ħoġru.

F’Ġunju li għadda lill-Parlament kien qallu “I am fully aware of Malta’s concerns.”  Jekk minn dan l-għarfien jirnexxilux iwassal għal soluzzjoni iżda għad irridu naraw.