Brexit u l-artiklu 50 tat-trattat ta’ Liżbona

house-of-commons

 

Fil-Qrati Ingliżi infetaħ l-ewwel kaz dwar ir-referendum Ingliż. Il-Guardian illum tirrapporta li saret l-ewwel talba lill-Qrati Ingliżi li issostni illi l-Prim Ministru Ingliż m’għandux id-dritt li jibda l-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja mingħajr ma l-ewwel ikollu l-approvazzjoni tal-Parlament.

Uħud qed jinterpretaw dan bħala li l-Parlament Ingliż jista’ jkollu l-poter li jmur kontra x-xewqat ta-elettorat kif espress fir-riżultat tar-referendum tat-23 ta’ Ġunju. Ċertament li dan mhux il-każ. Għax għalkemm fis-sistema legali Ingliża l-Parlament hu suprem din is-supremazija legali mhux ser tintuża kontra r-rieda popolari espressa b’mod daqstant ċar mill-elettorat.

X’ser jiġri issa hu diffiċli biex tgħid. Imma hu possibli li jekk il-Qrati Ingliżi jaċċettaw it-talba li qed issirilhom u jiddeċiedu li qabel ma issir id-dikjarazzjoni skond l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Liżbona jkun hemm il-kunsens tal-Parlament, il-Gvern ewroxekkitiku tar-Renju Unit (immexxi minn Theresa May jew Andrea Leadsom) ikun soġġett għal Parlament li fil-maġġoranza tiegħu hu magħmul minn Membri Parlamentari li m’humiex favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja.

Dan jista’ jwassal għal diversi kundizzjonijiet li possibilment ikun jista’ jimponi l-Parlament. Fosthom li kull ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-istess Parlament! Dan bla dubju joħloq problemi kbar għall-applikazzjoni tal-artiklu 50 tat-trattat ta’ Liżbona. Ikun ifisser ukoll li neċessarjament ikun meħtieg perjodu ta’ negozjati qabel ma jkun applikat l-artiklu 50. Għax minkejja li l-Kummissjoni Ewropeja ma tridx tinnegozja dwar dan, it-trattat ta’ Liżbona ma jagħmilx limitazzjoni ta’ din ix-xorta.

Imma bla dubju jekk dan iseħħ ikun qed jagħti l-poter kompletament f’idejn il-Parlament u jassoġġetta lill-Gvern tal-ġurnata għall-iskrutinju strett tal-istess Parlament. Użat b’mod responsabbli, dan il-poter bla dubju jista’ jwassal għal żviluppi interessanti.

Wara Barroso min?

Muscat + Junker

Għamel tajjeb il-Gvern Malti li ħabbar illi f’dan l-istadju ser jappoġġa l-kandidatura  tal-ex Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean Claude Junker biex dan ikun is-suċċessur ta’ Josè Manuel Barroso. Il-posizzjoni tal-Gvern Malti tirrispetta dak li jipprovdi t-trattat ta’ Liżbona u li ser ikun implimentat għall-ewwel darba issa: fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropeja, il-Kunsill Ewropew [kompost mill-Kapijiet tal-Gvernijiet] għandu jirrispetta r-riżultat elettorali tal-Parlament Ewropew.

Il-posizzjoni li ħa l-Gvern Malti hi posizzjoni tajba mhux biss għax tirrispetta t-trattat ta’ Liżbona, iżda fuq kollox għax dan qed isir fil-konfront ta’ rappreżentant ta’ partit politiku differenti minn dak li jappartjeni għalih  il-partit fil-Gvern f’Malta. Huwa tajjeb li l-ispirtu Ewropew qed isaħħah  l-għeruq f’pajjiżna ukoll!  Jidher, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Joseph Muscat, illi Jean Claude Junker ta’ assigurazzjonijiet lill-Gvern Malti illi l-programm tal-Kummissjoni Ewropeja mmexxija minnu ser tagħti attenzjoni u enerġija lil proposti dwar l-immigrazzjoni skond ix-xewqa tal-Gvernijiet diversi fil-Mediterran, fuq quddiem net Malta u l-Italja. Dan hu pass tajjeb. Prosit.

Il-Kunsill Ewropew mistenni li jieħu deċiżjoni dwar is-suċċessur ta’ Barroso fis-summit ta’ tmiem ix-xahar. S’issa għadu mhux ċar jekk il-proposta tal-ħatra ta’ Junker hux ser tkun approvata u dan minħabba li hemm numru ta’ Gvernijiet Ewropej li iddikjaraw jew indikaw li ma jaqblux ma dan.

L-iktar li semma’ leħnu kien David Cameron Prim Ministru ta’ dak li sa issa hu r-Renju Unit. Cameron qed jopponi l-ħatra ta’ Junker minħabba l-politika federalist tiegħu (ta’ Junker) li Cameron iqies bħala ostaklu kbir għall-posizzjoni ta’ Cameron li l-Unjoni Ewropeja iżżarma kemm tista’ mir-regolamenti tagħha li ma jikkonċernawx il-kummerċ!

