L-istorja dwar l-Egrant għad mhiex lesta.
L-ewwel u qabel kollox hemm ir-rapport tal-inkjesta li għadu mhux magħruf, ħlief minn Joseph Muscat u dawk mgħarrfa minnu.
Bħalissa għaddejja l-battalja legali bejn il-Kap tal-Opposizzjoni Adrian Delia u l-Avukat Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport. Anke jiena nixtieq li r-rapport ikun ippubblikat imma nifhem li hemm diffikultajiet dwar dawk il-partijiet tar-rapport fejn hemm struzzjonijiet dwar lil min għandhom jittieħdu passi kontrih u dwar xiex. Ovvjament waħedha toħroġ l-osservazzjoni li ma kienitx l-aħjar deċiżjoni li jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta Joseph Muscat, ukoll minħabba li anke dan il-fatt jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-investigazzjonijiet li huma meħtieġa min-naħa tal-Pulizija. Li r-rapport ikun ippubblikat b’biċċiet nieqsa ma jsolvi xejn. Naħseb li kien ikun aħjar kieku jkollna paċenzja nistennew, ilkoll kemm aħna.
Imbagħad hemm il-kontrattakk.
Nhar il-Ħadd Joseph Muscat għamel akkużi serji li b’mod ċar juru kif dan il-kontrattakk jista’ jiżviluppa. Muscat qed jgħid li Simon Busuttil kien jaf x’inhu għaddej dwar il-każ Egrant sa mill-bidu nett. Jgħid ukoll li possibilment Busuttil kien ukoll involut fil-koordinazzjoni ta’ kif żviluppaw l-affarijiet.
Issa jiena ma nafx jekk dan il-kliem (flimkien mal-ispjegazzjoni dettaljata dwar x’wassal għalih) intqalx ukoll lill-Maġistrat Aaron Bugeja, u f’dak il-każ jekk il-maġistrat irrappurtax dwaru fir-rapport finali tal-inkjesta, inkluż bir-reazzjoni ta’ Simon Busuttil għal dan. Għax jekk Joseph Muscat għarraf lill-Maġistrat b’dan “il-koordinament” li hu sar jaf bih, bla dubju il-Maġistrat Bugeja jkun talab spjegazzjoni mingħand Simon Busuttil, u kif inhu xieraq ikun għarblu sewwa.
Min-naħa l-oħra, jekk Joseph Muscat ma għarrafx b’dan lill-Maġistrat Aaron Bugeja naħseb li għandu l-obbligu li jispjega għaliex aġixxa b’dan il-mod.
Dwar dan kollu s’issa xejn mhu magħruf, għajr dak li qed jgħid Joseph Muscat.
Apparti dan, sal-ħin li qed nikteb għadni ma qrajt l-ebda kumment ta’ Simon Busuttil dwar dan. Waqa’ skiet komplet.
Dan kollu jfisser li għad hemm ħafna x’jingħad dwar l-istorja Egrant, kif din żviluppat u dan apparti l-inkjesti maġisterjali l-oħrajn li għadhom għaddejjin.
F’dan il-kuntest ilkoll kemm aħna għandna l-obbligu li ma ngħaġġlux biex naslu għall-konklużjonijiet għax bħal dejjem kulħadd jgħidilna bil-biċċa li jaqbillu u jħalli barra l-bqija.
Ikun għaqli li nistennew li naraw l-istampa kollha. Jekk le niżbaljaw bl-ikraħ.
Għalhekk ukoll importanti li naraw ir-rapport kollu tal-inkjesta, u mhux biċċa jew biċċiet minnu.