X’hemm lest għal Birżebbuġa?

Freeport.Aaron

Il-Port Ħieles, skond Aaron Farrugia, CEO tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles, dalwaqt jixpakka. Għandu bżonn l-ispazju biex jikber.

F’intervista ma’ Vanessa MacDonald ippubblikata fil-Business Observer il-bieraħ (supplement tat-Times of Malta) Aaron Farrugia jara potenzjal ghall-espansjoni tal-Port Ħieles fl-art li l-kumpanija GO kellha fit-triq ta’ Ħal-Far. Mid-dehra ma jafx li diġa hemm applikazzjoni fuq din l-art u li l-MEPA diġa esprimiet ruħha li ma taqbilx fil-principju, għalkemm l-applikazzjoni għadha pendenti.

Qed jara ukoll potenzjal għall-iżvilupp tal-Port Ħieles fil-miljun u nofs metru kwadru ta’ art li hemm bejn il-Port Ħieles u Ħal-Far.

Il-konflitt bejn il-ħtiġijiet tar-residenti (ta’ Birżebbuġa) u l-interessi tal-Port Ħieles huwa wieħed reali li kull jum li jgħaddi qiegħed jinħass iktar u jweġġa’. Għax fir-realtà l-Port Ħieles mhux postu daqshekk viċin in-nies. Kien meħtieġ li jinqata’ min-nies billi jitħalla l-ikbar spazju possibli vojt bejnu u r-residenzi. Imma dan l-ispazju qatt ma nħoloq.

L-intervista ta’ Aaron Farrugia hija inkwetanti għax minn dak li fiha jfisser li ma hemm l-ebda intenzjoni li jħallu lir-residenti ta’ Birżebbuġa bi kwiethom.