Cameron mhux waħdu. Għandu l-appoġġ tal-Gvernijiet tal-Isvezja, l-Olanda u l-Ungerija.

L-anqas Matteo Renzi, għall-Gvern Taljan, ma jidher li hu kuntent bin-nomina ta’ Junker.

Jekk dawn hux ser jibqgħu waħedhom jew jekk hux ser jiżdiedu fl-opposizzjoni għall-ħatra ta’ Junker għadu ftit kmieni biex inkunu nafu. Imma huwa importanti għax il-ħatra ta’ Junker teħtieġ l-approvazzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata: 55% tal-pajjizi membri li jirrappreżentaw 65% tal-popolazzjoni Ewropeja.

Jekk il-Kunsill Ewropew japprova l-ħatra ta’ Jean Claude Junker bħala President tal-Kummissjoni Ewropeja, imbagħad ikun imiss l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Fil-Parlament Ewropew l-opinjonijiet huma ħafna iktar ikkuluriti. Għalissa xejn ma hu assigurata, l-anqas hemm.  Wara l-aħħar ta’ dan ix-xahar, kif ukoll meta l-programm politiku ta’ Junker ikun magħruf imbagħad l-affarijiet ikunu ftit iktar ċari.

Nistennew u naraw.

ippubblikat fuq iNews: it-Tlieta 17 ta’ Ġunju 2014

Parlament tad-dilettanti?

parlament

Il-Parlament hemm bżonn li jkun full-time.  Ma jistax ikun li nibqgħu b’Parlament tad-dilettanti. B’Membri Parlamentari li l-prijorita’ tagħhom hi l-professjoni jew ix-xogħol tagħhom.

Min għalih il-professjoni hi iktar importanti mill-Parlament jagħmel tajjeb li jiddedika l-ħin tiegħu jew tagħha għall-professjoni u jħalli s-siġġu tal-Parlament għal min hu lest li jagħti prijorita’ lill-ħidma Parlamentari.

Bħalissa għandna Parlament li fost il-Membri tiegħu għandu min il-prijorita’ tiegħu hi li  jara lill-klijenti fil-klinka jekk tabib, jew fl-uffiċċju jekk avukat jew Perit jew xi xogħol ieħor. Imbagħad, x’ħin ilesti, u  jekk ikunu baqa’ ħin imur il-Parlament.

Il-konsegwenza ta’ dan tidher fil-ħidma tal-Parlament, għax il-Parlament xogħolu m’hux jagħmlu, għax ħin biżżejjed x’jiddedika m’għandux.

Il-Parlament Malti hu l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropeja li ma kienx kapaċi jirreaġixxi fid-dettall meħtieġ  għal mijiet ta’ proposti ta’ liġi tal-Unjoni Ewropeja. Dan id-dritt li inkiseb bit-trattat ta’ Liżbona u li permezz tiegħu l-Parlamentari tal-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw u f’xi każi jwaqqfu leġislazzjoni Ewropeja għalina l-Maltin qiesu ma jeżistix għax il-Parlament Malti huwa wieħed tal-part-timers. Parlament tad-dilettanti.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat waqqaf Bord  biex jagħtih proposti dwar kif għandhom ikunu imfassla s-salarji ta’ dawk li jokkupaw uffiċċju politiku. Din il-Kummissjoni li hi magħmula mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċjal Elettorali Ewlieni, l-bieraħ t-Tlieta 15 t’Ottubru iltaqgħet ma’ Alternattiva Demokratika.

Jiena u Arnold Cassola tkellimna magħhom fit-tul u fissirnielhom il-proposti fil-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika. L-ewwel fosthom li l-Parlament jeħtieġ li ikun wieħed ta’ full-timers u li l-Membri Parlamentari m’għandhom jagħmlu l-ebda xogħol ieħor għajr dak tal-Parlament.

Dan ifisser li m’għandhomx jinħatru fuq Bordijiet tal-Gvern, kif sar dan l-aħħar. Biex inkun preċiz mhux issa biss sar dan. Sar ukoll fi żmien Gvernijiet oħra. Imma issa sar fuq skala ikbar milli sar fi żminijiet oħra.

Ifisser ukoll li l-Membri Parlamentari jkollhom iktar ħin biex jagħmlu dak li suppost jagħmlu, jiġifieri li jiflu l-ħidma tal-Gvern.

F’Parlament tad-dilettanti l-Gvern jagħmel li jrid. F’Parlament fejn il-membri jkollhom il-ħin biex xogħolhom jagħmluh il-Gvern jimxi ħafna aħjar.

Dan hu l-Parlament li jixirqilna bħala pajjiż, mhux Parlament tad-dilettanti.

Ara ukoll l-istqarrija ta’ Alternattiva Demokratika li tinkludi l-proposti kollha sottomessi. Agħfas hawn.