Wara Ralph Cassar u Marco Spiteri ……….

Shut-Up

Wara li l-FKNK ilmentaw minn kummenti ta’ Ralph Cassar (AD) u Marco Spiteri (PN) kunsilliera f’Ħ’Attard, il-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli Lokali intervjena immedjatament.

Fil-kummenti tagħhom Ralph Cassar u Marco Spiteri qalu li fir-referendum abrogattiv li ser isir nhar il-11 t’April 2015 huma ser jivvutaw kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Għandhom opinjoni u kienu kapaċi jesprimuha. Għax esprimew l-opinjoni tagħhom fuq il-facebook page tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard jidher li tal-FKNK iddarsu u ilmentaw mas-Segretarju Parlamentari nkarigat mill-Kunsilli Lokali. Kitbu lil Josè Herrera flok ma kitbu lil Stefan Buontempo!

F’deċiżjoni li ta’ l-bieraħ, il-Bord tal-Governanza Lokali ddeċieda li l-Kunsilliera Lokali mhux biss għandhom “dritt” talli fuq kollox għandhom ukoll “id-dmir” illi jiftħu ħalqhom u jsemmgħu leħinhom.

Il-Kunsilliera Lokali, qal Dr Joe Mifsud, President tal-Bord ta’ Governanza Lokali, huma rapprezentanti tal-pubbliku, u l-pubbliku għandu dritt li jkun jaf kif jaħsbuha r-rappreżentanti tiegħu.

Ta’ l-inqas, għand hawn min għandu moħħu f’postu f’dan il-pajjiż.

Imma Kunsilliera hawn ħafna iżjed. Ikun tajjeb li wara Cassar u Spiteri jkun hemm iżjed li jsemmgħu leħinhom.  Mhux jibqgħu ħalqhom magħluq kif iriduhom tal-FKNK.

Advertisements

Nies bħal Quinton min qed jagħtihom l-arja?

Quinton Scerri

 

Il-Bord ta’ Governanza Lokali immexxi mill-Avukat Joe Mifsud għadu kif ikkonkluda investigazzjoni dwar il-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar.  Nhar it-Tlieta 8 ta’ Lulju 2014 ippubblika r-rapport bil-konklużjonijiet tiegħu.

Il-konklużjonijiet huma ta’ serjeta’ kbira u juru li għad hawn min għad m’għandux idea dwar ir-responsabbiltajiet li għandu is-Sindku u r-responsabbiltajiet li għandu s-Segretarju (jew is-Segretarja) fil-Kunsilli Lokali.

Is-Sindku hu l-politiku u flimkien mal-Kunsilliera kollha għandu l-obbligu li jfassal il-policies u jieħu d-deċiżjonijiet biex tinġieb il-quddiem il-Lokalita. Is-Segretarju/a min-naħa l-oħra m’huwiex qiegħed hemm biex jiddeċiedi iżda biex jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll biex jara li dawn id-deċiżjonijiet ikunu jaqblu ma dak li jgħidu il-liġijiet u r-regolamenti.

Ir-rapport dwar il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar iqabbadni l-bard. Li ġġib ħafna voti ma jagħtik l-ebda dritt li tikkunsidra lilek innifsek il-fuq mil-liġi. Iġġib kemm iġġib voti xorta għandek l-obbigu li timxi mar-regolamenti finanzjarji. Jekk is-Segretarju/a tal-Kunsill jiġbidlek l-attenzjoni li ċertu affarijiet ma tistax tagħmilhom ifisser li trid tieqaf u jekk ikun hemm bżonn tagħmel il-verifiki u mhux tibqa’ għaddej qiesek bulldowzer.

Mhux ta’ b’xejn li Quinton irreżenja minn Sindku u mill-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar ftit minuti wara li ħareġ ir-rapport.

Osservazzjoni f’waqtha tar-rapport dwar il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar hi din:

“Minħabba li dan l-istharriġ beda wara li sar rapport minn Partit Politiku, il-Bord iħossu fid-dmir li jindirizza lill-Partiti Politiċi dwar għażliet ta’ kandidati sabiex jikkontestaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Il-Partiti li jagħżlu kandidati sabiex joħroġu f’isimhom għandhom jagħmlu skrutinju aktar sever fuqhom qabel jippreżentawhom bħala kandidati tagħhom.

Ma jfissirx li għax ikollok persuna popolari ħafna kif kien f’dan il-każ, dan ikun idejali u adekwat għall-kariga ta’ Kunsillier u wisq iktar ta’ Sindku. Min jikkontesta elezzjoni għall-Kunsill Lokali għandu jkun team player u mhux jaħdem għal rasu u ‘l fuq minn dak li tipprovdi l-liġi.”

Fid-dawl ta’ dan ta’ min jistaqsi: nies bħal Quinton min qed jagħtihom l-arja?

____________________

ara ukoll fuq dan il-blog: Wara San Pawl il-Baħar u l-Munxar……………. qed iberraq f’Ħaż-Żabbar